|
MESSAĠĠ
TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-ORGANIZZATURI U L-PARTEĊIPANTI
TAS-VII LAQGĦA TAL-FORUM TAL-POPLI INDIĠENI
[Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu (IFAD) li sar f’Ruma fl-10 u l-11 ta’ Frar, 2025]
Lill-Eċċellenza Tagħha
Is-Sinjura MYRNA CUNNINGHAM
President tal-Kumitat Direttiv tal-Forum tal-Popli Indiġeni
fi ħdan il-Fond Internazzjonali għall-iżvilupp agrikolu (IFAD)
Eċċellenza,
Nixtieq insellem lil kull min qed jieħu sehem f’dil-laqgħa u nawgura li tkun spazju sinifikattiv ta’ dibattitu, studju u riflessjoni dwar il-prijoritajiet, il-preokkupazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet ġusti tal-komunitajiet oriġinarji.
It-tema magħżula, “Id-dritt tal-Popli indiġeni li jiddeterminaw liberament: mogħdija lejn is-sigurtà u s-sovranità alimentari”, tistedinna biex nagħrfu l-valur tal-popli oriġinarji, kif ukoll il-wirt anċestrali ta’ għarfien u drawwiet li jgħanu b’mod pożittiv il-familja kbira umana, u jlewnuha b’diversi aspetti tat-tradizzjonijiet tagħhom. Dan jiftaħ xefaq ta’ tama fis-siegħa li ninsabu fiha, immarkata bi sfidi kbar u kumplessi biex ma nsemmux ukoll il-bosta tensjonijiet.
Id-difiża tad-dritt li wieħed jippreserva l-kultura propja u l-identità propja, bilfors trid tagħti għarfien lill-valur tal-kontribut li jagħtu lis-soċjetà u biex tkun imħarsa l-eżistenza tagħhom u tar-riżorsi naturali li jeħtieġu għall-għixien tagħhom. Ħaġa li hi mhedda bil-kbir mit-tkabbir u l-ħtif ta’ artijiet kultivabbli min-naħa tal-multinazzjonali, investituri kbar u Stati. Huma prattiċi li qed iġibu ħsarat, u jqiegħdu f’riskju d-dritt ta’ ħajja dinjituża għal dawn il-komunitajiet.
L-art, l-ilma u l-ikel mhumiex sempliċiment merċa, imma l-bażi nfisha tal-ħajja u tar-rabta ta’ dawn il-popli man-natura. Għaldqstant , dawn id-drittijiet mhumiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja imma wkoll garanzija ta’ ġejjieni sostenibbli għal kulħadd. Imqanqlin min das-sens ta’ appartenenza fil-familja umana nistgħu nagħmluha possibbli li l-ġenerazzjonijet tal-futur igawdu dinja fl-armonija bis-sbuħija u t-tjubija li mexxew idejn Alla meta ħalaqhom.
Nitlob b’ħeġġa kbira lil Alla Omnipotenti sabiex dawn l-isforzi jagħtu l-frott u jkunu ta’ ispirazzjoni għal min nu responsabbli fi ħdan in-nazzjonijiet, b’mod li jittieħdu miżuri xierqa ħalli l-familja umana timxi magħquda flimkien lejn il-kisba tal-ġid komuni, bla ħadd ma jibqa’ barra jew jintefa’ lura.
Mill-Vatikan, 10 ta’Frar, 2025
FRANĠISKU
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber