-     Ara l-video taċ-ċelebrazzjoni kollha ...

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’MALTA. 2-3 TA’ APRIL, 2022

ANGELUS

Il-Fosos tal-Furjana

Il-Ħadd, 3 ta’ April, 2022

 

Għeżież ħuti!

Inħossni grat għall-kliem li Mons Scicluna indirizzali f’isimkom.  Imma jien ngħid Grazzi lilkom!  Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lis-Sur President tar-Repubblika u lill-Awtoritajiet, lil ħuti l-Isqfijiet, lilkom għeżież saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa u liċ-ċittadini kollha u l-fidili ta’ Malta u Għawdex għall-għożża li biha lqajtuni.  Illejla, wara li nkun iltqajt ma’ diversi ħutna migranti, ikun sarli l-ħin biex nerġa’ lura lejn Ruma, imma se nieħu miegħi ħafna mumenti u kliem minn dal-ġranet.  Tant ġesti.  Fuq kollox se nżomm f’qalbi tant uċuħ u l-wiċċ imdawwal ta’ Malta!  Irrodd ħajr ukoll lil dawk li ħadmu għal diż-żjara; u rrid insellem minn qiegħ qalbi lill-aħwa ta’ konfessjonijiet insara u reliġjonijiet li ltqajt magħhom.  Ilkoll nitlobkom titolbu għalija; u jien nitlob għalikom.  Nitolbu għal xulxin!

F’dal-gżejjer s-sens tal-Poplu t’Alla jidħol fik man-nifs.  Ibqgħu mexjin hekk filwaqt li tiftakru li l-fidi titkattar fil-ferħ u tissaħħaħ fl-għotja.  Komplu insġu l-katina ta’ qdusija li wasslet tant Maltin jingħataw lil Alla u lill-oħrajn bl-entużjażmu.  Qed niftakar f’Dun Ġorġ Preca, li ġie kanonizzat ħmistax-il sena ilu.  U rrid fl-aħħar ngħid kelma liż-żgħażagħ, li huma l-ġejjieni tagħkom.  Għeżież ħbieb żgħażagħ, jien naqsam magħkom l-isbaħ ħaġa li hemm fil-ħajja.  Tafu liema hi?  Hi l-ferħ li wieħed jimpenja ruħu bla heda fl-imħabba, li tagħmilna ħielsa.  Imma dal-ferħ għandu isem: Ġesù.  Nawguralkom is-sbuħija li tinnamraw ma’ Ġesù, li hu Alla tal-ħniena – smajnieha llum fl-Evanġelju -, li jemmen fikom, joħlom magħkom, iħobb ħajjitkom u qatt mhu se jkunilkom ta’ delużjoni.  U biex tibqgħu dejjem mexjin ‘il quddiem ma’ Ġesù mal-familja wkoll, mal-poplu t’Alla, tinsewx għeruqkom.  Tkellmu max-xjuħ, tkellmu man-nanniet, tkellmu mal-anzjani!

Il-Mulej jimxi magħkom u l-Madonna tħariskom.  Issa se nitolbuha għall-paċi, aħna u niftakru fit-traġedju umanitarja tal-Ukrajna martirizzata, li għadha taħt il-bumbardament ta’ dil-gwerra sagrilega.  Ma ngħejjew qatt nitolbu u ngħinu lil min qed ibati.  Il-paċi magħkom.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber