VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
f’MARSILJA
għall-konklużjoni tar-“Rencontres Méditerranéennes”
[22 - 23 ta’ Settembru, 2023]

WAQT TA’ ĠABRA FLIMKIEN MAL-MEXXEJJJA RELIĠJUŻI

QRIB IL-MEMORJAL IDDEDIKAT

LILL-BAĦRIN U L-MIGRANTI LI NTILFU FIL-BAĦAR

KLIEM IL-QDUSIJA TIEGĦU

Marsilja
Il-Ġimgħa, 22 ta’ Settembru, 2023

Gżeżież ħuti,

Irroddilkom ħajr li tinsabu hawn.  Quddiemna hawn il-baħar, għajn tal-ħajja, imma dan il-post ifakkarna fit-traġedja tan-nawfraġji li jġibu l-mewt.  Aħna miġburin flimkien bil-memorja ta’ dawk li ma rnexxilhomx jeħilsuha, li ma ġewx salvati.  Ma nidrawx inqisu n-nawfraġji qieshom biċċa aħbar u lil dawk li tilfu ħajjithom fil-baħar bħala sempliċi numru: le, għandhom isem u kunjom, huma ħajjiet u stejjer, huma ħajjiet imkissrin u ħolm imfarrak.  Qed naħseb f’tant ħutna li għerqu bil-biża’ u magħhom għerqu t-tamiet li kellhom fi qlubhom.  Quddiem dramm bħal dan il-kliem ma jiswa xejn, hemm bżonn il-fatti.  Qabel però, hemm bżonn l-umanità, hemm bżonn is-skiet, il-biki, il-ħniena u t-talb.  Nistedinkom tagħmlu mument ta’ skiet bil-memorja ta’ dawn ħutna: inħallu t-traġedji tagħhom imissulna qlubna.  (waqt ta’ silenzju).

Wisq nies, maħrubin mill-kunflitti, mill-faqar u d-diżastri ambjentali jsibu rifjut definittiv fit-tfittxija tagħhom għal futur aħjar, qalb il-mewġ tal-Mediterran.  Hekk, dan il-baħar meraviljuz sar ċimiterju enormi, fejn bosta minn ħutna jiċċaħdilhom saħansitra d-dritt li jkollhom qabar u l-unika ħaġa li tindifen tkun biss id-dinjità umana.  Fil-ktieb/testimonjanza “Fratellino”, wara vjaġġ mimli twegħir li wasslu mir-Repubblika tal-Guinea sal-Ewropa, il-protagonista jafferma: “Meta tkun riekeb fuq il-baħar tkun f’salib it-toroq.  Min-naħa l-ħajja u mill-oħra l-mewt.  Hemmhekk mhemm ebda triq oħra mnejn tgħaddi” (A. Arzallaus Antia – I. Balde, Fratellino, Milan 2021, 107).  Ħbieb, aħna wkoll ninsabu f’salib it-toroq: min-naħa l-fraternità, li tgħani bir-riżq lill-komunità umana; mill-oħra l-indifferenza, li qed idemmi l-Mediterran.  Quddiemna hemm salib it-toroq taċ-ċiviltà.  Jew il-kultura tal-umanità u l-fratellanza, jew il-kultura tal-indifferenza: kulħadd jirranġa kif jista’.

Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna naraw bnedmin ittrattati qieshom biċċa merċa li tinbigħ u tinxtara, priġunieri u ttorturati b’mod atroċi – nafuha, bosta drabi, meta nibagħtuhom lura, id-destin tagħhom ikun tortura u priġunerija -; ma nistgħux nibqgħu ċassi quddiem id-drammi tan-nawfraġji li jseħħu minħabba t-traffikar odjuz u l-fanatiżmu tal-indifferenza.  L-indifferenza ssir fanatika.  Il-persuni li jirriskjaw li jegħrqu meta jitħallew jitbandlu mal-mewġ għandu jkollhom l-għajnuna.  Hu dmir tal-umanità, hu dmir taċ-ċiviltà!

Is-Sema jberikna jekk fuq l-art u fil-baħar nagħrfu nieħdu ħsieb lill-aktar dgħajfa, jekk nagħrfu ngħelbu l-paraliżi tal-biża’ u d-diżinteress li jikkundanna għall-mewt bl-ingwanti tal-bellus.  F’dan, aħna r-rappreżentanti ta’ reliġjonijiet diversi, għandna sejħa li nkunu ta’ eżempju.  Infatti, Alla bierek lill-missierna Abram.  Hu kien imsejjaħ biex jitlaq minn artu “ u telaq bla ma kien jaf fejn sejjer”. (Eb 11,8).  Mistieden u pellegrin f’art barranija, laqa’għandu lil min kien għaddej qrib it-tinda tiegħu (cfr Ġen 18): “eżiljat mill-patrija tiegħu kien hu nnifsu dar u patrija ta’ kulħadd” (S. Pietru Krisologu, Diskorsi, 121).  U “bħala ħlas tal-ospitalità tiegħu kiseb dixxendenza bla għadd (S, Ambroġ ta’ Milan, De officiis, II,21).  U fl-għeruq tat-tlett monoteiżmi tal-Mediterran għalhekk, hemm l-akkoljenza, l-imħabba lejn l-istranġier, f’isem Alla.  Dan ikun vitali jekk, bħal missierna Abram, noħolmu b’ġejjieni ta’ riżq.  Ma ninsewx ir-ritornell tal-Bibbja: “l-orfni, l-armla u l-migrant, il-barrani”.  Orfni, armla u barrani: Alla li dawn jikkmandna nħarsu.

Aħna li nemmnu, għalhekk, għandna nkunu eżemplari fil-laqgħa reċiproka u fraterna.  Spiss ir-relazzjonijiet bejn grupppi reliġjużi mhumiex faċli, għax is-susa tal-estermiżmu u l-pesta ideoloġika tal-fundamentaliżmu jherru l-ħajja reali tal-komunitajiet.  Imma dwar dan irrid inkun eku ta’ dak li kiteb bniedem t’Alla li għex mhux wisq bogħod minn hawn: “Ħadd m’għandu jbejjet f’qalbu sentimenti ta’ mibgħeda lejn il-proxxmu, iżda mħabba, għax min jobgħod imqar lil bniedem wieħed ma jistax iħossu fil-paċi quddiem Alla.  Alla ma jismax talbu dment li qalbu tibqa’ mgħaddba” (S. Cesario ta’ Arles, Diskorsi, XIV,2).

Illum, Marsilja, li għandha l-karatteristika ta’ pluraliżmu reliġuz imlewwen, ukoll tinsab f’salib it-toroq: laqgħa jew ċaħda u konfront.  U jien irrodd ħajr likom ilkoll li għażiltu t-triq tal-laqgħa: grazzi tal-impenn solidali u konkret għall-promozzjoni umana u l-integrazzjoni.  Marsilja hi mudell tal-integrazzjoni.  Sabiħ illi hawn, flimkien ma’ diversi realtajiet li jaħdmu mal-migranti hawn ukoll il-Marseille-Espérance, organiżmu ta’ djalogu inter-reliġjuz li jippromwovi l-fraternità u l-konvivenza paċifika.  Inħarsu lejn il-pijunieri u x-xhieda tad-djalogu, bħal Jules Isaac, li għex qrib t’hawn, u li għadu kif ġie mfakkar is-60 anniversarju ta’ mewtu.  Intom il-Marsilja tal-ġejjieni.  Ibqgħu mexjin bla ma taqtgħu qalbkom sabiex dil-belt tkun mużajk ta’ tama  għal Franza, għall-Ewropa u għad-dinja.

Bħala awgurju, fl-aħħar irrid nikkowta dak li kien qal David Sassoli f’Bari fl-okkażjoni tal-aħħar laqgħa dwar il-Mediterran: “F’Baghdad, fid-Dar tal-Għerf tal-Kaliff Al Ma’mun, kienu jiltaqgħu għebrej, insara u musulmani biex jaqraw il-kotba sagri u l-filosofi griegi.  Illum, ilkoll kemm aħna, li nemmnu jew lajċi, inħossu l-ħtieġa li nerġgħu nibnu dik id-dar biex flimkien inkomplu niġġieldu l-idoli, inwaqqgħu l-ħitan, nibnu pontijiet, inlaħħmu umaneżmu ġdid.  Nemmen li ż-żerriegħa li ntefgħet f’dal-ġranet tant attenti għad-destin tagħna hi, li nħarsu fil-fond ta’ żmienna, inħobbuh u nħobbuh aktar ma’ tkun iebsa li tħobb.  Ejjew inneħħu l-biża’ mill-problemi li qed itina l-Mediterran!  (...)  Għall-Unjoni Ewropea u għalina lkoll hemm is-sopravivenza tagħna fin-nofs” (Diskors fl-okkażjoni tal-Laqgħa ta’ riflessjoni u spiritwalità “Il-Mediterran fruntiera tal-paċi” 22 ta’ Frar, 2020).

Ħuti, ejjew naffrontaw flimkien u magħqudin dawn il-problemi, ma nħallux tamitna tegħreq, ejjew flimkien ninsġu mużajk ta’ paċi!

Hu ta’ sodisfazzjoni għalija nara kemm minnkom imorru fuq il-baħar biex isalvaw, isalvaw lill-migranti.  U ħafna drabi ma jħallukomx titilqu għax - jgħidu – li hemm xi ħaġa nieqsa fuq il-vapur, hemm din jew dik nieqsa...  Huma ġesti ta’ mibgħeda lejn ħutna, ħesti mlibbsin “il-kostum falz tal-ekwilibriju”.  Grazzi għal dak kollu li tagħmlu.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber