VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
f’MARSILJA
għall-konklużjoni tar-“Rencontres Méditerranéennes”
[22 - 23 ta’ Settembru, 2023]

L-AĦĦAR SESSJONI TAR-“RENCONTRES MÉDITERRANÉENNES”

 DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

“Palais du Pharo” (Marsilja)
Is-Sibt, 23 ta’ Settembru, 2023

Sur President tar-Repubblika,,
għeżież ħuti Isqfijiet,
illustri Sindki u Awtoritajiet li tirrappreżentaw it-terrotiorji ta’ madwar il-baħar Mediterran
ħbieb ilkoll!

Minn qalbi nsellmilkom u nħossni grat lejn kull wieħed u waħda minnkom li lqajtu l-istedina tal-Kardinal Aveline biex tieħdu sehem f’dawn il-laqgħat.  Grazzi għall-ħidma tagħkom u għar-riflessjonijiet prezzjużi li qsamtu bejnietkom.  Wara Bari u Firenze, il-mixja għas-servizz tal-popli tal-Mediterran baqgħet miexja ‘l quddiem: hawnhekk ukoll persuni ekkleżjastiċi u ċivili responsabbli, jinsabu flimkien mhux biex jinnegozjaw dwar interessi reċiproċi imma mqanqlin mix-xewqa li jieħdu ħsieb il-bniedem; grazzi għax dan qed twettquh flimkien maż-żgħażagħ, il-preżent u l-ġejjieni tal-Knijsa u tas-soċjetà.

Il-belt ta’ Marsilja hi antika ħafna.  Kienet twaqqfet mill-baħħara griegi ġejjin mill-Asja Minuri, il-leġġenda tirrakonta storja ta’ mħabba bejn baħri emigrat u prinċipessa tal-post.  Sa mill-oriġini dil-belt turi li fiha karatteristika ta’ taħlit u kosmopolita: tilqa’ r-riżq tal-baħar u tagħti patrija lil min tilef tiegħu.  Marsilja tgħidilna li, minkejja d-diffikultajiet, il-konvivjalità hi possibbli u hi għajn ta’ferħ.  Fuq il-mappa, bejn Nizza u Montpellier, donnha tħażżes tbissima; hekk nieħu gost nimmaġinaha: Marsilja hi “t-tbissima tal-Mediterran”. Għaldaqstant nixtieq inwasslilkom xi ħsibijiet dwar tlett realtajiet kratteristiċi ta’ Marsilja: il-baħar, il-port u l-fanal.  Huma tlett simboli.

1. Il-baħar. Baħar kbir ta’ popli li lil dil-belt għamluha mużajk ta’ tama, bit-tradizzjoni kbira tagħha multietnika u multikulturali, rappreżentata minn aktar minn 60 Konsolat li hawn fit-territorju tagħha.  Marsilja hi belt u fl-istess ħin hi plural u singular, minħabba l-fatt li l-pluralità tagħha, frott tal-laqgħa tagħha mad-dinja, tagħmlilha l-istorja tagħha singolari.  Illum spiss jingħad li l-istorja tal-Mediterran hi nisġa ta’ kunflitti bejn iċ-ċiviltajiet, ir-reliġjonijiet u viżjonijiet differenti.  Ma ninjorawx il-problemi – għax hemm sew minnhom! – imma ma ningannawx ruħna: l-iskambji li seħħew bejn il-popli, lill-Mediterran għamluh benniena ta’ ċiviltà, baħar ta’ teżori bla qies, sal-punt li, kif kiteb storiku kbir franċiz, dan mhux “pajsaġġ, iżda għadd bla tarf ta’ pajsaġġi.  Mhux baħar, iżda suċċessjoni ta’ ibħra”; “minn eluf ta’ snin ‘l hawn kollox jiġbed għal ġo fih u jgħanilu l-istorja tiegħu” (F. Braudel, La Méditerranée, Pariġi 1985, 16).  Il-Mare nostrum hu spazju ta’ laqgħa: bejn reliġjonijiet abramitiċi; bejn il-ħsieb griek, latin u għarbi; bejn ix-xjenza, il-filosofija u d-dritt u bejn bosta realtajiet oħra.  Ittrasmetta lid-dinja l-valur għoli tal-bniedem imżejjen bil-libertà, miftuħ għall-verità u fil-ħtieġa tas-salvazzjoni, li lid-dinja jaraha bħala meravilja li jrid jiskopriha u ġnien fejn jgħammar, simbolu ta’ dak Alla li jagħmel patt mal-bnedmin.

Sindku kbir kien iħares lejn il-Mediterran mhux bħala kwistjoni konflittwali, iżda bħal risposta ta’ paċi, anzi “il-bidu u s-sies tal-paċi bejn in-nazzjonijiet kollha tad-dinja” (G. La Pira, Diskors fi tmiem l-ewwwel Kollokwiju tal-Mediterran, 6 ta’ Ottubru, 1958).  Infatti kien qal: “It-tweġiba (...) hi possibbli jekk inqisu l-vokazzjoni storika komuni u biex ngħidu hekk, permanenti, li l-Providenza tatu fl-imgħoddi, qed ittih fil-preżent u, f’ċertu sens, qed ittih għall-ġejjieni tal-popli u tan-nazzjonijiet li jgħixu fuq ix-xtut ta’ din l-għadira misterjuża ta’ Tiberija mifruxa, jew aħjar, il-Baħar Mediterran”(Diskors tal-ftuħ tal-I Kollokwiju tal-Mediterran, 3 ta’ Ottubru, 1958). Għadira ta’ Tiberija, jew il-Baħar tal-Galilija, imkien speċjali li fih, fi żmien Kristu, kien hemm miġburin varjetà kbira ta’ popolazzjonijiet, kulti u tradizzjonijiet.  Ġesù wettaq il-biċċa l-kbira tal-ħajja pubblika tiegħu propju hemm “fil-Galilija tal-ġnus” (cfr Mt 4,15) li minnha tgħaddi t-Triq tal-baħar.  Dax-xenarju ta’ bosta għamliet, u għal ħafna raġunijiet instabbli, kien il-post fejn saret it-tħabbira universali tal-Beatitudnijiet, f’isem Alla Missier ta’ kulħadd, Hu li “jtella’ x-xemx sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 5,45).  Kienet ukoll stedina biex jinfetħu l-ixqfa tal-qlub ħalli jiġġarrfu l-barrieri etiniċi u kulturali.  Din għalhekk hi t-tweġiba li tingħata mill-Mediterran: dan il-Baħar tal-Galilija, perpetwu, hu stedina biex il-firda li jġibu l-kunflitti nopponuha “bil-konvivjalità tad-differenzi” (T. Bello Benedettte inquietudini, Milan, 2001, 73).  Il-Mare nostrum, salib it-toroq bejn it-tramuntana u n-nofsinhar, bejn il-lvant u l-punent, hemm ikkonċentrati fih l-isfidi tad-dinja kollha kemm hi, kif jixhdu “l-ħames xtut” tiegħu li intom irriflettejtu dwarhom: l-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Qrib, il-Baħar l-Iswed-Eġew, il-Balkani u l-Ewropa Latina.  Il-Mediterran hu “kampjunarju” tal-isfidi li jolqtu lil kulħadd: niftakru fil-klima, fejn il-Mediterran hu hotspot li fih it-tibdil jinħass minnufih; kemm hu importanti nindukraw il-pajsaġġ naturali (macchia mediterranea), senduq tal-biodiversità!  Insomma, dal-baħar, ambjent uniku li joffrilna firxa ta’ kumplessitajiet hu “l-mera ta’ dinja” u fih hemm vokazzjoni globali għall-fraternità, vokazzjoni unika u triq waħdanija biex nilqgħu minn qabel u ngħelbu l-konflittwalità.

Ħuti, fil-baħar ta’ kunflitti li għandna llum, aħna qiegħdin hawn biex nivvalorizzaw il-kontribut tal-Mediterran, ħalli dan jerġa’ jsir laboratorju ta’ paċi.  Għax din hi l-vokazzjoni, li jkun post fejn pajjiżi u realtajiet differenti jitlaqgħu, imqanqlin mill-umanità li lkoll kemm aħna nistqarru, mhux post ta’ ideoloġiji li jopponuha.  Iva, il-Mediterran jesprimi ħsieb uniformi u ideoloġiku, iżda poliedriku u marbut mar-realtà; ħsieb vitali, miftuħ u konċiljanti: ħsieb komunitarju, din hi l-kelma.  Dan hu li għandna bżonn, fil-mument t’issa meta nazzjonaliżmi antikwati u ġellieda jridu jġibu fix-xejn il-ħolma tal-komunità tan-nazzjonijiet!  Iżda - niftakru – bl-armi ssir il-gwerra mhux il-paċi, u bir-regħba għas-setgħa dejjem nerġgħu lura lejn l-imgħoddi, ma nistgħux nibnu l-futur.

Allura minn fejn nibdew biex inħawlu l-paċi?:  Fuq ix-xtut tal-Baħar tal-Galilija, Ġesù beda billi nissel it-tama fil-foqra u sejħilhom ‘imberkin’; sama’ x’kellhom bżonn, fejqilhom il-ġrieħi, u lilhom ta l-aħbar it-tajba tas-Saltna, qabel kulħadd.  Minn hemm irridu nibdew, mill-gġajta spiss siekta ta’ min hu tal-aħħar, mhux minn min hu l-ewwel fil-klassi, li minkejja li huma komdi, jkunu huma li jgħollu leħinhom.  Nibdew mill-ġdid, Knisja u komunità ċivili, nibdew mis-smigħ tal-foqra li “għandna nħaddnuhom, u huma bla għadd” (P. Mazzolari, La parola ai poveri, Bologna, 2016, 39), għax huma wċuħ mhux numri.  Il-bidla fil-pass li hemm bżonn jagħmlu l-komunitajiet tagħna hi li lil dawn nittrattawhom bħal ħutna li nafu l-istejjer tagħhom, mhux bħala problemi fastidjużi, inkeċċuhom ‘l hemm, nibgħatuhom lejn id-dar; hu li nilqgħuhom mhux li naħbuhom;  nintegrawhom mhux neħilsu minnhom; nagħtuhom id-dinjità.  U Marsilja, irrid intenni, hi l-kapitali tal-integrazzjoni bejn il-popli.  Dan hu l-ftaħir tagħkom!  Illum, il-baħar tal-konvivenza umana hu mniġġes mill-prekarjetà li qed tferi lil Marsilja stess.  U fejn hemm il-prekarjetà hemm il-kriminalità: fejn hemm il-faqar materjali, edukattiv, tax-xogħol, kulturali u reliġjuz, hemm bżonn imbuttatura lill-kuxjenza biex ngħidu “le” għall-illegalità u “iva” għas-solidarjetà, li mhix qatra fil-baħar iżda l-element indispensabbli biex isaffi l-ilmijiet tiegħu.

Fil-fatt, il-veru mard soċjali mhux tant iż-żjieda tal-problemi imma t-tnaqqis fil-kura.  Illum min qed joqrob lejn iż-żgħażagħ imħollijin għal riħhom, vittmi faċli tal-kriminalità u l-prostituzzjoni?  Min hu responsabbli tagħhom?  Min hu qrib il-persuni skjavizzati minħabba xogħol li suppost jagħmilhom aktar ħielsa?  Min qed jieħu ħsieb il-familji mbeżżgħin, imwerwrin mill-ġejjieni, li qed isbuha diffiċli jkollhom l-ulied?  Min jagħti widen għall-ilfiq tal-anzjani waħedhom li minflok ikunu valorizzati, jispiċċaw ipparkjati bil-prospettiva ta’ dinjita falza ta’ mewta ħelwa li fir-realtà hi aktar mielħa mill-ilma baħar?  Min qed jaħseb fit-tfal mhux imwielda, irrifjutati f’isem dritt falz ta’ progress, li fil-fatt huwa rigress fejn jidħlu l-ħtiġijiet tal-individwu?  Illum għandna d-dramm li nitfixklu bejn it-tfal u l-ġriewi.  Is-segretarju tiegħi kien qed jgħidli li hu u għaddej minn Pjazza San Pietru ra mara li kienet qed timbotta pram... imma mhux tfal kellha, kienu klieb!  Dil-konfużjoni ittina messaġġ ikraħ.  Min qed iħares bil-kumpassjoni lil hinn minn xtutu biex jisma’ l-karba ta’ uġigħ li ġejja mill-Afrika ta’ Fuq u mill-Lvant Nofsani?  Kemm nies jgħixu mgħaddsin fil-vjolenza u jsofru sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja u persekuzzjoni!  U qed niftakar f’tant insara, li spiss ikollhom jiltiqu minn artijiethom inkella jekk jibqgħu f’pajjiżhom jitilfu d-drittijiet tagħhom, ma jkollhomx ċittadinanza sħiħa. Jekk jogħġobkom, ejjew ninpenjaw ruħna sabiex dawk li jiffurmaw is-soċjetà jistgħu jkunu ċittidini bid-drittijiet kollha.  Imbagħad hemm karba ta’ wġigħ li tinstama’ aktar minn oħrajn u li qed tibdel il-Mare nostrum, il-Mediterran, minn benniena ta’ċiviltà f’qabar tad-dinijità.  Hi l-karba maħnuqa ta’ ħutna rġiel u nisa migranti, li rrid nitfa’ l-attenzjoni tiegħi fuqhom jien u nirrifletti fuq it-tieni immaġni li toffrilna Marsilja, dik tal-port tagħha.

2. Il-port ta’ Marsilja ilu sekli bieb miftuħ beraħ li jagħti għal fuq il-baħar, għal Franza u għall-Ewropa.  Kienu bosta dawk li telqu min hawn biex ifittxu x-xogħol u futur f’pajjiżi oħra, u minn hawn bosta għaddew mill-bieb tal-kontinent bil-bagalji mimlijin tama.  Marsilja hi port kbir u hija bieb kbir li ma jistax jingħalaq.   Iżda ħafna portijiet fil-Mediterran huma magħluqin.  U żewġ kelmiet dwew u qanqlu l-biża’ fost in-nies: “invażjoni” u “emerġenza”.  U l-portijiet jingħalqu.  Iżda min ikun jirriskja ħajtu fuq il-baħar mhux invażur, ikun ifittex l-akkoljenza, il-ħajja.  Rigward l-emerġenza, il-fenomenu migratorju mhux tant emerġenza tal-mument, dejjem skuża tajba biex tkebbes il-propaganda allarmista, imma fatt ta’ żmienna, proċess li madwaar il-Mediterran imiss tlett kontinenti u għandu jkun amministrat b’ħarsa fit-tul dehenija: b’responsabbiltà ewropea bil-ħila li taffronta d-diffikultajiet oġġettivi.  Qed inħares hawn, lejn dil-mappa li turi l-portijiet privileġġjati għall-migranti: Ċipru, Malta, l-Italja u Spanja....  Dawn huma fil-Mediterran u jirċievu l-migranti.  Il-mare nostrum qed jgħajjat għall-ġustizzja, bi xtutu, li min-naħa mifqugħin bil-ġd, bil-konsumiżmu u l-ħala, filwaqt li mill-oħra hemm fihom il-faqar u l-prekarjetà.  F’dan ukoll il-Mediterran hu mera tad-dinja, bin-Nofsinhar li jħares lejn it-Tramuntana, b’tant pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod globalizzat, li jsofru minn instabbiltà, reġimi, gwerer u deżertifikazzjoni, li jħarsu lejn dawk li għandhom ir-riżq, f’dinja globalizzata li fiha aħna lkoll marbutin ma’ xulxin imma li d-differenzi bejn is-sinjuri u l-foqra qatt ma kienu daqstant profondi.  Madankollu, dis-sitwazzjoni mhix novità ta’ dawn l-aħħar snin, u mhuwiex dal-Papa li ġej min-naħa l-oħra tad-dinja l-ewwel wieħed li qed iħares lejn dis-sitwazzjoni b’urġenza u tħassib kbir.  Il-Knisja ilha titkellem dwar dan b’ton ferventi għal aktar minn ħamsin sena.

Kien għadu kif intemm il-Konċilju Vatikan II u San Pawlu VI fl-Enċiklika Populorum progressio, kiteb: “Il-popli li qegħdin ibatu l-ġuħ jitolbu b’leħen ta’ ħniena lill-popli mogħnija bil-ġid.  Għalhekk il-Knisja, kważi mkexkxa minn dan l-għajjat ta’ qtiegħ il-qalb, tistieden lil kull wieħed biex, imqanqlin mill-imħabba, jagħti tweġiba lil ħutu li qegħdin jitolbu għajnuna” (n.3).  Il-Papa Montini kien għamel lista ta’ “tlett dmirijiet” li għandhom in-nazzjonijiet żviluppati, “obbligi ġejjin mill-għaqda naturali u sopranaturali ta' aħwa”: “id-dmir ta' solidiarjeta', jiġifieri l-għajnuna li għandha tingħata min-nazzjonijiet għonja lil dawk li għadhom jitħabtu biex jiżviluppaw ruħhom; id-dmir tal-ġustizzja soċjali,  li tikkonsisti f'dan, li r-relazzjonijiet kummerċjali li hemm bejn popli aktar qawwijin u dawk li huma aktar debboli, jitbiddlu għall-aħjar; id-dmir ta' l-imħabba universali, li biha tiġi nkorraġġita f’kulħadd parteċipazzjoni ki tixraq aktar lill-bniedem, li fiha  kulħadd ikollu x'jagħti u x'jirċievi, mingħajr ma l-progress ta' wieħed ifixkel lill-ieħor” (n. 44).  Fid-dawl tal-Evanġelju u ta’ dawn l-osservazzjonijiet, fl-1967, Pawlu VI saħaq dwar “l-obbligu tal-akkoljenza” u kiteb li “dwar dan qatt ma nistgħu ninsitu biżżejjed” (n. 67).  Flimkien ma’ dawn, ħmistax-il sena qabel kien tkellem Piju XII meta kiteb li “l-Familja ta’ Nazaret fl-eżilju, Ġesù, Marija u Ġużeppi emigrati fl-Eġittu (...) huma l-mudell, l-eżempju u s-sotenn tal-emigranti u l-pellegrini kollha ta’ kull età u minn kull pajjiż, tar-rifuġajti kollha huma f’liema kundizzjoni huma, li minħabba l-persekuzzjoni u l-bżonn ikollhom jabbadunaw il-patrija, lil qrabathom għeżież (...) u jmorru f’art barranija” (Kost. App. Exsul Familia de spirituali emigrantium cura, 1 ta’ Awwissu, 1952).  Ċertament, id-diffikultajiet tal-akkoljenza huma quddiem għajnejn kulħadd.  Il-migranti għandhom jintlaqgħu, ikunu mħarsa jew akkumpanjati, immexxija ‘l quddiem u integrati.  Jekk dan ma jasalx sat-tmiem, il-migrant jispiċċa maqbud fiċ-ċirku tas-soċjetà.  Milqgħuh, akkumpanjat, immexxi ‘l quddiem u integrat: dan hu l-istil.  Hu minnu li dan l-istil mhux faċli, mhux faċli tintegra persuni mhux mistennija, però, il-kriterju prinċipali ma jistax ikun li nindukraw ir-riżq li għandna, daqskemm li nipproteġu d-dinjità umana.  Dawk li jfittxu rifuġju fina m’għandniex inqisuhom bħala piż: jekk inħarsu lejhom bħala ħutna, quddiemna jinfetħu u jsiru doni.  Għada se niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat.  Inħallu l-istejjer ta’ dawn il-ħafna ħutna li jinsabu f’diffikultà jmissuna.  Huma għandhom dritt kemm li jemigraw u wkoll li ma jemigrawx, u ejjew ma ningħalqux fl-indifferenza.  L-istorja tinterpellana biex nheżżu l-kuxjenza sabiex dan-nawfraġju ta’ ċiviltà, nilqgħulu bil-quddiem.  Infatti, l-futur m’għandux ikun l-għeluq, li jfisser li mmorru lura lejn l-imgħoddi, dawra lura fil-mixja tal-istorja.  Kontra l-pjaga terribbli tal-isfruttament tal-persuni, is-soluzzjoni mhix li nirrifjutawhom, imma li skont il-possibbiltajiet ta’ kulħadd, nilqgħu l-akbar numru possibbli ta’ dħul legali u regolari, sostenibbli bis-saħħa ta’ akkoljenza ekwa min-naħa tal-kontinet ewropew, fil-qafas ta’ kollaborazzjoni mal-pajjiżi mnejn jiġu dawn ir-rifuġati.  Meta ngħidu “biżżejjed” ikun ifisser li qed nagħlqu għajnejna aħna u nippruvaw “insalvaw lilna nfusna” jkun ifisser it-traġedja ta’ għada, meta l-ġenerazzjonijiet tal-futur iroddulna ħajr jekk inkunu għarafna noħolqu l-kundizzjonijiet għal integrazzjoni essenzjali, filwaqt li jtuna ħtija jekk aħna nkunu ffavorejna biss assimilazzjonijiet sterili.  L-integrazzjoni, tal-migranti hi iebsa wkoll imma tħares fil-bogħod: tħejji l-futur li rridu jew marridux se jkun flimkien inkella le; l-assimilazzjoni, li tinjora d-differenzi u tibqa’ riġida fil-mudelli tagħha, tqiegħed l-idea qabel ir-realtà u tikkomprometti l-ġejjieni, iżżid id-distanzi u tipprovoka l-ħolqien tal-ghetti, tkebbes l-ostilità u l-insofferenza.  Għandna bżonn il-fraternità daqskemm għandna bżonn il-ħobż.  L-istess kelma “ħija/oħti” ta’ oriħini indoewropea, tikxfilna għerq marbut man- nutrizzjoni u l-ikel.  Ejjew insostnu lilna nfusna billi mmantnu t-tama tal-aktar dgħajfa u nilqgħuhom bħala ħutna.  “Tinsewx tilqgħu lill-barranin” (Lhud 13,2), tgħidilna l-Iskrittura.  U l-Antik Testment itenni: l-armla, l-orfni, il-barrani.  It-tliet dmirijiet tal-karità: ngħinu lill-armla, ngħinu lill-orfni u ngħinu lill-barrani, lill-migrant.

A propositu ta’ dan, il-port ta’ Marsilja huwa wkoll “bieb tal-fidi”.  Skont it-tradizzjoni, kienu ġew hawnhekk il-Qaddisin Marta, Marija u Lazzru, li żergħu l-Evanġelju f’dawn l-artijiet.  Il-fidi tiġi mill-baħar, kif tfakkarna t-tradizzjoni suġġestiva ta’ Marsilja tal-Gandlora bil-purċissjoni marittima.  Fl-Evanġelju, Lazzru hu l-ħabib ta’ Ġesù imma hu wkoll il-protagonista ta’ parabbola attwali ħafna, li tifa’ dawl fuq id-diżugwaljanza li therri l-fraternità u tkellimna dwar kemm il-Mulej għandu għal qalbu lill-foqra.  Aħna l-insara li nemmnu f’Alla magħmul bniedem, fir-Raġel uniku u inimitabbli li fuq ix-xtut tal-Mediterran kien iddikjara ruħu bħala t-triq, il-verità u l-ħajja (cfr Ġw 14,6), ma nistgħux naċċettaw li t-toroq tal-laqgħa jibqgħu magħluqin.  Jekk jogħġobkom ma nagħlqux it-toroq tal-laqgħa!  Ma nistgħux naċċettaw li l-verità tal-alla/flus timponi ruħha fuq id-dinjità umana, li l-ħajja tinbidel f’mewt!  Il-Knisja li tistqarr li f’Ġesù Kristu Alla nagħqad b’ċertu mod ma’ kull bniedem” (Gaudium et spes, 22), temmen, flimkien ma San Ġwanni Pawlu II, li triqtha hi l-bniedem (cfr Enċ. Redemptor hominis, 14).  Qim lil Alla u servi lill-aktar dgħajfa, li huma t-teżori tagħha.  Qima lil Alla u qadi lill-proxxmu, dan jiswa: mhux l-importanza soċjali jew il-konsistenza tan-numri, imma l-fedeltà lejn il-Mulej u lejn il-bniedem!

Din hi t-testimonjanza nisranija, u tant drabi erojka; per eżempju, qed nftakar f’San Charles de Foucauld, “fratello universale”, fil-martri tal-Alġerija, iżda wkoll fil-bosta operaturi tal-karità tal-lum.  B’dan l-istil ta’ ħajja, evanġelikament skandaluz, il-Knisja terġa’ ssib il-port żgur fejn tirmiġġa u mnejn terġa’ titlaq biex tinseġ rabtiet mal-bnedmin ta’ kull poplu, u tfittex kullimkien it-traċċi tal-Ispirtu filwaqt li toffri dak li rċeviet bi grazzja.  Din hi r-realtà pura tal-Knisja, hekk hi – kiteb Bernanos – “il-Knisja tal-qaddisin”, u żied illi “dan l-apparat kollu ta’ għerf, ta’ qawwa, ta’ dixxiplina elastika, ta’ splendur u majestożità, mhu xejn fih innifsu jekk ma jkunx animat mill-karità” (Jeanne relapse et sainte, Pariġi 1994, 74).  Pjaċir tiegħi nagħti ġieħ lil dan l-intuwitu franċiz, ġenju ta’ emmna u kreattiv, li afferma dawn il-veritajiet permezz ta’ għadd kbir ta’ ġesti u kitbiet.  San Cesareo ta’ Arles kien qal: “Jekk għandek il-karità, għandek lil Alla; u jekk għandek lil Alla, x’jonqsok aktar?” (Prietka 22,2).  Pascal kien jagħraf illi “l-uniku għan tal-Iskrittura hija l-karità” (Pensieri, n. 301) u li “l-verità mneżża’ mill-karità mhix Alla, iżda speċi ta’ xbieha tiegħu u idolu li la għandna nħobbuh u lanqas nadurawh” Pensieri n. 767).  U San Ġwann Cassiano, li miet hawnhekk, kiteb illi “kollox, anki dak li jitqies utli u neċessarju hu ta’ anqas siwi mill-ġid li jġibu l-paċi u l-karità” (Konferenzi spiritwali XVI, 6).

Hu sabiħ għalhekk li l-insara ma jkunux it-tieni wara ħadd fil-karità; u li l-Evanġelju tal-karità huwa l-magna charta tal-pastorali. M’aħniex insejħin biex nibku ż-żminijiet l-imgħoddijja jew biex niddefinixxu mill-ġdid ir-rilevanza ekkleżjali, aħna msejħin għax-xhieda: mhux biex ‘nirrakkmaw’ l-Evanġelju bil-kliem, imma biex inlaħħmuh; mhux biex inkejlu kemm qed nidhru imma biex nimpenjaw ruħna bla heda bil-gratwità, għax nemmnu  li “l-kejl ta’ Ġesù huwa l-imħabba bla qies” (Omelija, 23 ta’ Frar, 2020).  San Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus li qatta’ biċċa sew minn ħajtu jterraq madwar il-Mediterran, minn port għal ieħor, kien jgħallem li biex nimxu fuq il-liġi ta’ Kristu għandna nerfgħu t-tabija ta’ xulxin (cfr Gal 6,2).  Għeżież ħuti Isqfijiet, ma ngħabbux piżijiet fuq in-nies, imma nħaffulhom it-tgħabijiet tagħhom f’isem l-Evanġelju tal-ħniena, biex bil-ferħ inxerrdu s-serħan ta’ Ġesù fost l-umanità għajjiena u miġruħa.   Il-Knisja m’għandhex tkun ġabra ta’ preskrizzjonijiet, il-Knisja għandha tkun port ta’ tama għal min tilef il-fiduċja.  Iftħu qlubkom, jekk jogħġobkom!  Il-Knisja għandha tkun port li jaħji, fejn il-persuni jħossuhom inkoraġġiti biex jaqdfu ‘l barra fil-ħajja bil-qawwa impareġġjabbli tal-ferħ ta’ Kristu.  Il-Knisja m’għandhiex tkun dwana.  Niftakru fil-Mulej: kulħadd, kulħadd, kulħadd hu mistieden.

3. U hekk nasal fil-qosor għall-aħħar immaġni, dik tal-fanal.  Dan idawwal il-baħar u juri l-port.  Liema kurrenti mdawlin jistgħu jorjentaw ir-rotta tal-Knejjes tal-Mediterran?  Meta niftakru fil-baħar li jgħaqqad flimkien diversi komunitajiet ta’ nies li jemmnu, nemmen li wieħed jista’ jirrifletti dwar toroq b’sinerġija akbar, forsi wieħed ukoll iqis l-opportunita li tinħatar Konferenza ekkleżjali tal-Mediterran, kif qal il-Kardinal Aveline, li tista’ tkabbar il-possibbiltajiet ta’ skambju u tagħti rappreżentanza ekkleżjali aktar wiesa lir-reġjun..  U bil-ħsieb ukoll tal-port u t-tema tal-migranti, jista’ jkun ta’ fejda li ssir pastorali speċifika aktar kollaborattiva biex id-Djoċesijiet l-aktar esposti jkunu jistgħu jagħtu assistenza spiritwali u umana aħjar lil ħutna li jiġu fostna fil-bżonn.

Fl-aħħar, il-fanal li dal-palazz prestiġuz iġib ismu, ifakkarni fuq kollox fiż-żgħażagħ: huma d-dawl li juri r-rotta tal-ġejjieni.  Marsilja hi belt universitarja kbira, sede ta’ erba’ universitajiet; minn fost il-35000 studenti li jilqgħu, 5000 huma stranġieri.  Minn fejn tista’ tinbeda n-nisġa bejn il-kulturi jekk mhux mill-università?  Hemmhekk iż-żgħażagħ ma jisfawx mogħmija mis-seduzzjoni tal-poter, imma mill-ħolma li jibnu l-ġejjieni.  L-universitajiet tal-Mediterran għandhom ikunu laboratorji tal-ħolm u siti tal-bini tal-futur, fejn iż-żgħażagħ jimmaturaw bil-laqgħa ta’ bejniethom, isiru jafu aħjar lil xulxin u jiskopru kulturi u kuntesti jixxiebħu u diversi fl-istess ħin.  Hekk jiġġarrfu l-preġudizzji, jitfejqu l-feriti u titwarrab ir-retorika fundamentalista.  Iftħu għajnejkom mill-prietki ta’ tant fundamentaliżmi li llum huma moda!  Iż-żgħażagħ iffurmati tajjeb u orjentati biex jiffraternizzaw jistgħu jiftħu bibien ta’ djalogu mhux mistenni.  Jekk irridu li huma jiddedikaw ruħhom għall-Evanġelju u għal servizz għoli fil-politika, jeħtieġ qabel kollox li aħna nkunu kredibbli: ninsew lilna nfusna, meħlusin mill-awtoreferenzjalità, iddedikati biex ningħataw bla heda lill-oħrajn.  Imma l-isfida ewlenija tal-edukazzjoni tolqot kull età tal-formazzjoni: diġà minn tfal, “meta “jitħalltu” mal-oħrajn, hemm il-possibbiltà li jiġġarfu l-barrieri u prekonċetti, jiżviluppaw l-identità personali fil-qafas ta’ arrikkiment reċiproku.  Il-Knisja tista’ tagħti kontribut sew għal dan, billi x-xbieki formattivi tagħha tqegħedhom għas-servizz u billi tanima “il-kreattività fil-fraternità”.

Ħuti, l-isfida hi wkoll dik tat-teoloġija tal-Mediterran – it-teoloġija għandha tkun imħawla fil-ħajja; it-teoloġija tal-laboratorju ma taħdimx -, tiżviluppa ħsieb li jaqbel mar-realtà, “dar” tal-uman u mhux biss tal-element tekniku, bil-ħila li tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u hekk torbot il-memorja u l-futur, tippromwovi b’oriġinalità il-mixja ekumenika bejn l-insara u d-djalogu ma’ minn iħaddan reliġjonijiet oħra.  Sabiħ li nieħdu r-riskju fi tfittxija filosofika u teoloġika li, hi u tixrob mill-għejjun kulturali tal-Mediterran, terġa’ trodd it-tama lill-bniedem, misteru tal-libertà li għandu bżonn lil Alla u lill-ieħor biex jagħti sens lill-eżistenza personali tiegħu.  Jeħtieġ ukoll nirriflettu fuq il-misteru ta’ Alla, li ħadd ma jista’ jippretendi li jagħmlu tiegħu jew jikkontrollah u li, anzi, m’għandux jituża bħala skuża għal ebda vjolenza jew ikun sturmentalizzat, bl-għarfien li l-istqarrija tal-kobor tiegħu titlob minna l-umiltà ta’ min qed ifittex.

Għeżież ħuti, jien kuntent li ninsab hawn f’Marsilja!  Darba is-Sur President kien stedinni biex inżur Franza u kien qalli hekk: “imma importanti li tiġi Marsilja!”  U hekk għamilt.  Irroddilkom ħajr talli smajtuni bil-paċenzja u għall-impenn tagħkom.  Ibqgħu mexjin bil-kuraġġ!  Kunu ­il-baħar tar-riżq biex taffrontaw il-faqar tal-lum b’sinerġija solidali; kunu port akkoljenti biex tħaddnu lil min ifittex futur aħjar; kunu fanal ta’ paċi  biex bis-saħħa ta’ kultura ta’ laqgħa tfendu t-trajja tal-abbissi mdallma tal-vjolenza u tal-gwerra.  Grazzi ħafna!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber