VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’MALTA

(2-3 TA’ APRIL 2022)

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA MINN MALTA

Titjira Papali

Il-Ħadd 3 ta’ April 2022

 

Matteo Bruni

Il-lejla t-tajba lil kulħadd. Santità, grazzi ta’ dawn il-jumejn li għaddejna miegħek. Kif stajt tara, fil-vjaġġ miegħek tul dawn il-jiem hawn xi 70 ġurnalist, li tlieta minnhom huma minn Malta; u nistgħu nibdew forsi proprju b’mistoqsija min-naħa ta’ ġurnalista Malti, li hu Andrea Rossitto mit-Televiżjoni Maltija. Imma, qabel ħa ngħid xi ħaġa: il-ħin hu verament pjuttost qasir, għax ftit ieħor l-ajruplan jibda nieżel. Allura għandna ċans nitkellmu mal-Qdusija Tiegħu sa xi t-8.05. Imbagħad ikun hemm bżonn tal-ħin għall-inżul u għar-ritratt mal-ekwipaġġ. Sadanittant, Santità, forsi trid tgħidilna xi ħaġa…

 

Il-Papa Franġisku

Jiddispjaċini li l-ħin hu hekk qasir għax l-inżul hu previst għat-8.15 u rridu nieħdu r-ritratti. Għalhekk, fit-8.05 ikollna nieqfu. Imma grazzi tal-kollaborazzjoni tagħkom.

 

Matteo Bruni

U lilek tad-disponibbiltà. F’idejk, Andrea.

 

Andrea Rossitto (TVM)

Santità, qabelxejn grazzi tal-preżenza tiegħek f’Malta. Il-mistoqsija tiegħi hi dwar is-sorpriża ta’ dalgħodu, fil-kappella fejn hemm midfun San Ġorġ Preca: x’ġagħlek tagħti din is-sorpriża lill-Maltin u x’se tibqa’ tiftakar minn din iż-żjara f’Malta? U mbagħad, saħħtek kif inhi? Rajniek f’dan il-vjaġġ hekk intens. Mort sew, ħa ngħidu hekk? Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku

Saħħti tħobb tagħmel xi ftit tal-kapriċċi, għax għandi din il-problema bi rkoppti li toħloqli problemi ta’ tbandil, jiena u miexi, iddejjaqni xi ftit, imma ġej għall-aħjar, tal-inqas nista’ nimxi. Ġimagħtejn ilu ma stajt nagħmel xejn. Tieħu ż-żmien; naraw terġax titfaċċa, imma jibqa’ d-dubju: ta’ din l-età ma nafux kif ħa tispiċċa l-partita, nittamaw li tmur sew.

 

U mbagħad dwar Malta. Inħossni kuntent biż-żjara, rajt ir-realtajiet ta’ Malta, l-entużjażmu tan-nies impressjonanti, kemm f’Għawdex u kemm f’Malta, il-Belt Valletta u l-lokalitajiet l-oħra. Entużjażmu kbir fit-toroq, bqajt imbellah. Kienet ftit qasira. Il-problema li rajt fil-każ tagħkom – waħda mill-problemi – hi l-migrazzjoni. Il-problema tal-migranti hi gravi għax kemm il-Greċja, Ċipru, Malta, l-Italja, Spanja, huma l-pajjiżi l-iżjed qrib tal-Afrika u l-Lvant Nofsani, u dawn jiżbarkaw hawn, jaslu hawn. Il-migranti dejjem għandna nilqgħuhom! Il-problema hi li kull gvern għandu jgħid kemm jista’ jilqa’ normalment biex jistgħu jgħixu hemm! Għalhekk hemm bżonn ta’ ftehim mal-pajjiżi tal-Ewropa, li mhux kollha huma lesti jilqgħu l-migranti. Ninsew li l-Ewropa nbniet mill-migranti, mhux veru? Imma l-affarijiet hekk qegħdin… Tal-inqas ma nħallux il-piż kollu fuq dawn il-pajjiżi tal-viċin, u Malta hi wieħed minnhom. Illum mort fiċ-ċentru tal-akkoljenza tal-migranti u l-affarijiet li smajt hemm huma tal-biża’: it-tbatija tagħhom biex jaslu hawn u mbagħad il-lager – għax dawn huma lager – li hemm fuq il-kosta tal-Libja, meta jibagħtuhom lura. Dan jidher li hu att kriminali. U għalhekk nemmen li din hi problema li tmiss il-qalb ta’ kulħadd. L-istess kif l-Ewropa b’tant ġenerożità qed tagħmel wisa’ għall-Ukreni li jħabbtu fuq biebha, hekk ukoll [għandha tagħmel] lill-oħrajn li jiġu mill-Mediterran. Dan huwa punt li bih għalaqt iż-żjara u messli ħafna qalbi, għax smajt it-testimonjanzi, it-tbatijiet, li huma xi ftit jew wisq dawk li – naħseb tkellimt fuqhom – jinsabu f’dak il-ktieb ċkejken li ħareġ, Hermanito, bl-Ispanjol, “Ħija ċkejken”, u l-via crucis kollha ta’ dawn in-nies. Wieħed minn dawk li tkellmu llum kellu jħallas erba’ darbiet. Nitlobkom taħsbuha, dwar dan. Grazzi.

 

Matteo Bruni

Grazzi lilek. It-tieni mistoqsija, Santità, ġejja minn Jordi Antelo Barcia, mir-Radio Nacional de España.

 

Jordi Antelo Barcia (RNE)

Il-lejla t-tajba, Santità. Qed naqra, għaliex it-Taljan tiegħi għadu mhux daqshekk tajjeb. Fit-titjira li wasslitna Malta, int għidt lil kollega tiegħi li vjaġġ f’Kiev hu “fuq il-mejda”, u f’Malta fakkart kemm-il darba fil-qrubija tiegħek lejn il-poplu Ukren. Il-Ġimgħa, f’Ruma, il-President Pollakk ħalla l-bieb miftuħ għal vjaġġ tiegħek lill-fruntiera Pollakka. Illum laqtuna r-ritratti li waslu minn Bucha, pajjiż qrib ta’ Kiev, abbandunat mill-armata Russa fejn l-Ukreni sabu għexieren ta’ katavri mormija fit-triq, xi wħud minnhom b’idejhom marbuta, bħallikieku kienu ġew “iġġustizzjati”. Donnu llum il-preżenza tiegħek f’dik iż-żona tista’ tkun dejjem iżjed meħtieġa. Taħseb li vjaġġ bħal dan hu fattibbli? U liema kundizzjonijiet iridu jigħataw biex int tista’ tmur hemm?

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi li qed tagħtini din l-aħbar tal-lum li kont għadni ma nafx biha. Il-gwerra dejjem hi kefrija, ħaġa diżumana u tmur kontra l-ispirtu uman, mhux ħa ngħid Nisrani, imma uman. Huwa l-ispirtu ta’ Kajjin. Jiena lest nagħmel kulma hu possibbli; u s-Santa Sede, fuq kollox il-parti diplomatika, il-Kardinal Parolin, Monsinjur Gallagher, qed jagħmlu minn kollox, minn kollox; ma nistgħux nippubblikaw kulma qed jagħmlu, bi prudenza, għar-riservatezza, imma qed nagħmlu l-ħidma kollha possibbli. Fost il-possibbiltajiet hemm il-vjaġġ. Hemm żewġ vjaġġi possibbli: wieħed talabhuli l-President tal-Polonja, biex nibgħat lill-Kardinal Krajewski jżur l-Ukreni li ġew milqugħa fil-Polonja. Hu diġà mar darbtejn, ħa żewġ ambulanzi miegħu, u baqa’ hemm magħhom, imma jagħmilha darb’oħra, lest jerġa’ jmur. Il-vjaġġ l-ieħor li talabni xi ħadd, iżjed minn wieħed: jien għidt b’sinċerità li kelli f’moħħi mmur, għidt li d-disponibbiltà dejjem hemm qiegħda, ma hemm ebda “le” minn qabel, jiena disponibbli.

 

X’naħseb jien dwar vjaġġ… Il-mistoqsija hekk kienet: “Smajna li int qed taħseb fi vjaġġ lejn l-Ukrajna”, u jiena għidt: “Qiegħed fuq il-mejda”, il-proġett, hemm qiegħed, bħala waħda mill-proposti li waslu, imma ma nafx kemm jista’ jsir jew le, jekk hux konvenjenti nagħmluh, jekk nagħmlu dan ikunx għall-aħjar, jekk hux sew li jsir u għandux isir, hemm dan kollu li rridu niżnu. Imbagħad, ili naħseb f’laqgħa mal-Patrijarka Kirill: qed naħdmu fuq dan, qed naħdmu u qed naħsbu li nagħmluh fil-Lvant Nofsani. Hekk qegħdin l-affarijiet bħalissa.

 

Matteo Bruni

Grazzi. U forsi naraw jekk għadx hemm ħin għal mistoqsija ta’ Gerry O’Connel, mill-America Magazine:

 

Gerry O’Connell (America Magazine)

Missier, int bosta drabi f’dan il-vjaġġ tkellimt fuq il-gwerra. Il-mistoqsija li kulħadd qed jagħmel hi jekk int mill-bidu tal-gwerra ’l hawn tkellimtx mal-President Putin, u jekk le, kieku x’tgħidlu, illum?

 

Il-Papa Franġisku

Dak li għidt lill-Awtoritajiet ta’ kull parti huwa ħaġa pubblika. Ebda waħda mill-affarijiet li għidt ma żammejtha għalija. Meta tkellimt mal-Patrijarka, imbagħad hu għamel dikjarazzjoni sabiħa ta’ dak li għidna. Il-President tar-Russja kellimtu fi tmiem is-sena meta ċempilli biex jawgurali, tkellimna. Imbagħad, lill-President tal-Ukrajna wkoll smajtu, darbtejn. U, fl-ewwel jum tal-gwerra, ħsibt li sew immur fl-Ambaxxata Russa biex nitkellem mal-Ambaxxatur, li hu r-rappreżentant tal-poplu, u nagħmel il-mistoqsijiet u nesprimi l-impressjonijiet tiegħi fuq il-każ. Dawn huma l-kuntatti uffiċjali li kelli. Mar-Russja dan għamiltu permezz tal-Ambaxxata. Barra dan, kellimt lill-Arċisqof Maġġuri ta’ Kiev, Monsinjur Shevchuk. Imbagħad kull jumejn jew tlieta, b’regolarità, smajt lil waħda minnkom, Elisabetta Piqué, li issa tinsab f’Odessa, imma l-aħħar li smajtha kienet Leapoli. Inkellimha u hi tgħidli kif qegħdin l-affarijiet. Tkellimt ukoll mar-Rettur tas-Seminarju hemm, b’messaġġ lis-seminaristi u lin-nies hemmhekk. Ninsab ukoll f’kuntatt ma’ rappreżentant tagħkom. U jiena u nitkellem fuq hekk nixtieq nagħtikom il-kondoljanzi għall-kollegi tagħkom li mietu. Huma minn fejn huma, ma jagħmilx differenza. Imma l-ħidma tagħkom hi għall-ġid komuni u dawn mietu fis-servizz tal-ġid komuni, tal-informazzjoni. Ma ninsewhomx. Kienu kuraġġjużi u jiena nitlob għalihom, biex il-Mulej jagħtihom il-premju tax-xogħol tagħhom. Dawn kienu l-kuntatti li kelli sa issa.

 

Gerry O’Connell

Imma xi jkun il-messaġġ tiegħek lill-President Putin, kieku stajt tkellmu?

 

Il-Papa Franġisku

Il-messaġġ li tajt lill-Awtoritajiet kollha hu dak li nagħmel pubblikament. Ma nitkellimx b’lingwaġġ doppju. Dejjem hu l-istess wieħed. Nemmen li taħt il-mistoqsija tiegħek hemm ukoll dubju dwar il-gwerer ġusti jew il-gwerer inġusti. Kull gwerra tinbet minn inġustizzja, dejjem. Għax hi l-iskema tal-gwerra, mhijiex l-iskema tal-paċi. Ngħidu aħna, nagħmlu l-investimenti biex nixtru l-armi. Jgħiduli: imma għandna bżonn biex niddefendu ruħna. U din hi l-iskema tal-gwerra. Meta ntemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, kulħadd ħa nifs u qal “qatt iżjed gwerra: il-paċi!”, u bdiet mewġa ta’ ħidma għall-paċi, anki bir-rieda tajba li ma jsirux armi, ebda armi, lanqas l-armi atomiċi, f’dak il-mument, wara Hiroshima u Nagasaki. Kienet rieda tajba ħafna.

 

Sebgħin sena wara, tmenin sena wara nsejnieh dan kollu. Hekk hu: l-iskema tal-gwerra qed terġa’ terfa’ rasha. Tant tamiet fix-xogħol kollu tal-Ġnus Magħquda, f’dak il-mument. Imma l-iskema tal-gwerra imponiet ruħha mill-ġdid. Aħna ma nistgħux u m’aħniex kapaċi naħsbu fi skema oħra, għax m’għadniex imdorrijin naħsbu bl-iskema tal-paċi. Kellna nies kbar: Gandhi u tant oħrajn, li jiena nsemmi lejn tmiem il-Fratelli tutti, li bnew fuq l-iskema tal-paċi. Imma aħna rasna iebsa! Aħna rasna iebsa bħala umanità. Aħna nnamrati mal-gwerer, mal-ispirtu ta’ Kajjin. Mhux ta’ b’xejn fil-bidu tal-Bibbja hemm din il-problema: l-ispirtu “Kajjinista” li noqtlu, flok l-ispirtu tal-paċi. “Dun, ma tistax!…”. Ħa ngħidilkom ħaġa personali: meta fl-2014 mort ir-Redipuglia u rajt l-ismijiet, bkejt. Veru, bkejt, bi swied ta’ qalb kbir. Sena jew tnejn wara, għall-Jum tal-Mejtin mort niċċelebra f’Anzio, u anki hemm rajt iż-żgħażagħ li mietu fl-iżbark ta’ Anzio: kien hemm l-ismijiet, kollha żgħażagħ. U hemm ukoll bkejt. Veru. Ma fhimtx. Hemm bżonn nibku fuq l-oqbra. Jiena nirrispetta, għax hemm problema politika, imma meta kien hemm it-tifkira tal-iżbark fin-Normandija, il-Kapijiet tal-Gvern inġabru biex ifakkruh; imma ma niftakarx li xi ħadd qatt tkellem fuq it-tletin elf suldat żagħżugħ li baqgħu hemm fuq ix-xtajta. Infetħu d-dgħajjes, ħarġu u sparaw fuqhom hemm, fuq ix-xtajta. Iż-żgħażagħ ma jimpurtax? Dan iġagħalni naħseb u jsewwidli qalbi. Jiena mnikket għal dan li qed jiġri llum. Ma nitgħallmux. Ħa jħenn għalina l-Mulej, ħa tiġih ħniena minna lkoll. Kollha aħna ħatja!

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Forsi bil-ħin aħna xi ftit magħfusin issa…

 

Il-Papa Franġisku

Nirringrazzjakom ħafna tal-ħidma tagħkom, tal-informazzjoni, grazzi ħafna! U nittama li nerġa’ narakom fi vjaġġ ieħor. Grazzi tal-paċenzja tagħkom, grazzi tal-informazzjoni tagħkom. U ejjew nimxu ’l quddiem. Grazzi! L-inżul it-tajjeb!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard