Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦAS-XXXVII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 2022-2023

 

“Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39)

 

Għeżież żgħażagħ!

 

It-tema tal-JDŻ tal-Panamá kienet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38). Wara dik il-ġrajja rġajna qbadna t-triq lejn destinazzjoni ġdida – Lisbona 2023 – waqt li nħallu eku fi qlubna l-istedina ta’ Alla li tagħfas fuqna biex inqumu. Fl-2020 immeditajna fuq il-kelma ta’ Ġesù: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” (Lq 7:14). Is-sena l-oħra nebbħitna l-figura ta’ San Pawlu Appostlu, li Kristu Rxoxt qallu: “Qum! Qed nagħmlek xhud tad-dehra li fiha rajtni” (ara Atti 26:16). Fil-biċċa li fadlilna biex naslu Lisbona se nimxu flimkien mal-Verġni ta’ Nazaret li, dritt wara t-tħabbira, “qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39) biex tmur u tgħin lill-kuġina tagħha Eliżabetta. Il-verb komuni għat-tliet temi hu nqumu, espressjoni li – tajjeb niftakru – tassumi wkoll it-tifsira ta’ “tirxoxta”, “terġa’ tqum għall-ħajja”.

 

F’dawn l-aħħar żminijiet hekk ibsin, fejn l-umanità, diġà mġarrba mit-trawma tal-pandemija, hi mċarrta mit-traġedja tal-gwerra, Marija terġa’ tiftaħ għal kulħadd u b’mod partikulari għalikom, żgħażagħ bħalha, it-triq tal-qrubija u tal-laqgħa. Nittama, u nemmen bil-qawwa, li l-esperjenza li ħafna minnkom sa jgħixu f’Lisbona f’Awwissu tas-sena d-dieħla se tfisser bidu ġdid għalikom iż-żgħażagħ u – magħkom – għall-umanità kollha.

 

Marija qamet

Marija, wara t-tħabbira, setgħet kieku riedet tikkonċentra fuq nfisha, fuq it-tħassib u fuq il-biżgħat minħabba fil-qagħda ġdida tagħha. Imma le, hi tafda totalment f’Alla. Pjuttost taħseb f’Eliżabetta. Tqum u toħroġ għad-dawl tax-xemx, fejn hemm il-ħajja u l-moviment. Minkejja t-tħabbira tal-anġlu li ħawditha u ġabet “terremot” fil-pjanijiet tagħha, iż-żagħżugħa ma tħallix xi jwaħħalha, għax ġo fiha hemm Ġesù, qawwa tal-qawmien. Fiha hi qed iġġorr lill-Ħaruf Maqtul imma dejjem ħaj. Tqum u tidħol f’moviment, għax hi ċerta li l-pjanijiet ta’ Alla huma l-aħjar proġett possibbli għal ħajjitha. Marija ssir tempju ta’ Alla, xbieha tal-Knisja li timxi, il-Knisja li toħroġ u taqdi, il-Knisja li twassal l-Aħbar it-Tajba!

 

Li nduqu l-preżenza ta’ Kristu Rxoxt f’ħajjitna, niltaqgħu miegħu “ħaj”, huwa l-ikbar ferħ spiritwali, splużjoni ta’ dawl li ma tista’ tħalli lil ħadd “wieqaf”. Minnufih tpoġġina f’moviment u timbuttana biex inwasslu lill-oħrajn din l-aħbar, biex nagħtu xhieda tal-ferħ ta’ din il-laqgħa. Dan hu li jqanqal il-ħeffa tal-ewwel dixxipli fil-jiem ta’ wara l-qawmien: “Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu” (Mt 28:8).

 

Ir-rakkonti tal-qawmien spiss jinqdew biż-żewġ verbi li jfissru qamu. Bihom il-Mulej irid jimbuttana biex noħorġu lejn id-dawl, u naslu għandu biex naqbżu l-għatba tal-bibien magħluqa kollha tagħna. “Hija xbieha sinifikattiva għall-Knisja. Aħna wkoll, bħala dixxipli tal-Mulej u bħala Komunità Nisranija, aħna msejħin inqumu malajr biex nidħlu fid-dinamiżmu tal-qawmien u biex inħallu lill-Mulej jeħodna fit-toroq li hu jrid jurina” (Omelija fis-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, 29 ta’ Ġunju 2022)

 

L-Omm tal-Mulej hi mudell taż-żgħażagħ f’moviment, mhux weqfin bla ma jiċċaqalqu quddiem il-mera jikkontemplaw ix-xbieha tagħhom infushom jew “maqbuda” fix-xbieki. Ħarsitha hi kollha lejn dak li hemm barra minnha. Hija l-mara tal-Għid, fi stat permanenti ta’ eżodu, ta’ ħruġ minnha nfisha lejn l-Ieħor il-kbir li hu Alla u lejn l-oħrajn, l-aħwa, fuq kollox dawk l-iżjed fil-bżonn, kif kienet il-kuġina Eliżabetta.

 

u marret tħaffef

San Ambroġ ta’ Milan, fil-kummentarju tiegħu għall-Vanġelu ta’ Luqa, jikteb li Marija marret tħaffef lejn l-għoljiet “għax kienet hienja bil-wegħda u xewqana li twettaq bil-qima l-qadi tagħha, bil-ħerqa li kienet ġejja mill-ferħ kbir tagħha. Fejn issa, mimlija b’Alla, setgħet tmur tħaffef jekk mhux lejn l-għoli? Il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu ma tħallix lil min jitlajja”. Il-ħeffa ta’ Marija hija għalhekk l-għożża tagħha għall-qadi, għat-tħabbira hienja, għat-tweġiba pronta għall-grazzja tal-Ispirtu s-Santu.

 

Marija ħalliet imissilha qalbha l-bżonn tal-kuġina anzjana tagħha. Ma nġibditx lura, ma baqgħetx indifferenti. Ħasbet iżjed fl-oħrajn milli fiha nfisha. U dan mela lil ħajjitha b’dinamiżmu u entużjażmu. Kull wieħed u waħda minnkom jista’ jistaqsi: kif qed nirreaġixxi quddiem il-ħtiġijiet li nara madwari? Naħseb dritt f’xi ġustifikazzjoni biex infarfar, jew ninteressa ruħi u noffri d-disponibbiltà tiegħi? Ma għandniex xi ngħidu, ma tistgħux issolvu l-problemi kollha tad-dinja. Imma forsi tistgħu tibdew minn dawk ta’ min jinsab l-iżjed qrib tagħkom, mill-kwistjonijiet tat-territorju tagħkom. Darba lil Madre Tereża qalulha: “Dak li qed tagħmel int hu biss qatra f’oċean”. U hi wieġbet: “Imma jekk ma nagħmlux, l-oċean kien ikollu qatra inqas”.

 

Quddiem bżonn konkret u urġenti, jeħtieġ naġixxu malajr. Kemm persuni fid-dinja qed jistennew żjara ta’ xi ħadd li jieħu ħsiebhom! Kemm anzjani, morda, ħabsin, rifuġjati għandhom bżonn tal-ħarsa ħanina tagħna, taż-żjara tagħna, ta’ xi ħadd minn ħuthom li jaqsam il-fruntieri tal-indifferenza!

 

Liema “ħeffiet” qed iċaqalqukom, għeżież żgħażagħ? X’inhu dak li ma jħallikomx bi kwietkom u jġagħalkom titħarrku? Ħafna – milquta minn realtajiet bħall-pandemija, il-gwerra, il-migrazzjoni sfurzata, il-faqar, il-vjolenza, il-kalamitajiet klimatiċi – jistaqsu: Għaliex qed jiġrili dan? Għaliex proprju lili? Għaliex issa? U allura l-mistoqsija ċentrali tal-ħajja tagħna hi: għal min neżisti jiena? (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 286).

 

Il-ħeffa tax-xebba żagħżugħa ta’ Nazaret hi proprju dik ta’ dawk li rċivew doni straordinarji mingħand il-Mulej u ma jistgħux ħlief jaqsmuhom ma’ oħrajn, ħlief iħallu tfawwar minnhom il-grazzja bla tarf li huma stess daqu. Hija l-ħeffa ta’ min jaf iqiegħed il-ħtiġijiet tal-ieħor qabel tiegħu. Marija hija eżempju ta’ żagħżugħa li ma titlifx żmien tfittex l-attenzjoni jew il-kunsens tal-oħrajn – kif jiġri meta niddependu mil-“likes” tal-midja soċjali –, imma tiċċaqlaq biex tfittex il-konnessjoni l-iżjed ġenwina, dik li tiġi mil-laqgħa, mill-qsim mal-oħrajn, mill-imħabba u mill-qadi.

 

Mit-tħabbira ’l quddiem, sa minn dik l-ewwel darba li telqet biex tmur iżżur lill-kuġina tagħha, Marija ma tiqafx taqsam spazji u żminijiet biex iżżur lil uliedha fil-bżonn tal-għajnuna attenta tagħha. Il-mixi tagħna, jekk fih jgħammar Alla, jeħodna dritt fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minn ħutna. Kemm xhieda taslilna minn persuni “miżjura” minn Marija, Omm Ġesù u Omm tagħna! F’kemm imkejjen mitlufa tad-dinja, matul is-sekli – b’dehriet jew grazzji speċjali – Marija żaret lill-poplu tagħha! Prattikament ma ssibx post fuq din l-art li hi ma żaritux. L-Omm ta’ Alla timxi qalb il-poplu tagħha, imqanqla minn ħlewwa u għożża kbira, u tagħmel tagħha l-ansjetajiet u l-inżul u t-tlajja’. U kull fejn hemm santwarju, knisja, kappella ddedikata lilha, uliedha jmorru jiġru kotrana. Kemm espressjonijiet ta’ pjetà popolari! Il-pellegrinaġġi, il-festi, is-suppliki, ix-xbihat fid-djar u tant oħrajn huma eżempji konkreti tar-relazzjoni ħajja bejn l-Omm tal-Mulej u l-poplu tagħha, li jżuru lil xulxin!

 

Il-ħeffa tajba twassalna dejjem lejn l-għoli u lejn l-ieħor

Il-ħeffa tajba timbuttana dejjem lejn l-għoli u lejn l-ieħor. Imma hemm il-ħeffa li mhix tajba, bħal ngħidu aħna dik li twassalna biex ngħixu b’mod superfiċjali, biex nieħdu kollox b’mod leġġer, mingħajr impenn jew attenzjoni, mingħajr ma nipparteċipaw tassew fl-affarijiet li nagħmlu; il-ħeffa ta’ meta ngħixu, nistudjaw, naħdmu, niffrekwentaw l-oħrajn mingħajr ma npoġġu moħħna hemm u wisq inqas qalbna. Dan jista’ jiġri fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna: fil-familja, meta qatt ma nisimgħu tassew lill-oħrajn u ma niddedikawlhomx il-ħin tagħna; fil-ħbiberiji, meta nistennew li ħabib joffrilna divertiment u jwieġeb għall-esiġenzi tagħna, imma jekk naraw li jinsab fi kriżi u għandu bżonna mill-ewwel naħarbuh u nfittxu lil xi ħadd ieħor; u anki fir-relazzjonijiet affettivi, bejn l-għarajjes, ftit għandhom il-paċenzja li jsiru jafu lil xulxin u jifhmu fil-fond lil xulxin. Dan l-istess atteġġjament jista’ jkollna l-iskola, fuq ix-xogħol u f’oqsma oħra tal-ħajja ta’ kuljum. Allura dawn l-affarijiet kollha jekk ngħixuhom bil-ħeffa diffiċilment jistgħu jagħtu frott. Hemm ir-riskju li jibqgħu sterili. Hekk naqraw fil-ktieb tal-Proverbji: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu; imma min jgħaġġel – il-ħeffa żbaljata – jiġi fil-bżonn” (21:5).

 

Meta Marija saflaħħar tasal fid-dar ta’ Żakkaarija u Eliżabetta, isseħħ laqgħa tal-għaġeb! Eliżabetta daqet hi stess l-intervent mirakoluż ta’ Alla, li taha iben meta kienet imdaħħla fiż-żmien. Kien ikollha kull raġun li l-ewwel titkellem fuqha nfisha, imma hi mhix mimlija biha nfisha imma miftuħa biex tilqa’ l-kuġina żagħżugħa tagħha u l-frott tal-ġuf tagħha. Malli tisma’ t-tislima tagħha, Eliżabetta timtela bl-Ispirtu s-Santu. Dawn is-sorpriżi u ħasdiet tal-Ispirtu jseħħu meta ngħixu ospitalità vera, meta fiċ-ċentru nqiegħdu lil dak li qed nilqgħu għandna, u mhux lilna nfusna. Dan hu li naraw ukoll fl-istorja ta’ Żakkew. F’Luqa 19:6 naqraw: “Ġesù, kif wasal hemm [fejn kien Żakkew], ħares ’il fuq u qallu: ‘Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek’. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu”.

 

Ħafna minna ġralna li, bla ma konna qed nistennew, Ġesù ġie jiltaqa’ magħna: għall-ewwel darba, fih doqna qrubija, rispett, nuqqas ta’ preġudizzji u ta’ kundanni, ħarsa ta’ ħniena li qatt ma konna ltqajna magħha fl-oħrajn. Mhux biss, ħassejna wkoll li għal Ġesù ma kienx biżżejjed li jħares lejna mill-bogħod, imma ried joqgħod magħna, ried jaqsam ħajtu magħna. Il-ferħ ta’ din l-esperjenza qanqal fina l-ħeffa biex immorru nilqgħuh, l-urġenza li noqogħdu miegħu u nsiru nafuh aħjar. Eliżabetta u Żakkarija laqgħu għandhom lil Marija u Ġesù! Ejjew nitgħallmu minn dawn iż-żewġ anzjani t-tifsira tal-ospitalità! Staqsu lill-ġenituri tagħkom u lin-nanniet tagħkom, u anki lill-membri l-iżjed anzjani tal-komunitajiet tagħkom, xi jfisser għalihom ikunu miftuħa għal Alla u għall-oħrajn. Tagħmlu sew tisimgħu l-esperjenza ta’ min ġie qabilkom.

 

Għeżież żgħażagħ, wasal iż-żmien li nerġgħu nfittxu bil-ħeffa laqgħat konkreti, akkoljenza vera ta’ min hu differenti minna, kif ġara bejn iż-żagħżugħa Marija u l-anzjana Eliżabetta. Hekk biss nistgħu negħlbu d-distanzi – bejn ġenerazzjonijiet, bejn klassijiet soċjali, bejn etniċitajiet, bejn gruppi u kategoriji ta’ kull xorta – u anki l-gwerer. Iż-żgħażagħ dejjem huma tama ta’ għaqda ġdida għall-umanità fframmentata u mifruda. Imma biss jekk ikollhom memorja, biss jekk jisimgħu d-drammi u l-ħolmiet tal-anzjani. “Mhix kumbinazzjoni li l-gwerra reġgħet lura fl-Ewropa fi żmien li fih il-ġenerazzjoni li għexitha fis-seklu li għadda qiegħda tgħib” (Messaġġ għat-II Jum Dinji tan-Nanniet u tal-Anzjani). Hemm bżonn tal-patt bejn żgħażagħ u anzjani, biex ma ninsewx il-lezzjonijiet tal-istorja, biex negħlbu l-polarizzazzjonijiet u l-estremiżmi ta’ żmienna.

 

Huwa u jikteb lill-Efesin, San Pawl ħabbar: “Imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna – u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu” (2:13-14). Ġesù hu t-tweġiba ta’ Alla quddiem l-isfidi tal-umanità f’kull żmien. U din it-tweġiba Marija ġġorrha ġewwa fiha meta tmur tiltaqa’ ma’ Eliżabetta. L-ikbar rigal li Marija tagħmel lill-qariba xwejħa tagħha hu li twasslilha lil Ġesù. Żgur li anki l-għajnuna konkreta hi prezzjuża ħafna. Imma xejn ma seta’ jimla d-dar ta’ Żakkarija b’ferħ tant kbir u b’sens hekk sħiħ daqs il-preżenza ta’ Ġesù fil-ġuf tal-Verġni, li saret tabernaklu ta’ Alla l-ħaj. F’dak ir-reġjun muntanjuż Ġesù, sempliċiment bil-preżenza tiegħu, mingħajr ma jgħid kelma, jagħmel l-ewwel “diskors tal-muntanja” tiegħu: ixandar fis-skiet il-beatitudni taċ-ċkejknin u tal-umli li jafdaw fil-ħniena ta’ Alla.

 

Il-messaġġ tiegħi għalikom iż-żgħażagħ, il-messaġġ kbir li l-Knisja ġġorr huwa Ġesù! Iva, hu nnifsu, l-imħabba bla qies tiegħu għal kull wieħed u waħda minna, is-salvazzjoni tiegħu u l-ħajja ġdida li tana. U Marija hija l-mudell ta’ kif għandna nilqgħu dan id-don bla tarf fil-ħajja tagħna u ngħadduh lill-oħrajn, biex insiru aħna wkoll dawk li nwasslu lil Kristu, inwasslu mħabbtu ħanina, il-qadi ġeneruż tiegħu lill-umanità li qed tbati.

 

Ilkoll flimkien lejn Lisbona!

Marija kienet tfajla bħal ħafna minnkom. Kienet waħda minna. Hekk kiteb dwarha l-Isqof Tonino Bello: “Santa Marija, […] nafu wisq tajjeb li int ġejt iddestinata biex timraħ f’ibħra wesgħin. Imma jekk qed inġagħluk tbaħħar taħt il-kosta, dan mhux għax irridu nirriduċuk għal-livelli tan-navigazzjoni fqajra tagħna. Imma għax, meta narawk hekk qrib tax-xtut tal-qtigħ il-qalb tagħna, nistgħu nagħrfu li aħna msejħin ukoll biex, bħalek, infittxu l-avventura fl-oċeani tal-libertà” (Marija mara ta’ żminijietna, San Paolo, Cinisello Balsamo 2012, 12-13).

 

Mill-Portugall, kif fakkartkom fl-ewwel Messaġġ minn din it-triloġija, fis-sekli 15 u 16 ħafna żgħażagħ – fosthom tant missjunarji – telqu lejn dinjiet li ma kinux jafu, anki biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ta’ Ġesù ma’ popli u nazzjonijiet oħra (ara Messaġġ JDŻ 2020). U lil din l-art, fil-bidu tas-seklu 20, Marija riedet tagħmlilha żjara speċjali, meta minn Fatima nediet għall-ġenerazzjonijiet kollha l-messaġġ qawwi u stupend tal-imħabba ta’ Alla li jsejjaħ għall-konverżjoni, għal-libertà vera. Lil kull wieħed u waħda minnkom inġedded l-istedina minn qalbi biex tieħdu sehem fil-pellegrinaġġ interkontinentali kbir ta’ żgħażagħ li jilħaq il-qofol tiegħu fil-JDŻ f’Lisbona f’Awwissu tas-sena d-dieħla; u nfakkarkom li fl-20 ta’ Novembru li ġej, Solennità ta’ Kristu Re, niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Knejjes partikulari mxerrda mad-dinja kollha. Dwar dan, id-dokument riċenti tad-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familji u l-Ħajja – Orjentamenti pastorali għaċ-ċelebrazzjoni tal-JDŻ fil-Knejjes partikulari – jista’ jkun ta’ għajnuna kbira għall-persuni kollha li jaħdmu fil-pastorali taż-żgħażagħ.

 

Għeżież żgħażagħ, noħlom li fil-JDŻ tistgħu dduqu mill-ġdid il-ferħ tal-laqgħa ma’ Alla u ma’ ħutkom. Wara perjodi twal imbegħdin minn xulxin u iżolati, f’Lisbona – bl-għajnuna ta’ Alla – se nerġgħu nsibu flimkien il-ferħ tat-tgħanniqa tal-aħwa bejn il-popli u bejn il-ġenerazzjonijiet, it-tgħanniqa tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi, it-tgħanniqa ta’ fraternità missjunarja ġdida! Jalla l-Ispirtu s-Santu jkebbes fi qlubkom ix-xewqa li tqumu u l-ferħ li timxu lkoll flimkien, fi stil sinodali, u tħallu warajkom il-fruntieri foloz. Iż-żmien biex inqumu fuq riġlejna huwa issa! Ejjew inqumu malajr! U bħal Marija nġorru lil Ġesù ġewwa fina biex inwassluh għand kulħadd! F’dan il-perjodu wisq sabiħ tal-ħajja tagħkom, imxu ’l quddiem, la tħallux għal darb’oħra dak li l-Ispirtu jista’ jwettaq fikom issa! Minn qalbi nbierek il-ħolmiet tagħkom u l-passi tagħkom.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 15 ta’ Awwissu 2022,

Solennità tal-Tlugħ tal-Verġni Mqaddsa Marija fis-Sema

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard