VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

f’MARSILJA

għall-għeluq tar-“Rencontres Méditerranéennes”

[22-23 TA’ SETTEMBRU 2023]

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

Titjira Papali

Is-Sibt 23 ta’ Settembru 2023

 

Matteo Bruni

Il-lejla t-tajba, Santità, il-lejla t-tajba lil kulħadd. Grazzi ta’ dan il-ħin li qed tiddedika fit-titjira lura. Kien vjaġġ partikulari, li fih stajt inħoss ukoll l-imħabba kollha tal-Franċiżi li, kif qal l-Eminenza Tiegħu, ġew jitolbu miegħek. Imma naħseb li fadal xi mistoqsijiet jew argumenti li l-ġurnalisti riedu jagħmlulek, sakemm int ma ridtx tgħidilna xi ħaġa.

 

Il-Papa Franġisku

Il-lejla t-tajba, grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom. Qabel ma ninsa, ridt ngħid żewġ affarijiet. L-ewwel: illum naħseb li hi l-aħħar titjira ta’ Roberto Bellino li ħiereġ bil-pensjoni: grazzi, grazzi, grazzi! U t-tieni ħaġa, illum jagħlaq sninu Rino, il-kbir Rino [Anastasio]! Applaws għalih! Issa ngħaddu għall-mistoqsijiet, bil-qalb kollha.

 

Matteo Bruni

L-ewwel mistoqsija hi ta’ Raphaële Schapira – France Télévisions, li tinsab hawn quddiemek.

 

Raphaële Schapira – France Télévisions

Santità, il-lejla t-tajba. Int bdejt il-pontifikat tiegħek f’Lampedusa, tikkundanna l-indifferenza. Għaxar snin wara qed titlob lill-Ewropa tkun solidali. Ilek għaxar snin tirrepeti l-istess messaġġ. Dan ifisser li fallejt?

 

Il-Papa Franġisku

Ma ngħidx. Ngħid li kbirna bil-mod. Illum hemm għarfien tal-problema migratorja. Hemm għarfien. U hemm anki għarfien li hi ħaġa li waslet f’punt… bħal hot potato li ma tkunx taf kif ħa taqbadha. Angela Merkel darba qalet li biex insolvuha rridu mmorru l-Afrika u nsolvuha fl-Afrika, billi ngħollu l-livell tal-ħajja tal-popli Afrikani.

 

Imma kien hemm każijiet li huma koroh, każijiet koroh ħafna, fejn il-migranti bħal “ping pong” ġew mibgħutin lura… U nafu li ħafna drabi jispiċċaw fil-lager, jispiċċaw agħar minn qabel. Segwejt il-ħajja ta’ tifel, Mahmoud, li pprova joħroġ, għax mar… U fl-aħħar tgħallaq; ma rnexxilux jissaporti din it-tortura. Għidtilkom biex taqraw dak il-ktieb, Fratellino, Hermanito… Dawk li l-ewwel jiġu mibjugħa, imbagħad jeħdulhom il-flus li jkollhom biex iħallsu…; imbagħad iġagħluhom iċemplu lil tal-familja biex jibagħtu iktar flus… Imsejkna! Ħajja terribbli. Smajt wieħed li kien xhud ta’ kif meta billejl, xħin ġew biex jimbarkaw, wieħed ra dik id-dgħajsa hekk sempliċi, bla sigurtà xejn, ma riedx jitla’ fuqha. “Pum pum”: l-istorja spiċċat hemm. Is-saltna tat-terrur! Ibatu mhux biss għax għandhom bżonn joħorġu minn hemm, imma jbatu għax hemmhekk hemm is-saltna tat-terrur. Huma lsiera. U aħna ma nistgħux, mingħajr ma naraw l-affarijiet, nibagħtuhom lura bħallikieku kienu ballun tal-ping pong. Le. Għalhekk nerġa’ lura għall-prinċipju tal-bidu: il-migranti għandhom jiġu milqugħa, akkumpanjati, promossi u integrati. Jekk int ma tistax tintegrah f’pajjiżek, akkumpanjah u integrah f’pajjiżu, imma tħallihx f’idejn dawn it-traffikanti kiefra tal-persuni.

 

It-traġedja tal-migranti din hi llum: li aħna nibagħtuhom lura u jaqgħu f’idejn dawn id-diżgrazzjati li qed jagħmlu tant ħsara. Jarawhom, jisfruttawhom. Dawk jippruvaw joħorġu. Hemm xi gruppi ta’ persuni li qed jiddedikaw ruħhom beix isalvaw in-nies mill-baħar. Stedint lil wieħed minnhom jieħu sehem fis-Sinodu, wieħed li hu l-kap ta’ Mediterranea Saving Humans. Jirrakkuntawlek stejjer tal-biża’.

 

Fl-ewwel vjaġġ, kif għidt int, mort Lampedusa. L-affarijiet tjiebu, veru, hemm iktar għarfien illum il-ġurnata. F’dak iż-żmien ma konniex nafu. U ma kinux jgħidulna l-verità. Niftakar li, f’Dar Santa Marta, kien hemm receptionist li kienet Etjopika, bint l-Etjopiċi, kienet taf il-lingwa, u kienet issegwi l-vjaġġ tiegħi fuq it-televiżjoni. U f’Lampedusa kien hemm wieħed, fqir mill-Etjopja, ifissirli t-torturi u dawn l-affarijiet; u t-traduttur – qaltli hi – beda jħarref, qal affarijiet li l-ieħor ma qalx, ipprova “jiddolċifika” s-sitwazzjoni. Diffiċli jkollok fiduċja. Tant traġedji… Dakinhar li kont hemm, qaluli: “Ara dik il-mara” – kienet tabiba – “ara dik il-mara”: kienet tmur qalb il-katavri tħares lejn l-uċuħ u tfittex lil bintha, li ma kinitx sabet.

 

Dawn it-traġedji… Lilna jagħmlilna sew li naqbdu din ir-realtà f’idejna: tagħmilna iżjed umani, iżjed umani u allura iżjed divini. Din hi sejħa. Nixtieq li kienet karba: “Attenti! Ejjew nagħmlu xi ħaġa!”. Ma nafx… L-għarfien inbidel, veru, illum hemm iżjed għarfien. U dan għalija seħħ mhux għax tkellimt jien, imma għax in-nies intebħet bil-problema. Ħafna jitkellmu fuqha.

 

Kien sewwasew l-ewwel vjaġġ tiegħi, u hemm ħassejt ħaġa ġewwa fija. Jien mank kont naf fejn kienet Lampedusa, imma smajt l-istejjer, qrajt xi ħaġa u fit-talb smajt: “Int trid tmur hemm”, bħallikieku l-Mulej kien ħadni hemm. L-ewwel vjaġġ. Grazzi.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. It-tieni mistoqsija ġejja minn Clément Melki mill-Agence France-Presse (AFP).

 

Clément Melki mill-Agence France-Presse (AFP)

Il-lejla t-tajba, Santità. Dalgħodu ltqajt ma’ Emmanuel Macron, wara li esprimejt in-nuqqas ta’ qbil tiegħek mal-ewtanasja. Il-gvern Franċiż qed iħejji biex japprova liġi kontroversjali fuq it-tmiem tal-ħajja. Tista’ ġentilment tgħidilna x’għidt lill-President Franċiż dwar hekk? U jekk taħsibx li tista’ tibdillu fehemtu. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Ma tkellimniex dwar hekk illum, imma tkellimna dwar dan fiż-żjara l-oħra, meta ltqajna, u tkellimt b’mod ċar, meta hu ġie l-Vatikan. Għidtlu l-parir tiegħi x’inhu, b’mod ċar: mal-ħajja ma tilgħabx, la fil-bidu u lanqas fl-aħħar, ma tilgħabx. U mhux il-parir tiegħi; tiegħi hu li nħarsu l-ħajja! Għax imbagħad tispiċċa b’dik il-politika ta’ xejn uġigħ, ta’ ewtanasja umanistika… Dwar dan nixtieq intenni l-istedina biex taqraw ktieb: dan tal-1907, rumanz, jismu “Is-Sinjur tad-dinja”, The Lord of the World, jew The Lord of the Earth, iż-żewġ titli huma tiegħu. L-awtur hu Benson, kittieb futurista: juri kif sa jkunu l-affarijiet fl-aħħar. Kollox hu… jitilqu d-differenzi, kollha; u jitilqu t-tbatijiet, kollha; u l-ewtanasja hi waħda minn dawn l-affarijiet: il-mewt ħelwa; u l-għażla diġà sa minn qabel it-twelid… Jurina kif dan ir-raġel kien bassar minn qabel il-kunflitti attwali. Illum, irridu noqogħdu attenti għall-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li qed jirvinaw il-ħajja umana, li jmorru kontra l-ħajja tal-bniedem. Illum qed nikkanċellaw il-ħajja tan-nanniet, ngħidu aħna, meta l-ġid uman jgħaddi mid-djalogu tan-neputijiet man-nanniet. Nikkanċellawhom, huma xjuħ, ma jservuniex. Mal-ħajja ma tilgħabx. Din id-darba ma tkellimtx fuq hekk mal-President, imma l-aħħar darba iva, meta ġie, u għidtlu x’naħseb jien: mal-ħajja ma tilgħabx. Kemm għal-liġi li ma tħallix tikber it-tarbija fil-ġuf tal-omm, kemm għal-liġi tal-ewtanasja fil-mard jew fix-xjuħija. U m’iniex ngħid li din hi kwistjoni ta’ fidi, le, hi ħaġa umana, umana. Hija għamla kerha ta’ kompassjoni. Illum ix-xjenza waslet li għamlet mod kif xi marda ta’ tbatija tkun inqas ta’ tbatija, u takkumpanjaha b’tant mediċini. Imma mal-ħajja ma nilagħbux. Mal-ħajja ma nilagħbux.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. It-tielet mistoqsija hi ta’ Javier Martínez-Brocal, ta’ ABC.

 

Javier Martínez-Brocal, ta’ ABC

Santità, grazzi li qed twieġeb għall-mistoqsijiet, grazzi ta’ dan il-ħin li qed tiddedikalna, grazzi ta’ dan il-vjaġġ li kien intens ħafna u mimli bil-kontenut. Sal-aħħar, int tkellimt ukoll fuq l-Ukrajna, fuq is-sitwazzjoni tal-Ukrajna. Il-Kardinal Zuppi għadu kemm wasal lura minn Beijing. Hemm progressi f’din il-missjoni, tal-inqas fil-kwistjoni umanitarja tar-ritorn tat-tfal? Imbagħad, mistoqsija wkoll xi ftit iebsa, imma: kif tgħixu l-fatt, personalment, li din il-missjoni mhux jirnexxilha ġġib ebda riżultat konkret sa issa? Int f’xi udjenza tkellimt fuq frustrazzjoni: int tħossha l-frustrazzjoni? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Dan huwa minnu, xi frustrazzjoni tinħass, għax is-Segreterija tal-Istat qed tagħmel minn kollox biex tgħin f’dan. Anki l-missjoni Zuppi marret hemm… Hemm xi ħaġa mat-tfal li sejra tajjeb. Imma din il-gwerra – jien jgħaddili minn moħħi li hemm ukoll xi ftit tal-interess, mhux biss il-problema Russja-Ukrajna, imma biex ibigħu l-armi, tafx! Il-kummerċ tal-armi. Kien qed jgħidli xi ħadd, xi xhur ilu, li llum l-investimenti li jirrendu l-iktar qligħ huma l-fabbriki tal-armi, jiġifieri l-fabbriki tal-mewt. Il-poplu Ukren huwa poplu martri li għandu storja mdemmija, storja ta’ tbatija. Din mhijiex l-ewwel darba: fi żmien Stalin bata ħafna, ħafna, ħafna. Huwa poplu martri. Imma aħna ma nistgħux noqogħdu nilagħbu mal-martirju ta’ dan il-poplu, irridu ngħinu biex kemm jista’ jkun jissolvew l-affarijiet: bil-mod l-aktar reali u l-aktar possibbli. Fil-gwerer, ir-reali huwa l-possibbli. Ma nilludux ruħna li għada ż-żewġ mexxejja fi gwerra se jmorru jieklu l-kirxa flimkien. Imma sa fejn hu possibbli, fejn nistgħu naslu. B’umiltà, imma nagħmlu l-possibbli. Issa rajt li xi pajjiż qed jagħmel pass lura, li mhux jagħti l-armi: qed jibda l-proċess fejn il-martri sa jkun il-poplu Ukren, ċertament. U din hi ħaġa kerha.

 

Qabel nagħlaq nixtieq nerġa’ lura għall-ewwel argument, għall-vjaġġ. Marsilja hija ċiviltà ta’ tant kulturi, tant kulturi. Hija port tal-migranti. Darba kienu migranti lejn Cayenne, minn hemm kienu jġibu l-ikkundannati, u jmorru l-ħabs f’Cayenne. L-Arċisqof irregalali Manon Lescaut biex ifakkarni f’dik l-istorja. Marsilja hija kultura tal-laqgħa. Bħall-bieraħ, fil-laqgħa mar-rappreżentanti tad-diversi reliġjonijiet: jgħixu flimkien Musulmani, Lhud, Insara. Hemm konvivenza bejniethom. Hi kultura fejn wieħed jgħin lill-ieħor. Hi mużajk kreattiv Marsilja, hi din il-kultura tal-kreattività. Hu port li hu messaġġ fl-Ewropa. Marsilja tilqa’. Marsilja tilqa’ u tirrispetta u tagħmel sintesi bla ma tiċħad l-identità ta’ xi poplu jew ieħor. Jeħtieġ nerġgħu naħsbu f’din il-problema, għall-postijiet l-oħra: il-kapaċità li nagħmlu dan.

 

U lura għall-migranti, ħamsa huma l-pajjiżi li qed ibatu [minħabba l-wasla] ta’ tant migranti; imma f’xi wħud minn dawn il-pajjiżi hemm irħula vojta! Qed naħseb f’każ konkret li naf: hemm raħal ċkejken fejn jgħixu inqas minn għoxrin anzjan u xejn aktar! Nitlobkom, dawn l-irħula għandhom jagħmlu sforz biex jintegraw fihom. Għandna bżonn tal-idejn għax-xogħol, l-Ewropa għandha bżonn! Il-migrazzjoni mmexxija tajjeb hija għana, hija għana. Ejjew naħsbu ftit f’din il-politika migratorja, biex tkun iżjed għammiela u tgħinna ħafna.

 

Issa, billi l-vjaġġ hu qasir, waslet iċ-ċena, u anki l-festa għal għeluq snin Rino u t-tluq ta’ dan il-kollega. Nagħlqu hawn. Grazzi ħafna! Grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom u tal-mistoqsijiet tagħkom. U ejjew nibqgħu mexjin, sa ma niltaqgħu għat-titjira li jmiss.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard