VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

f’MARSILJA

għall-għeluq tar-“Rencontres Méditerranéennes”

[22-23 TA’ SETTEMBRU 2023]

QUDDIESA

votiva tal-Verġni Mqaddsa Marija tal-Għassa

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

“Stadio Vélodrome” (Marsilja)

Is-Sibt 23 ta’ Settembru 2023

 

Fl-Iskrittura naqraw li s-Sultan David, meta kien waqqaf is-saltna tiegħu, qatagħha li jieħu l-Arka tal-Patt f’Ġerusalemm. Allura, wara li ġema’ lill-poplu kollu, qam u telaq biex imur iwassalha; imbagħad, waqt it-traġitt, hu stess żifen quddiemha flimkien man-nies, jaqbeż bil-ferħ għall-preżenza tal-Mulej (ara 2 Sam 6:1-15). Hu fl-isfond ta’ din ix-xena li l-evanġelista Luqa jirrakkontalna ż-żjara ta’ Marija lill-kuġina Eliżabetta: fil-fatt, anki Marija tqum u titlaq lejn ir-reġjun ta’ Ġerusalemm u, meta tidħol fid-dar ta’ Eliżabetta, it-tarbija li din kienet qed iġġorr f’ġufha, xħin tagħraf il-wasla tal-Messija, taqbeż bil-ferħ, u tibda tiżfen kif għamel David quddiem l-Arka (ara Lq 1:39-45).

 

Għalhekk, Marija hi ppreżentata bħala l-vera Arka tal-Patt, li tintroduċi lill-Mulej inkarnat fid-dinja. Hija l-Verġni żagħżugħa li tmur tiltaqa’ mal-anzjana sterili u, hija u twasslilha lil Ġesù, issir sinjal taż-żjara ta’ Alla li jegħleb kull sterilità. Hija l-Omm li titla’ lejn l-għoljiet tal-Lhudija, biex tgħidilna li Alla jimxi lejna, biex ifittixna bi mħabbtu u għalih naqbżu bil-ferħ. Huwa Alla li jivvjaġġa lejna!

 

F’dawn iż-żewġ nisa, Marija u Eliżabetta, tidher iż-żjara ta’ Alla lill-umanità: hija żagħżugħa u l-oħra anzjana, hija verġni u l-oħra sterili, imma t-tnejn li huma tqal b’mod “impossibbli”. Din hija l-opra ta’ Alla fil-ħajja tagħna: jagħmel possibbli anki dak li jidher impossibbli, inissel il-ħajja anki fl-isterilità.

 

Ħuti, ejjew nistaqsu lilna nfusna b’sinċerità tal-qalb: nemmnu li Alla qed jaħdem fil-ħajja tagħna? Nemmnu li l-Mulej, bil-moħbi u spiss b’mod imprevedibbli, qed jaġixxi fl-istorja, iwettaq l-għeġubijiet u qed jaħdem ukoll fis-soċjetajiet tagħna mmarkati mis-sekulariżmu mondan u minn ċerta indifferenza reliġjuża?

 

Hemm mod kif nistgħu nagħrblu jekk għandniex din il-fiduċja fil-Mulej. Liema hu l-mod? Il-Vanġelu jgħid li “malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha” (v. 41). Dan huwa s-sinjal: qabżet. Min jemmen, min jitlob, min jilqa’ lill-Mulej, jaqbeż fl-Ispirtu, iħoss li xi ħaġa qed tiċċaqlaq ġewwa fih, “jiżfen” bil-ferħ. U rrid nieqaf ftit fuq dan: il-qbiż tal-fidi.

 

L-esperjenza tal-fidi tnissel qabelxejn qabża quddiem il-ħajja. Li naqbżu jfisser “nintmessu minn ġewwa”, ikollna tqanqila ġewwinija, inħossu li xi ħaġa qed tiċċaqlaq fil-qalb tagħna. Dan hu bil-maqlub ta’ qalb ċatta, kiesħa, komda li tgħix trankwilla, li tissakkar fl-indifferenza u ma tħalli xejn jgħaddi minnha, li tibbies, insensibbli għal kollox u għal kulħadd, imqar għar-rimi traġiku tal-ħajja umana, li llum qed tiġi rrifjutata f’tant persuni li jemigraw, l-istess bħall-ħafna trabi li ma tweldux u l-ħafna anzjani abbandunati. Qalb bierda u ċatta tkaxkar il-ħajja warajha b’mod mekkaniku, bla passjoni, bla tħeġġiġ, bla ħajra ta’ xejn. Huwa b’dan kollu li fis-soċjetà Ewropea tagħna nistgħu nimirdu: iċ-ċiniżmu, in-nuqqas ta’ interess, ir-rassenjazzjoni, l-inċertezza, sens ġenerali ta’ diqa – kollha flimkien: id-diqa, dik id-diqa moħbija fil-qlub –. Xi ħadd sejħilhom “passjonijiet imnikkta”: hija ħajja bla qbiż ta’ ferħ.

 

Imma min hu mnissel fil-fidi, jagħraf il-preżenza tal-Mulej, l-istess bħat-tarbija fil-ġuf ta’ Eliżabetta. Jagħraf l-opra tiegħu fil-jiem li jwarrdu u jirċievi għajnejn ġodda biex bihom jista’ jħares lejn ir-realtà; imqar qalb it-taħbit, il-problemi u t-tbatijiet, jilmaħ ta’ kuljum iż-żjara ta’ Alla u minnu jħossu msieħeb u mwieżen. Quddiem il-misteru tal-ħajja personali u l-isfidi tas-soċjetà, min jemmen għandu qabża, passjoni, ħolma x’jikkultiva, interess li jwasslu biex iħabrek hu stess. Issa kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: jiena dawn l-affarijiet inħosshom? Jiean għandi dawn l-affarijiet? Min hu hekk jaf li f’kollox il-Mulej hu preżenti, isejjaħ, jistedinna biex nagħtu xhieda tal-Vanġelu biex, permezz tad-doni u l-kariżmi li rċivejna, nibnu bil-ħlewwa dinja ġdida.

 

L-esperjenza tal-fidi, barra li hi qabża quddiem il-ħajja, tnissel ukoll qabża quddiem il-proxxmu. Fil-fatt, fil-misteru tal-Viżitazzjoni naraw li ż-żjara ta’ Alla ma sseħħx permezz ta’ ġrajjiet straordinarji tas-Sema, imma fis-sempliċità ta’ laqgħa. Alla jiġi fuq l-għatba ta’ dar ta’ familja, fit-tgħanniqa ħelwa bejn żewġ nisa, fil-laqgħa ta’ żewġ tqaliet mimlija stagħġib u tama. U f’din il-laqgħa hemm l-attenzjoni ta’ Marija, l-istagħġib ta’ Eliżabetta, il-ferħ tal-qsim.

 

Ejjew niftakru dejjem, anki fil-Knisja: Alla hu relazzjoni u spiss iżurna permezz tal-laqgħat umani, meta nagħrfu ninfetħu għall-oħrajn, meta hemm qabża għall-ħajja ta’ min ta’ kuljum jgħaddi minn quddiemna u meta l-qalb tagħna ma tibqax bla reazzjoni u bla ma tħoss xejn quddiem il-ġrieħi ta’ min hu iżjed dgħajjef. Il-bliet metropolitani tagħna u tant pajjiżi Ewropej bħal Franza, fejn jgħixu flimkien kulturi u reliġjonijiet differenti, f’dan is-sens huma sfida kbira kontra l-eċċessi tal-individwaliżmu, kontra l-egoiżmi u l-għeluq li jipproduċu solitudni u tbatija. Nitgħallmu minn Ġesù kif nitqanqlu għal min jgħix qrib tagħna, nitgħallmu minnu li, quddiem il-ġmiegħi għajjenin u mitlufa, tiġih ħniena u jitqanqal (ara Mk 6:34), jitqanqal bil-ħniena quddiem il-laħam miġruħ ta’ min jiltaqa’ miegħu. Kif jafferma qaddis kbir tagħkon, Vinċenz de Paul, “hemm bżonn infittxu kif inrattbu qlubna, nagħmluhom sensibbli għall-uġigħ u għall-miżerji tal-proxxmu, kif nitolbu li Alla jagħtina l-ispirtu veru ta’ ħniena, li hu sewwasew l-istess spirtu tiegħu”, sa ma nagħrfu li l-foqra huma “s-sinjuri u sidien tagħna” (Correspondance, entretiens, documents, Paris 1920-25, 341; 392-393).

 

Ħuti, qed naħseb fil-ħafna “qabżiet” ta’ Franza, fi storja għanja bil-qdusija, bil-kultura, b’artisti u b’ħassieba, li ġibdu warajhom il-passjoni ta’ tant ġenerazzjonijiet. Illum ukoll ħajjitna, il-ħajja tal-Knisja, Franza, l-Ewropa għandhom bżonn ta’ dan: tal-grazzja ta’ qabża, ta’ qabża ġdida ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ tama. Għandna bżonn nerġgħu nsibu passjoni u entużjażmu, niskopru mill-ġdid il-gost tal-impenn għall-fraternità, li nissograw mill-ġdid ir-riskju tal-imħabba fil-familji u għal dawk l-iżjed dgħajfa, u li nerġgħu niskopru fil-Vanġelu grazzja li tibdel u tagħmel il-ħajja isbaħ.

 

Ejjew inħarsu lejn Marija, li tiskomoda ruħha u tivvjaġġa, u tgħallimna li Alla hu sewwasew hekk: jiskomodana, iċaqlaqna minn fejn aħna, “iqabbiżna”, kif ġralha Eliżabetta. U aħna rridu nkunu Nsara li jiltaqgħu ma’ Alla bit-talb u mal-aħwa bl-imħabba; Insara li jaqbżu bil-ferħ, jivvibraw, jilqgħu n-nar tal-Ispirtu biex imbagħad iħalluh jaħraq bil-mistoqsijiet tal-lum, bl-isfidi tal-Mediterran, bil-karba tal-foqra, bl-“utopiji mqaddsa” ta’ fraternità u ta’ paċi li qed jistennew li jitwettqu.

 

Ħuti, flimkien magħkom nitlob lill-Madonna, Notre Dame de la Garde, biex tgħasses fuq ħajjitna, biex tħares lil Franza, biex tindokra lill-Ewropa kollha u tagħmel li naqbżu fl-Ispirtu. U dan nixtieq nagħmlu bil-kliem ta’ Paul Claudel: “Nilmaħ il-knisja miftuħa. […] / Ma għandi xejn x’noffri u xejn x’nitlob. / Niġi biss, Omm tiegħi, biex inħares lejk. / Inħares lejk, nibki bil-ferħ, dan naf: / li jiena ibnek u li int tinsab hawn. […] Inkun miegħek, Marija, f’dan il-post fejn tinsab int. […] / Għax int dejjem hawn, / sempliċiment għax int Marija, / sempliċiment għax teżisti, / Omm ta’ Ġesù Kristu, lilek kull radd ta’ ħajr!” (“La Vierge à midi”, Poëmes de  uerre 1914-1916, Paris, 1922).

 

_____________________________________

 

Tislima fi tmiem il-quddiesa

 

Grazzi, Eminenza, tal-kelmiet tiegħek, u grazzi lilkom kollha, ħuti, tal-preżenza u tat-talb tagħkom. Grazzi!

 

Issa li wasalt fi tmiem din iż-żjara, nixtieq nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi għall-akkoljenza sabiħa li rċivejt, kif ukoll għall-ħidma kollha u l-preparazzjonijiet li saru. Nirringrazzja lis-Sur President tar-Repubblika u, permezz tiegħu, insellem minn qalbi lill-Franċiżi kollha. Insellem lis-Sinjura Prim Ministru, li ġiet tilqagħni l-ajruport; insellem ukoll lill-Awtoritajiet preżenti, b’mod partikulari lis-Sur Sindku ta’ Marsilja.

 

U ngħannaq lill-Knisja kollha ta’ Marsilja, bil-komunitajiet parrokkjali u reliġjużi tagħha, bl-għadd ta’ istituti skolastiċi tagħha u l-opri ta’ karità. Din l-Arċidjoċesi kienet l-ewwel waħda fid-dinja li ġiet ikkonsagrata lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, fl-1720, waqt epidemija tal-pesta; allura hi f’demmkom li tkunu sinjali tal-ħlewwa ta’ Alla, anki fl-“epidemija tal-indifferenza” ta’ bħalissa; grazzi tas-servizz umli u determinat tagħkom, li jagħti xhieda tal-qrubija u l-ħniena tal-Mulej!

 

Ħafna minnkom ġejtu hawn minn diversi partijiet ta’ Franza: merci à vous! Nixtieq insellem lill-aħwa li ġew minn Nice, akkumpanjati mill-Isqof u mis-Sindku, u li skampaw il-mewt fl-attentat tal-biża’ tal-14 ta’ Lulju 2016. Ejjew niftakru fit-talb tagħna f’dawk li tilfu ħajjithom f’dik it-traġedja u fl-atti terroristiċi kollha mwettqa fi Franza u f’kull parti tad-dinja. It-terroriżmu hu ġifa. Ejjew ma negħjew qatt nitolbu għall-paċi fir-reġjuni mifnija mill-gwerra, fuq kollox għall-poplu Ukren taħt martirju.

 

Tislima mimlija mħabba lill-morda, it-tfal u l-anzjani, li huma l-memorja taċ-ċiviltà; u ħsieb speċjali għall-persuni f’diffikultà u għall-ħaddiema kollha ta’ din il-belt; fil-port ta’ Marsilja ħadem Jacques Loew, l-ewwel saċerdot ħaddiem ta’ Franza. Id-dinjità tal-ħaddiem għandha tiġi rrispettata, promossa u mħarsa!

 

Għeżież ħuti, se nġorr fil-qalb tiegħi l-laqgħat ta’ dawn il-jiem. Notre Dame de la Garde tħares fuq din il-belt, mużajk ta’ tama, u fuq il-familji kollha tagħkom u fuq kull wieħed u waħda minnkom. Je vous bénis. S’il vous plaît, n’oubliez pas de prier pour moi. Ce travail n’est pas facile! Merci.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard