MESSAĠĠ BIL-VIDJOW TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TAL-LAQGĦA VIRTWALI ORGANIŻŻATA

MILL-FUNDAZZJONI “SCHOLAS OCCURRENTES”

Il-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju, 2020

 

Għeżież ħuti,

Illum, wara li għal diversi snin iddiskutejna l-mistoqsija li tatna l-ħajja, hu ta’ ferħ kbir għalija nsejħilkom ‘komunità’.  Komunità ta’ ħbieb, komunità ta’ aħwa rġiel u nisa.

Niftakar il-bidu tagħkom: żewġ għalliema, żewġ professuri, f’nofs kriżi, b’farka ġenn u ftit intwizzjoni.  Ħaġa bla programm, li negħxet u tkattret mal-mixja.

Filwaqt li l-kriżi ta’ dak iż-żmien kienet tħalli warajha art mimlija vjolenza, dik l-edukazzjoni għaqqdet flimkien liż-żgħażagħ u fihom nisslet is-sens, u, għalhekk, iġġenerat is-sbuħija.

F’qalbi jiġuni tlett xbiehat ta’ dik il-mixja, tlett xbiehat li kienu tliet snin ta’ riflessjoni u laqgħat: il-miġnun fil-film “La Strada” ta’ Fellini, “Is-Sejħa ta’ Mattew” ta’ Caravaggio u “L-idiota” ta’ Dostoevskij.

Is-Sens – il-miġnun, is-Sejħa – Mattew – is-Sbuħija.

It-tlieta huma stejjer dwar xi kriżi.  U fihom it-tlieta, għalhekk, hemm tiżfen fin-nofs ir-responsabbiltà umana.  Fl-oriġini tagħha l-kelma kriżi tfisser “ksur”, “qtugħ” “ftuħ”...”periklu”, imma wkoll “opportunità”.

Meta l-għeruq ikollhom bżonn l-ispazju biex ikomplu jikbru, il-qasrija tispiċċa tinkiser.

Il-fatt hu li l-ħajja hi akbar mill-ħajja personali tagħna u għalhekk tinqasam.  Imma x’inhi l-ħajja!  Tikber, titkisser.

Miskina l-umanità mingħajr kriżijiet!  Kollox perfett, kollox fl-ordni, kollox illamtat.  Imsejkna.  Naħsbu ftit, umanità bħal din tkun umanità marida, magħdura ħafna.  Għall-grazzja t’Alla dan mhux iseħħ.  Tkun umanità rieqda.

Min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li l-kriżi tqanqalna u ssejħilna biex noħorġu fil-beraħ, jitfaċċa l-periklu, meta ma jgħallmuniex kif nirrelataw ma’ dak il-ftuħ.  Għalhekk il-kriżijiet, neqsin minn akkumpanjament xieraq, huma perikolużi, għax nistgħu nitilfu l-boxxla.  Dan hu l-parir tad-dehenin, anki fil-kriżijiet żgħar personali, taż-żwieġ, soċjali, li jfisser: “qatt taffronta l-kriżi waħdek, idħlilha dejjem akkumpanjat”.

Waqt il-kriżi ninħakmu mill-biża’, ningħalqu fina nfusna, jew nibdew itennu dak li jaqbel lill-ftit, niżvujtaw mis-sens, naħbu s-sejħa personali, nitilfu s-sbuħija.  Dan jiġri meta l-kriżijiet nippruvaw ngħaddu minnhom waħedna, mingħajr għajnuna.  Dis-sbuħija, li kif kien jgħid Dosotevskij, issalva d-dinja.

Il-komunità “Scholas” twieldet minn kriżi. Imma ma għaqqditx il-ponnijiet biex tiġġieled mal-kultura, u lanqas rabtet idejha fuq żaqqha b’rassenjazzjoni, u lanqas ħarġet mill-kriżi tibki u tilmenta: xi żmien terribbli!  Ħarġet mill-kriżi bis-smigħ ta’ qalb iż-żgħażagħ biex trawwem realtà ġdida:  Din mhix qed taħdem?  Ejjew immorru nfittxu post ieħor”.

“Scholas” titfaċċa minn ġox-xquq tad-dinja – mhux minn rasha – b’ġisimha kollu, biex tara jekk mill-ftuħ tkunx tista’ tasal għal-tweġiba oħra.

Din hi l-edukazzjoni.  L-edukazzjoni tisma’, inkella mhix teduka.  Jekk ma tismax, ma tedukax.  L-edukazzjoni toħloq il-kultura, inkella mhix teduka.  L-edukazzjoni tgħallimna niċċelebraw inkella mhix teduka.

Xi ħadd jista’ jgħid: “Imma, kif, l-edukazzjoni mhix il-kisba tat-tagħrif?”  Le, dan ikun biss għarfa.  Imma l-edukazzjoni tifsser smigħ, ħolqien ta’ kultura, ċelebrazzjoni.

B’hekk kibret “Scholas”.   Lanqas dawk iż-żewġ imġienen – il-missirijiet fundaturi, nistgħu nsejħulhom hekk bid-daħka – ma kienu jimmaġinaw li din l-esperjenza edukattiva fid-djoċesi ta’ Buenos Aires kella toktor u ssir kultura wara għoxrin sena, u “poetikament tibda’ tgħammar f’din l-art”, kif kien jgħallimna Hölderlin.  Bis-smigħ, bil-ħolqien u biċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja.  Dil-kultura ġdida bdiet tgħammar poetikament f’din l-art.

Bdiet tarmoniżża l-lingwaġġ tal-ħsieb mas-sentimenti u l-azzjoni.  U dak li smajtuni ngħid kemm-il darba: lingwaġġ tal-moħħ, tal-qalb u tal-idejn, sinkroniżżati.  Moħħ, qalb u jdejn li jikbru flimkien f’armonija.

Fi “Scholas” rajt professuri u studenti Ġappuniżi jiżfnu mal-Kolombjani.  Impossibbli?  Rajtu b’għajnejja.  U ż-żgħażagħ Iżraeljani jilgħabu mal-Palestinjani.  Rajtu b’għajnejja.  U studenti minn Haiti jaqsmu ħsibijiethom ma’ dawk minn Dubai.  U tfal mill-Mozambique ipinġu flimkien ma dawk mill-Portugall... Rajt żebbuġa li kienet qed toħloq Kultura tal-Laqgħa bejn l-Orjent u l-Punent.

Għalhekk, f’dil-kriżi ġdida li llum qed tħabbat wiċċha magħha l-umanità, fejn il-kultura wriet li tiflet il-vitalità tagħha, irrid niċċelebra l-fatt li “Scholas”, bħala komunità li teduka, bħala istituzzjoni li qed tikber, tiftaħ il-bibien tagħha għall-Università tas-Sens.  Għax l-edukazzjoni tfisser it-tfittxija għas-sens tal-affarijiet.  Tfisser li tgħallem kif tfittex is-sens tal-affarijiet.

It-twaħħid tal-ħolm tat-tfal ma’ taż-żgħażagħ flimkien mal-esperjenza tal-adulti u tal-anzjani.  Din hi laqgħa li għandna ssir dejjem inkella m’hemmx umanità, għax ma jkunx hemm għeruq, ma jkunx hemm storja, lanqas wegħda, m’hemm tkabbir, m’hemmx profezija.

Studenti ta’ kull realtà, lingwa, twemmin, sabiex ħadd ma jibqa’ barra meta dak li jiġi mgħallem ma tkunx “ħaġa” imma tkun il-Ħajja.  L-istess ħajja li ssawwarna u li għad issawwar dinjiet oħra.  Dinjiet diversi, uniċi, kif aħna uniċi lkoll.  Fit-tbatijiet l-aktar profondi, il-ferħat, ix-xewqat u n-nostalġiji tagħna.  Dinjiet ta’ gratwità, sens u sbuħija.  Jista’ jidhrilkom li huma inutli, speċjalment daż-żmien.  “L-Idjota”, “is-sejħa” ta’ Caravaggio u l-miġnun tal-film “La Strada”.

Tinsewhom qatt dawn l-aħħar tlett kelmiet: gratwità, sens u sbuħija.  Jistgħu jidhru inutli, speċjalment illum.  Min irid joħloq soċjetà fuq il-gratwità, is-sens u s-sbuħija?  Dawn mhux produttivi, mhux produttivi.  Madankollu minn dan li jidher inutli tiddependi l-umanità kollha kemm hi, il-ġejjieni.

Ibqgħu mexjin, aħkmu dil-mistika li ġiet mogħtija b’rigal, li ma vvintaha ħadd; u l-ewwel li baqgħu sorpriżi kienu dawk iż-żewġ imġienen li waqqfuha.  U b’hekk joffruha, ituha, għax mhix tagħhom.  Hi ħaġa li waslet għandhom bħala don.  Ibqgħu mexjin billi tiżirgħu u taħsdu, bit-tbissima, bir-riskju, imma lkoll flimkien u dejjem id f’id biex tgħelbu kull kriżi.

Il-Mulej iberikkom u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber