MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU,
IFFIRMAT MILL-KARDINAL SEGRETARJU TAL-ISTAT PIETRO PAROLIN,
FL-OKKAŻJONI TAL-61 MEETING TAL-ĦBIBERIJA BEJN IL-ĠNUS

[RIMINI, 18-23 AWWISSU 2020] 

Mill-Vatikan, 5 ta’ Awwissu 2020

 

Lill-Eċċellenza Tiegħu Reverendissima
Mons. Francesco LAMBIASI
Isqof ta’ Rimini

 

Eċċellenza Reverendissima,

Il-Qdusija tiegħu jixtieq iwassal permezz tiegħek ix-xewqat tiegħu għas-suċċess tal-61 edizzjoni tal-Meeting tal-ħbiberija bejn il-ġnus, li se jsir b’mod diġitali. Il-Papa Franġisku iwiegħed lill-organizzaturi u lil dawk li se jieħdu sehem li jkun qrib tagħhom anke bit-talb.

Min hu dak li ma sabx ruħu magħqud ħaġa waħda mal-oħrajn minħabba l-esperjenza tal-pandemija? «Indunajna li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, ilkoll kemm aħna fraġli u diżorjentati. Din il-maltempata tikxef id-dgħufija tagħna, kif ukoll tikxef dawk is-sigurtajiet foloz li fuqhom bnejna l-programmi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet tagħna kif ukoll il-prijoritajiet tagħna. Turina li ħallejna rieqed u warrabna dak li jagħti l-ħajja, iwieżen u u jqawwi lil ħajjitna.» (Franġisku,  Mument straordinarju ta’ talb, Sagrat tal-Bażilika ta’ San Pietru, 27 ta’ Marzu 2020).

It-titlu ta’ din is-sena: «Imċaħħdin mill-meravilja, nibqgħu torox għas-sbuħija» (A.J. Heschel, Dio alla ricerca dell’uomo, Torino 1969, 274), joffri kontribut siewi u oriġinali f’mument tant qawwi fl-istorja tad-dinja. Fit-tiftix tal-ġid materjali, iktar mit-tiftix ta’ dak li hu sewwa, ħafna serrħu biss fuq il-ħila tagħhom, fuq il-kapċita li jipproduċu u li jaqilgħu, filwaqt li abbandunaw dak l-atteġġament tal-mod ta’ kif it-tfal iħarsu lejn ir-rejalta tal-ħajja: l-istagħġib. F’dan ir-rigward, G.K. Chesterton kiteb: «L-ikbar skejjel u l-ikbar għorrief ma kellhom qatt dik il-profondita li hemm fl-għajnejn ta’ tarbija ta’ tliet xhur. Għax din kapaċi tistagħġeb quddiem l-univers, u dan l-istagħġib mhux mistiċiżmu, imma sens komun traxxendenti.» (L’imputato, Torino 2011, 113).

Tiġini f’moħħi l-istedina ta’ Ġesù biex insiru bħat-tfal (Mt 18,3), imma anke l-għaġeb ta’ dak kollu li jeżisti, li jikkostitwixxi l-prinċipju tal-filosofija Griega antika. Huwa dan l-istagħib li jmexxi u jibqa’ jmexxi l-ħajja, u jippermettilha li terġa’ tibda fi kwalunkwe             ċirkustanza. «Huwa l-atteġġament li għandu jkollna, għaliex il-ħajja hija don li tagħtina l-possibilità li nerġgħu nibdew kull darba», qal il-Papa Franġisku, filwaqt li insista fuq il-ħtieġa li jerġa’ jkollna mill-ġdid dak l-istagħġib biex ngħixu: «il-ħajja mingħajr stagħġib issir griża, dejjem l-istess; hekk ukoll il-fidi. U anke l-Knisja teħtieġ li tiġġedded fl-istagħġib biex tkun dar fejn joqgħod Alla l-Ħaj, Għarusa tal-Mulej, Omm li tnissel ulied» (Omelija, 1° Jannar 2019).

Fix-xhur li għaddew għamilna l-esperjenza ta’ dik id-dimensjoni tal-istagħġib li jieħu l-għamla ta’ kompassjoni quddiem it-tbatija, id-dgħufija, u tal-prekarjeta tal-eżistenza. Dan is-sentiment uman nobbli ġiegħel lit-tobba u lill-infermiera biex jiffaċċjaw l-isfida serja tal-Coronavirus b'dedikazzjoni qawwija u b’impenn ta’ min jammirah.  L-istess sentiment sħiħ ta' imħabba għall-istudenti ippermetta lil ħafna għalliema biex jgħixu l-għeja tat-tagħlim online, u jiżguraw it-tmiem tas-sena skolastika. Ħalla wkoll lil ħafna jsibu fl-uċuħ u fil-preżenza tal-membri tal-familja s-saħħa biex jiffaċċjaw diffikultajiet u tbatijiet.

F’dan is-sens, it-tema tal-Meeting li jmiss, għandu sejħa qawwija biex ninżlu fil-profondità tal-qalb tal-bniedem permezz tal-istagħġib. Kif jista’ jkun ma tħossx sentiment ta’ stagħġib quddiem xeni sbieħ ta’ xi muntanja, jew meta tisma’ xi biċċa mużika li tqanqallek ruħek, jew sempliċiment quddiem xi ħadd li jħobbok, jew quddiem id-don tal-ħolqien? L-istagħġib huwa verament il-mod biex tilqa’ s-sinjali ta’ dak li hu sublimi, jiġifieri ta’ dak il-Misteru li jifforma l-għeruq u l-pedament ta’ kull ħaġa. Fil-fatt, «mhux biss il-qalb tal-bniedem hija sinjal, iżda wkoll ir-rejalta’ kollha. Biex wieħed jeżamina ruħu quddiem dawn is-sinjali, wieħed jeħtieġ kapaċita umana kbira, l-ikbar kapaċita li għandna bħal irġiel u nisa: l-istagħġib, il-kapaċita li nistagħġbu, kif jgħid Giussani. L-istagħġib biss jaf.» (J.M. Bergoglio, in A. Savorana, Vita di don Giussani, Milano 2014, 1034). Għalhekk J.L. Borges kellu l-ħila jgħid: «Is-sentimenti kollha jgħaddu, l-istagħib biss jibqa’.» (Il deserto e il labirinto).

Jekk din il-ħarsa ma nibżgħux għaliha, insiru għomja quddiem l-eżistenza: magħluqin fina nfusna, nibqgħu miġbudin biss lejn dak li jgħaddi u nieqfu nistaqsu dwar ir-rejaltà. Anke fid-deżert tal-pandemija qed nerġgħu nistaqsu mistoqsijiet li għamlu żmien twil reqdin: x’inhu s-sens veru tal-ħajja, tat-tbatija u tal-mewt? «Il-bniedem ma jikkuntentax ruħu b’nofs tweġibiet, bħallikieku biex wieħed jaħbi jew jinsa xi aspett tar-rejaltà li qed ngħixu. Fih innifsu l-bniedem għandu ġibda lejn l-infinit, dieqa infinita, nostalġija li tkun sodisfatta biss bi tweġiba infinita. Il-ħajja kienet tkun xewqa bla sens, jekk din it-tweġiba ma teżistix.» (J.M. Bergoglio, in Vita di don Giussani, cit., 1034).

Diversi persuni marru jfittxu tweġibiet jew saħansitra sempliċiment mistoqsijiet fuq it-tifsira vera tal-ħajja li lejha lkoll naspiraw, anke mingħajr ma nkunu konxji minnha. U hekk seħħet xi ħaġa li tidher paradossali: minflok ma qatgħu l-iktar għatx prodond tagħhom, il-fatt li kienu magħluqin u iżolati qajjem f’xi wħud il-kapċita li jistagħġbu quddiem persuni jew ċirkustanzi li qabel kienu jeħduhom for granted. Ċirkustanza drammatika bħal din, reġgħet  ġabet lura, almenu għal ftit, mod iżjed ġenwin biex wieħed japprezza l-eżistenza,  mingħajr dawk id-distrazzjonijiet u prekonċetti kumplikati li jniġġsu l-ħarsa tagħna, jisfukaw l-affarijiet, joqtlu l-istagħġib, u lilna jaljenana milli nistaqsu min aħna.

Fl-eqqel tal-emerġenza tas-saħħa, il-Papa irċieva ittra iffirmata minn diversi artisti, li irringrazzjawh talli talab għalihom matul il-Quddiesa f’Santa Marta. F’’dik l-okkażjoni huwa qal: «L-artisti jgħinuna nifhmu x’inhi s-sbuħija, u mingħajr sbuħija il-Vanġelu ma jistax jiftiehem.» ( 7 Mejju 2020). L-importanza tas-sbuħija biex wieħed jiskopri l-verità urieħ fost l-oħrajn, it-teologu Hans Urs von Balthasar: «F’dinja mingħajr sbuħija anke it-tajjeb jitlef il-qawwa tiegħu li jiġbed lill-oħrajn ... u l-bniedem jibqa’ mħawwad u jistaqsi lilu nnifsu għaliex hu m’għandux jippreferi l-ħażin. Din ukoll hija possibilità, forsi iktar eċċitanti... » (Gloria I, Milano 2005, 11).

Għalhekk it-tema tal-Meeting  tniedi sfida lill-insara, imsejħin biex ikunu xhieda tal-ġibda profonda li għandha l-fidi minħabba s-sbuħija tagħha:  «il-ġibda li hu Ġesù», skont espressjoni sabiħa tas-Qaddej t’Alla Luigi Giussani. Meta tkellem dwar l-edukazzjoni għall-fidi, il-Papa kiteb hekk f’dak li hu meqjus bħala d-dokument-programm tal-Pontifikat tiegħu: «  F’din il-prospettiva, l-espressjonijiet kollha ta’ ġmiel veru nistgħu nħarsu lejhom bħala triq li tgħinna niltaqgħu mal-Mulej Ġesù.  M’aħniex nitkellmu hawn fuq li nħeġġu xi relattiviżmu estetiku, li jista’ jdallam ir-rabta inseparabbli bejn verità, tjieba u ġmiel, imma li nirkupraw dak ir-rispett lejn il-ġmiel li permezz tiegħu nistgħu nilħqu l-qalb tal-bniedem u nagħmlu li jilmaw fih il-verità u t-tjieba tal-Irxoxt.  Jekk, kif jafferma Santu Wistin, aħna xejn ma nħobbu ħlief dak li hu sabiħ, l-Iben magħmul bniedem, rivelazzjoni tal-ġmiel dejjiemi, hu ta’ min iħobbu fuq kollox, u jiġbidna lejh b’rabtiet ta’ mħabba.  Għalhekk hu meħtieġ li l-formazzjoni fil-via pulchritudinis tkun tagħmel parti mit-trasmissjoni tal-fidi.» (Evangelii gaudium,167).

Il-Papa għalhekk jistedinkom biex tkomplu tikkollaboraw miegħu biex tagħtu xhieda tas-sbuħija ta’ Alla, li sar bniedem biex għajnejna jistagħġbu meta jaraw wiċċu, u biex il-ħarsa tagħna ssib fih is-sbuħija li ngħixu. Dan qalu San Ġwanni Pawlu II, li għadna kemm fakkarna l-mitt sena mit-twelid tiegħu: «Hija ħaġa tajba li tkun bniedem, għax Int, Ġesù, sirt bniedem.» (Omelija, 15 April 1984). Forsi mhijiex din l-iskoperta tal-għaġeb l-ikbar kontribut li l-insara jistgħu jagħtu biex ikabbru t-tama tal-bnedmin? Din hija biċċa xogħol li ma nistgħux naħarbu minnha, speċjalment f’dan il-mument diffiċli tal-istorja. Din hija s-sejħa li nħallu s-sbuħija tidher f’ħajjitna, dik is-sbuħija li bidlet ħajjitna, inkunu xhieda konkreta tal-imħabba li ssalva, speċjalment ma’ dawk li bħalissa l-iktar li qegħdin ibatu.

B’dawn is-sentimenti, il-Papa jibgħat mill-qalb il-Barka Appostolika tiegħu lilek Eċċellenza, u lil dawk kollha li se jieħdu sehem fil-Meeting, u jitlobhom ikomplu jitolbu għalih. Ma’ dan ngħaqqad ukoll it-tislima tiegħi mill-qalb, filwaqt li nuri r-rispett mistħoqq lilek, Eċċellenza Reverendissima.
 

dev.mo

Pietro Card. Parolin
Segretarju tal-iStat

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes