Laikos

 

TALBA FIL-GROTTA TA’ SAN PAWL

 

O Alla tal-ħniena,

fil-providenza tiegħek tal-għaġeb

inti ridt li l-Appostlu Pawlu

jxandar imħabbtek lin-nies ta’ Malta,

li kienu għadhom ma jafukx.

Hu ħabbrilhom il-kelma tiegħek

u fejjaq il-mard tagħhom.

 

Meħlusa mill-għarqa,

San Pawl u sħabu tal-vjaġġ

sabu jilqgħuhom hawnhekk

nies pagani ta’ qalb tajba,

li ġabu ruħhom magħhom

bi ħlewwa liema bħalha,

għax intebħu li kellhom bżonn

ta’ kenn, ta’ sigurtà u ta’ għajnuna.

Ħadd ma kien jaf isimhom,

mnejn ġejjin jew il-qagħda soċjali tagħhom;

kien jafu biss ħaġa waħda:

li dawn kellhom bżonn l-għajnuna.

 

Ma kienx hemm ħin għad-diskussjonijiet,

għall-ġudizzji, għall-analiżi jew il-kalkoli:

kien il-mument li jagħtu l-għajnuna;

ħallew dak li kienu qed jagħmlu

u hekk għamlu.

 

Qabbdu ħuġġieġa kbira,

biex jinxfu u jisħnu.

Laqgħuhom b’qalb miftuħa

u, flimkien ma’ Publiju,

l-ewwel fit-tmexxija u fil-ħniena,

sabulhom fejn joqogħdu.

 

Missier twajjeb,

agħtina l-grazzja ta’ qalb tajba

li tħabbat bl-imħabba għall-aħwa.

Għinna nagħrfu mill-bogħod il-ħtiġijiet

ta’ dawk li qed jissaraw qalb l-imwieġ tal-baħar,

mibżuqa fuq il-blat ta’ xatt li ma jafuhx.

Agħmel li l-ħniena tagħna

ma tintilifx fi kliem vojt,

imma tkebbes il-ħuġġieġa tal-akkoljenza,

li tnessi l-maltemp,

issaħħan il-qlub u tgħaqqadhom:

il-ħuġġieġa tad-dar mibnija fuq il-blat,

tal-familja waħda ta’ wliedek,

ilkoll aħwa.

Inti tħobbhom bla ma toqgħod tagħżel bejniethom

u trid li jsiru ħaġa waħda

ma’ Ibnek, Ġesù Kristu Sidna,

bil-qawwa tan-nar mibgħut mis-Sema,

l-Ispirtu Qaddis tiegħek,

li jaħraq kull mibegħda,

u matul il-lejl idawwal il-mixja tagħna

lejn is-saltna tiegħek ta’ mħabba u sliem.

. Amen.

 

TALBA FIL-BAŻILIKA TA’ SAN PAWL

 

O Alla, il-ħniena tiegħek hi bla tarf

u t-teżor tat-tjieba tiegħek qatt ma jintemm:

seddaq fit-tjieba l-fidi tal-poplu kkonsagrat tiegħek,

biex bl-għerf tiegħek ilkoll nifhmu

liema mħabba ħalqitna,

liema Demm fdiena,

liema Spirtu nissilna mill-ġdid.

Bi Kristu Sidna.

. Amen.