MESSAĠĠ BIL-VIDJOW TAL-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KONFERENZA INTERNAZZJONALI "POLITIKA MĦAWLA FIL-POPLU"

(A Politics Rooted in the People) 15.04.2021

Il-Konferenza kienet organizzata miċ-Ċentru għat-Teoloġija u l-Komunità

 

Għeżież ħuti,

jien kuntent li nista' nibgħatilkom kelmtejn ta' merħba fil-bidu ta' dil-konferenza organizzata miċ-Ċentru għat-Teoloġija u l-Komunità, f'Londra, li qed tiddiskuti l-aktar dwar it-temi li hemm fil-ktieb "Let us Dream" għax dawn għandhom x'jaqsmu maċ-ċaqliq tal-persuni u l-organizzazzjonijiet li jwieżnuhom.

Nibgħat din it-tislima speċjali lill-"Kampanja Kattolika għall-Iżvilupp Uman" li qed itiċċelebra l-ħamsin anniversarju tagħha u li tgħin lill-komunitajiet l-aktar foqra tal-Istati Uniti tal-Amerika biex jgħixu b'dinjità aktar xierqa u tmexxi 'l quddiem is-sehem tagħhom fid-deċiżjonijiet li jolqtu lilhom.

Dan huwa wkoll il-qafas tal-ħidma ta' bosta organizzazzjonijiet li hawn preżenti, mir-Renju Unit, mill-Ġermanja u bnadi oħra, li l-missjoni tagħhom  hi li jakkumpanjaw lill-persuni li qed ifittxu x-xogħol, paga u dar, - il-famużi tlett "T's" (1) - u jibqgħu magħhom meta dawn isibu ma' wiċċhom oppożizzjoni u stmellija.  Il-ħidma tagħkom saret aktar urġenti u meħtieġa minħabba l-faqar u l-esklużjoni mid-dinja tax-xogħol li ġabet magħha dil-pandemija.

Wieħed mill-għanijiet tal-laqgħa tagħkom hi li turu li l-veru tweġiba għall-populiżmu li qed jerfa' rasu mhix preċiżament aktar individwaliżmu imma eżattament il-maqlub: politika ta' fraternità, mwaħħda mal-ħajja tan-nies.  Fil-ktieb li ħareġ m'ilux, ir-Rev Angus Ritchie, dil-politika li tħaddnu intom isejħilha "populiżmu inklussiv", jien nippreferi nuża l-kelma "popolariżmu" biex nesprimi l-istess idea (2).  Imma dak li jgħodd mhux l-isem iżda l-viżjoni li hija l-istess: hi t-tfittxija tal-mezzi biex il-bnedmin kollha jkollhom il-garanzija ta' ħajja denja li tissejjaħ umana, ħajja bil-ħila li tikkultiva l-virtù u toħloq rabtiet ta' ħbiberiji ġodda (3).

B'dak li hemm fil-ktieb "Let us Dream" din jien isejħilha "politika bil-P majuskola", politika bħala servizz li tiftaħ moghdijiet ġodda għan-nies sabiex jorganizzaw ruħhom u jesprimu l-interessi tagħhom.  Mhijiex politika biss għan-nies, iżda man-nies, imwaħħda mal-komunitajiet u l-valuri tagħhom.  min-naħa l-oħra l-populiżmi għandhom it-tendenza li jsibu ispirazzjoni, konxjament jew le, minn slogan ieħor: "kollox għan-nies, xejn man-nies" - paternaliżmu politiku.  Għalhekk skont dil-viżjoni populista l-poplu ma jkunx protagonist tad-destin tiegħu imma jispiċċa lsir ta' ideoloġija.

Meta n-nies jingħataw il-ġenb ma jisfawx biss imċaħħdin mill-ġid materjali imma wkoll mid-dinjità li jiddeċidu, li jkunu protagonisti tad-destin tagħhom u tal-istorja, milli jesprimu ruħhom pemezz tal-valuri li jħaddnu u l-kultura, il-kreattività u l-produttività.  Din hi r-raġuni għaliex il-Knisja ma tistax tifred il-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali mill-għarfien tal-kultura u l-valuri tal-poplu li tinkludi l-valuri spiritwali, l-għajn tas-sens ta' dinjità tagħhom. Fil-komunitajiet insara, dawk il-valuri jitnisslu mil-laqgħa ma' Ġesù Kristu li bla heda jfittex lill-mitlufin u qalbhom maqtugħa, lil dawk li għalihom jum wara ieħor il-ħajja hija sfida, biex iwasslilhom il-wiċċ u l-preżenza ta' Alla, biex ikun "Alla magħna".

Bosta minnkom miġburin hawn ħdimtu għal ħafna snin biex twettqu dan fil-periferiji, u bqajtu mexjin id f'id mal-movimenti popolari.  Kultant din tkun ħaġa skomda.  Uħud jakkużawkom li qed tkunu wisq politiċi, oħrajn li qed tippruvaw timponu r-reliġjon.  Imma intom tifhmu li r-rispett lejn in-nies ifisser ukoll rispett lejn l-istituzzjonijiet tagħhom inkluzi dawk reliġjużi:  u li l-irwol ta' dawk l-istituzzjonijiet mhux li jimponu xi ħaġa imma li jimxu man-nies, ifakkruhom fil-wiċċ ta' Alla li dejjem jasal qabilna.

Din hi r-raġuni għala r-ragħaj veru ta' poplu, ragħaj reliġjuż, hu bniedem li jimxi quddiem, fost u wara n-nies: quddiem biex jurihom xi ħaġa mit-triq ta' quddiemhom; fosthom biex iħoss magħhom ħalli ma jiżbaljawx; u warajhom biex iwieżen li min jinsab f'diffikultà u biex lin-nies, li huma wkoll għandhom ix-xamma ta' dawn l-affarijiet, jippermettilhom ifittxu t-toroq it-tajba huma stess.

Huwa għalhekk li fil-ktieb "Let us Dream" jien nitkellem dwar dix-xewqa: li kull djoċesi tad-dinja tikkollabora bla waqfien mal-movimenti tal-popli (4).

Meta noħorġu niltaqgħu ma' min qam, Kristu miġrugħ fil-komunitajiet l-aktar foqra, niksbu mill-ġdid il-ħeġġa missjunarja tagħna, għax hu hawnhekk li twieldet il-Knisja, fit-trufijiet tas-Salib.  "Jekk il-Knisja tirrofta l-foqra, ma tibqax aktar il-Knisja ta' Ġesù; terġa' lura lejn it-tentazzjoni antika li ssir elite morali jew intellettwali" - għamla ġdida ta' pelaġjaniżmu, jew għamla oħra ta' ħajja essena (5)'

F'ċertu sens, politika li tagħti darha lill-foqra qatt ma tkun tista' sseddaq il-ġid komuni.  Politika li tagħti darha lill-periferiji qatt mhu se jirnexxilha tifhem iċ-ċentru, u l-futur tibda tgħaqqdu ma' kif se tipproġetta lilha nfisha, qiesha qed tħares f'mera.

Mod kif wieħed jagħti dahru lill-foqra hu d-disprezz lejn il-valuri kulturali, spiritwali u reliġjużi tan-nies li jew ikunu injorati inkella sfruttati għal raġunijiet ta' poter.  Id-disprezz lejn il-kultura tal-poplu hu l-bidu tal-abbuż tal-poter.

Meta nagħtu għarfien lill-importanza tal-ispiritwalità fil-ħajja tan-nies, inkunu qed nirriġeneraw il-politika.  Ghalhekk huwa essenzjali li l-komunitajiet ta' fidi jiltaqgħu flimkien u jiffraternizzaw sabiex jadħmu "għal u mal-poplu".  Flimkien ma' ħija l-Imam il-Kbir Ahmad Al-Tajjeb, "aħna nistqarru li meta nadottaw kultura ta' djalogu bħala t-triq; il-koperazzjoni ma' xulxin bħala regola ta' mġieba; illi nifhmu lil xulxin bħala l-metodu u kriterju" (6) dejjem inkunu servizz għall-popli.

Illum aktar minn qatt qabel, għeżież ħbieb, hemm bżonn nibnu l-ġejjieni mill-qiegħ, minn politika mal-poplu, imwaħħda man-nies.  Jalla l-konferenza tagħkom tgħin biex tagħti d-dawl lil dit-triq.  Grazzi ħafna.

 

Miġjub għall-Malti mill-Ingliz minn Joe Huber

 

[1] Bl-Ispanjol: tierra, techo y trabajo

[2] Angus Ritchie, Inclusive Populism: Creating Citizens in the Global Age (Univ. Notre Dame Press, 2019)

[3] il-Papa Franġisku, Let Us Dream. The Path to a Better Future. F'konversazzjoni ma' Austen Ivereigh (Simon & Schuster, 2020) p. 112

[4] Let Us Dream, p. 121.

[5] Let Us Dream, p. 120.

[6] Dokument dwar il-fratellanza umana kif ikkowtat fil-Fratelli tutti, nu. 285.