VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’MARSILJA

għall-għeluq tar-“Rencontres Méditerranéennes”

[22-23 TA’ SETTEMBRU 2023]

TALBA MARJANA MAL-KLERU DJOĊESAN

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Bażilika ta’ “Notre Dame de la Garde” (Marsilja)

Il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru 2023

 

Għeżież ħuti, bon après-midi!

Kemm qed nieħu pjaċir li din iż-żjara tiegħi qed niftaħha billi naqsam magħkom dan il-mument ta’ talb. Nirringrazzja lill-Kardinal Jean-Marc Aveline tal-kelmtejn ta’ merħba u nsellem lill-E.T. Mons. Eric de Moulins-Beaufort, lil ħuti l-Isqfijiet, lir-Retturi u lilkom kollha, saċerdoti, djakni u seminaristi, persuni kkonsagrati li taħdmu f’din l-arċidjoċesi b’ġenerożità u impenn biex tibnu ċiviltà tal-laqgħa ma’ Alla u mal-proxxmu. Grazzi tal-preżenza tagħkom u tas-servizz tagħkom, u grazzi tat-talb tagħkom!

 

Biż-żjara tiegħi f’Marsilja, dħalt fil-filliera tal-persuni kbar: Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Charles de Foucauld, Ġwanni Pawlu II u tant oħrajn, li ġew pellegrini hawn, biex jafdaw ruħhom f’idejn Notre Dame de la Garde. Ejjew inqiegħdu taħt il-mant tagħha l-frott tal-Laqgħat tal-Mediterran, flimkien max-xewqat u t-tamiet tal-qlub tagħkom.

 

Fil-Qari mill-Bibbja, il-Profeta Sofonija sejħilna għall-ferħ u għall-fiduċja, u fakkarna li l-Mulej Alla tagħna mhuwiex imbiegħed minna, jinsab hawn, qrib tagħna, biex isalvana (ara 3:17). Dan huwa messaġġ li, f’ċertu sens, jeħodna lura għall-istorja ta’ din il-Bażilika u għal dak li tirrappreżenta. Fil-fatt, din ma ġietx imwaqqfa b’tifkira ta’ xi miraklu jew ta’ dehra partikulari, imma sempliċiment għax, sa mis-seklu 13, il-Poplu qaddis ta’ Alla fittex u sab hawn, fuq l-għolja ta’ La Garde, il-preżenza tal-Mulej fl-għajnejn tal-Omm Qaddisa tiegħu. Għalhekk in-nies ta’ Marsilja – speċjalment dawk li jbaħħru fuq l-imwieġ tal-Mediterran – ilhom sekli jitilgħu hawn jitolbu. Kien il-Poplu Qaddis u fidil ta’ Alla li – ħa nuża din il-kelma – “dilek” dan is-santwarju, dan l-imkien ta’ talb. Poplu Qaddis ta’ Alla li, kif jgħid il-Konċilju, hu infallibbli in credendo.

 

Illum mill-ġdid, għal kuħadd, il-Bonne Mère hi protagonista ta’ “laqgħa ta’ ħarsiet” wisq ħelwa: minn naħa dik ta’ Ġesù, li hi dejjem tindikalna u li l-imħabba tiegħu tidher f’għajnejha – il-ġest l-iżjed awtentiku tal-Madonna hu: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”, turina lil Ġesù –; mill-oħra dawk ta’ tant irġiel u nisa ta’ kull età u kundizzjoni, li hi tiġbor u twassal għand Alla, kif fakkarna fil-bidu ta’ din it-talba, meta qegħidna f’riġlejha xemgħa kbira mixgħula. Araw, f’salib it-toroq tal-ġnus kif inhi Marsilja, nixtieq nirrifletti magħkom sewwasew fuq dan is-salib it-toroq ta’ ħarsiet, għax fih jidhirli li tesprimi ruħha tajjeb id-dimensjoni Marjana tal-ministeru tagħna. Fil-fatt, aħna wkoll, saċerdoti, ikkonsagrati, djakni, aħna msejħin biex lin-nies indewquha l-ħarsa ta’ Ġesù u, fl-istess waqt, biex inwasslu lil Ġesù l-ħarsa tal-aħwa. Qsim ta’ ħarsiet. Fl-ewwel każ aħna strumenti ta’ ħniena, fit-tieni strumenti ta’ interċessjoni.

 

L-ewwel ħarsa: dik ta’ Ġesù li tmelles lill-bniedem. Hija ħarsa li tinżel mill-għoli għall-baxx, mhux biex tiġġudika, imma biex terfa’ ’l fuq lil min jinsab mal-art. Hija ħarsa kollha ħlewwa, li tidher fl-għajnejn ta’ Marija. U aħna, imsejħin nittrasmettu din il-ħarsa, jeħtieġ nitbaxxew, nuru ħniena – din il-kelma nixtieq nisħaq fuqha: kompassjoni, ħniena. Ejjew ma ninsewx li l-istil ta’ Alla hu dak tal-qrubija, tal-kompassjoni u tal-ħlewwa – biex nagħmlu tagħna “t-tjieba paċenzjuża u inkuraġġanti tar-Ragħaj it-tajjeb, li lin-nagħġa l-mitlufa ma jċanfarhiex, imma jerfagħha fuq spallejh u jagħmel festa għar-ritorn tagħha fil-maqjel (ara Lq 15:4-7)” (Kongregazzjoni għall-Kleru, Direttorju għall-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, 41). Nieħu pjaċir naħseb kif il-Mulej ma jafx jagħmel il-ġest li jipponta sebgħu biex jiġġudika, imma jaf jagħmel dak li jnewwel idu biex jerfa’.

 

Ħuti, ejjew nitgħallmu minn din il-ħarsa, ma nħallux jgħaddi jum mingħajr ma niftakru kif aħna rċivejnieha fuqna, u nagħmluha tagħna, biex inkunu rġiel u nisa ta’ kompassjoni. Qrubija, kompassjoni, ħlewwa. Ma ninsewx. Li nuru ħniena jfisser inkunu qrib tal-oħrajn u nimxu bi ħlewwa. Niftħu l-bibien tal-knejjes u tad-djar parrokkjali, imma fuq kollox dawk tal-qlub tagħna, biex bil-ħlewwa, il-ġentilezza u l-akkoljenza tagħna nuru l-wiċċ ta’ Sidna. Min jersaq qrib tagħna ma għandux isib distanzi u ġudizzji, imma x-xhieda ta’ ferħ umli, li kapaċi jħalli frott iktar minn kull ħila li tħobb titperreċ. Ħa jsibu dawk li huma midruba mill-ħajja port żgur, akkoljenza fil-ħarsa tagħkom, tħeġġiġa fit-tħaddina tagħkom, tmellisa f’dirgħajkom, li għandhom il-ħila jixxottaw id-dmugħ. Imqar qalb il-ħafna ħidmiet tal-jum, nitlobkom, tħallux li tonqos dik is-sħana tal-ħarsa paterna u materna ta’ Alla. U lis-saċerdoti, nitlobkom: fis-Sagrament tal-Penitenza aħfru dejjem, aħfru! Kunu ġenerużi kif Alla hu ġeneruż magħna. Aħfru! U bil-maħfra ta’ Alla jinfetħu tant toroq fil-ħajja. U kemm hu sabiħ li dan nagħmluh billi nqassmu l-maħfra tiegħu b’ġenerożità, dejjem, dejjem, biex permezz tal-grazzja nħollu lill-bnedmin mill-ktajjen tad-dnub, u neħilsuhom minn dak li jimblukkahom, rimorsi, rabja u biżgħat li waħidhom ma jistgħux jegħlbuhom. Kemm hi ħaġa sabiħa li nerġgħu niskopru b’sens ta’ stagħġib, f’kull età, il-ferħ li nistgħu ndawlu l-ħajjiet, fil-mumenti ta’ hena u ta’ niket, bis-Sagramenti, u li nistgħu nittrasmettu, f’isem Alla, tamiet mhux mistennija: il-qrubija tiegħu li tfarraġ, il-kompassjoni tiegħu li tfejjaq, il-ħlewwa tiegħu li tqanqal. Qrubija, kompassjoni, ħlewwa. Kunu qrib ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk l-iżjed dgħajfa u l-inqas xortihom tajba, u araw li min qed ibati ma jisfa qatt nieqes mill-qrubija tagħkom attenta u diskreta. Hekk jikbru, fihom imma fikom ukoll, il-fidi li tagħti l-ħajja lill-preżent, it-tama li tiftaħ għall-futur u l-imħabba li tibqa’ għal dejjem. Dan hu l-ewwel moviment: li twasslu l-ħarsa ta’ Ġesù lill-aħwa. Hemm sitwazzjoni waħda biss fil-ħajja li fiha nistgħu nħarsu lejn persuna minn fuq għal isfel: din hi meta aħna nfittxu li naqbdulha jdejha biex nerfgħuha. Fis-sitwazzjonijiet l-oħra jkun dnub tas-suppervja. Ħarsu lejn il-persuni li qegħdin fil-baxx u li b’idejhom – konxjament jew inkonxjament – qed jitolbukom li terfgħuhom. Abqdulhom idejhom u erfgħuhom: huwa ġest sabiħ ħafna, huwa ġest li ma tistax tagħmlu jekk mhux bi ħlewwa.

 

Imbagħad hemm it-tieni ħarsa: dik tal-irġiel u tan-nisa li jduru lejn Ġesù. Bħal Marija, li f’Kana fehmet u ressqet quddiem il-Mulej it-tħassib ta’ żewġ miżżewġin friski (ara Ġw 2:3), intom ukol imsejħin issiru, għall-oħrajn – irġiel u nisa għall-oħrajn –, leħen li jinterċedi (ara Rum 8:34). Allura hawn jidħlu l-Brevjar, il-meditazzjoni ta’ kuljum tal-Kelma, ir-Rużarju u kull talba oħra, nirrakkomandalkom b’mod speċjali dik tal-adorazzjoni. Aħna tlifnieh xi ftit is-sens tal-adorazzjoni, hemm bżonn nirkuprawh, nirrakkomandalkom dan. Dan it-talb kollu jkun miżgħud bl-uċuħ ta’ dawk li l-Providenza tpoġġilkom fit-triq tagħkom. Iġġorru magħkom l-għajnejn tagħhom, l-ilħna tagħhom, il-ħtiġijiet tagħhom: fuq il-Mejda Ewkaristika, quddiem it-Tabernaklu jew fil-ħemda ta’ kamritkom, fejn il-Missier jara (ara Mt 6:6). Issiru eku fidil tagħhom, bħala interċessuri, bħala “anġli fuq l-art”, messaġġiera li jwasslu kollox “quddiem il-glorja tal-Mulej” (Tob 12:12).

 

U nixtieq niġbor din il-meditazzjoni qasira billi niġbed l-attenzjoni tagħkom għal tliet xbihat ta’ Marija li huma meqjuma f’din il-Bażilika. L-ewwel waħda hi x-xbieha kbira li togħla fuq il-quċċata, li tirrappreżentaha hija u żżomm f’idejha lil Ġesù Bambin li qed ibierek: ara, bħal Marija aħna nġorru l-barka u s-sliem ta’ Ġesù kullimkien, f’kull familja u f’kull qalb. Iżirgħu l-paċi! Hija l-ħarsa ta’ ħniena. It-tieni xbieha tinsab taħtna, fil-Kripta: hija l-Vierge au bouquet, don ta’ lajk ġeneruż. Hi wkoll qed iġġorr fuq id waħda lil Ġesù Bambin, u turihulna, imma fl-id l-oħra, flok ix-xettru, għandha bukkett ward. Dan iġagħalna naħsbu kif Marija, xempju tal-Knisja, waqt li tippreżentalna lil Binha, tippreżenta lilna wkoll lilu, bħal bukkett ward li fih kull persuna hija unika, hija sabiħa u prezzjuża f’għajnejn il-Missier. Hija l-ħarsa ta’ interċessjoni. Din hi importanti ħafna: l-interċessjoni. Fl-aħħar nett, it-tielet xbieha hi dik li nilmħu hawn fiċ-ċentru, fuq l-altar, li tolqot l-għajn għall-ġmiel li ħiereġ minnha. Aħna wkoll, ħuti għeżież, nistgħu nsiru Vanġelu ħaj skont kemm nagħtuh, billi noħorġu minna nfusna, nirriflettu d-dawl u l-ġmiel tiegħu b’ħajja umli, hienja, mimlija żelu appostoliku. F’dan huma ta’ stimolu għalina l-ħafna missjunarji li telqu minn dan il-post fil-għoli biex iħabbru l-Bxara t-tajba ta’ Ġesù Kristu fid-dinja kollha.

 

L-aktar għeżież, ejjew inwasslu lil ħutna l-ħarsa ta’ Alla, inwasslu quddiem Alla l-għatx ta’ ħutna, inxerrdu l-ferħ tal-Vanġelu. Din hija l-ħajja tagħna u hi tabilħaqq sabiħa, minkejja t-taħbit u l-waqgħat, anki d-dnubiet tagħna. Nitolbu flimkien lill-Madonna, biex isseħibna, biex tħarisna. U intom, nitlobkom, itolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard