DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KONVENJU ORGANIZZAT

MID-DIKASTERU GĦAL-LAJĊI, IL-FAMILA U L-ĦAJJA

Awla tas-Sinodu

Is-Sibt 18 ta’ Frar 2023

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Nirringrazzja lill-Kardinal Farrell u nsellem lilkom ilkoll, responsabbli għall-Kummissjonijiet episkopali għal-lajkat, flimkien mad-diriġenti ta’ għaqdiet u movimenti ekkleżjali, l-uffiċċjali tad-Dikasteru u dawk kollha preżenti.

 

Intom ġejtu mill-pajjiżi tagħkom biex tirriflettu fuq il-korresponsabbiltà – korresponsabbiltà – tar-ragħajja u tal-fidili lajċi fil-Knisja. It-titlu tal-Konvenju jitkellem fuq “sejħa” biex “nimxu flimkien”, u jqiegħed it-tema fil-kuntest usa’ tas-sinodalità. Fil-fatt, it-triq li Alla qed juri lill-Knisja hi sewwasew dik li tgħix b’mod iżjed intens u iżjed konkret il-komunjoni u l-mixja tagħha flimkien. Qed jistedinha tegħleb il-mod ta’ mġiba f’awtonomija jew il-binarji paralleli li ma jiltaqgħu qatt: il-kleru mifrud mil-lajċi, l-ikkonsagrati mifruda mill-kleru u mill-fidili, il-fidi intellettwali ta’ ċerti élites mifruda mill-fidi popolari, il-Kurja Rumana mifruda mill-Knejjes partikulari, l-isqfijiet mifruda mis-saċerdoti, iż-żgħażagħ mifruda mill-anzjani, il-miżżewġin u l-familji ftit li xejn involuti fil-ħajja tal-komunitajiet, il-movimenti kariżmatiċi mifruda mill-parroċċi, u l-bqija. Din hija l-iktar tentazzjoni gravi bħalissa. Għad fadlilna triq twila x’nimxu biex il-Knisja tgħix bħala ġisem, bħala Poplu veru, magħquda mill-fidi waħdanija fi Kristu l-Feddej, animata mill-istess Spirtu li jqaddisha u orjentata lejn l-istess missjoni li xxandar l-imħabba ħanina ta’ Alla l-Missier.

 

Dan l-aħħar aspett hu deċiżiv: Poplu mxierek mill-missjoni. Din hi l-intuwizzjoni li rridu dejjem inħarsu: il-Knisja hi l-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, kif tistqarr il-Lumen gentium fin-nri 8 u 12; mhux populiżmu u lanqas elitiżmu, imma hi l-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Din il-ħaġa ma nitgħallmuhiex mit-teorija, imma nifhmuha meta ngħixuha. Imbagħad wieħed ifisser kif jista’, imma jekk ma ngħixuhiex ma nkunux nafu nfissruha. Poplu mxierek fil-missjoni. Is-sinodalità ssib l-għajn u l-għan aħħari tagħha fil-missjoni: titwieled mill-missjoni u hi orjentata lejn il-missjoni. Ejjew naħsbu fl-ewwel żminijiet, meta Ġesù bagħat lill-Appostli u huma reġgħu lura ferħana, għax ix-xjaten kienu “jaħarbu quddiemhom”: kienet il-missjoni li ġabet dak is-sens ta’ ekkleżjalità. Fil-fatt, meta jaqsmu flimkien il-missjoni, dan iqarreb ragħajja u lajċi lejn xulxin, joħloq komunjoni ta’ fehmiet, juri l-kumplimentarjetà tad-diversi kariżmi, u allura jqanqal f’kulħadd ix-xewqa li nimxu flimkien. Dan narawh f’Ġesù nnifsu, li sa mill-bidu dawwar lilu nnifsu bi grupp ta’ dixxipli, irġiel u nisa, u għex magħhom il-ministeru pubbliku tiegħu. Imma qatt waħdu. U meta bagħat lit-Tnax iħabbru s-Saltna ta’ Alla, bagħathom “tnejn tnejn”. L-istess ħaġa narawha f’San Pawl, li dejjem evanġelizza flimkien ma’ kollaboraturi, anki lajċi u koppji miżżewġa. Mhux waħdu. U hekk ġara fil-mumenti ta’ tiġdid kbir u ta’ ħeġġa missjunarja fl-istorja tal-Knisja: ragħajja u fidili lajċi flimkien. Mhux individwi iżolati, imma Poplu li jevanġelizza, il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla!

 

Naf li tkellimtu wkoll fuq il-formazzjoni tal-lajċi, indispensabbli biex ngħixu l-korresponsabbiltà. Dwar dan ukoll nixtieq nisħaq li l-formazzjoni għandha tkun orjentata lejn il-missjoni, mhux biss lejn it-teoriji, inkella tispiċċa f’ideoloġiji. U din hi ħaġa terribbli, bħall-pesta: l-ideoloġija fil-Knisja hija bħal pesta. Biex nevitaw dan, il-formazzjoni għandha tkun orjentata lejn il-missjoni. Ma tridx tkun skolastika, limitata għal ideat teoretiċi, imma anki prattika. Hi titwieled mis-smigħ tal-Kerygma, titrejjaq bil-Kelma ta’ Alla u s-Sagramenti, tkabbar fid-dixxerniment, personali u komunitarju, tinvolvi minnufih fl-appostolat u f’bosta xejriet ta’ xhieda, xi drabi sempliċi, li jwassluna biex noqorbu lejn l-oħrajn. L-appostolat tal-lajċi hu qabelxejn xhieda! Xhieda tal-esperjenza tagħna, tal-istorja tagħna, xhieda tat-talb, xhieda tas-servizz lil min hu fil-bżonn, xhieda tal-qrubija lejn il-foqra, qrubija lejn min hu waħdu, xhieda tal-akkoljenza, fuq kollox min-naħa tal-familji. U hekk tissawwar il-missjoni: billi mmorru għandu l-oħrajn. Hija formazzjoni “fuq il-post”, u fl-istess waqt triq effikaċi għall-maturazzjoni spiritwali.

 

Sa mill-bidu jiena għidt li “noħlom Knisja missjunarja” (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 27; 32). “Noħlom Knisja missjunarja”. U tiġini f’moħħi hawn xbieha mill-Apokalissi, meta Ġesù jgħid: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd […] jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu” (Apok 3:20). Imma llum it-traġedja tal-Knisja hi li Ġesù qed ikompli jħabbat fuq il-bieb, imma minn ġewwa, biex inħalluh joħroġ! Kemm drabi nispiċċaw inkunu Knisja “priġuniera”, li lill-Mulej ma tħallihx joħroġ, li żżommu bħala “ħaġa tagħha”, meta l-Mulej ġie għall-missjoni u jridna missjunarji.

 

Dan ix-xefaq jagħtina ċ-ċavetta t-tajba biex naqraw it-tema tal-korresponsabbiltà tal-lajċi fil-Knisja. Fil-fatt, l-esiġenza li nivvalorizzaw il-lajċi ma tiddependix minn xi novità teoloġika, u lanqas minn esiġenzi funzjonali minħabba li qed jonqsu s-saċerdoti; wisq inqas tinbet mill-fatt li xi kategorija trid l-importanza tagħha, biex bħallikieku nagħtu xi “rebħa lura” lil min fl-imgħoddi ġie mwarrab għall-ġenb. Pjuttost hi msejsa fuq viżjoni korretta tal-Knisja: il-Knisja bħala Poplu ta’ Alla, li fih il-lajċi b’jedd huma parti sħiħa flimkien mal-ministri ordnati. Mela l-ministri ordnati mhumiex is-sidien, imma huma l-qaddejja: ir-ragħajja, mhux is-sidien.

 

Dan ifisser li rridu nirkupraw “ekkleżjoloġija integrali”, kif kien fl-ewwel sekli, fejn kollox jiġi magħqud mill-appartenenza għal Kristu u mill-komunjoni sopranaturali miegħu u ma’ ħutna, waqt li negħlbu viżjoni soċjoloġika li tagħżel bejn klassi jew livell soċjali u ieħor u li fil-verità hi msejsa fuq il-“poter” mogħti lil kull kategorija. L-enfasi trid tkun fuq l-għaqda u mhux fuq il-firda, id-distinzjoni. Il-lajk, iktar milli “non-kjeriku” jew “non-reliġjuż”, għandu jitqies bħala mgħammed, bħala membru tal-Poplu qaddis ta’ Alla, li hu s-sagrament li jiftaħ il-bibien kollha. Fit-Testment il-Ġdid ma tidhirx il-kelma “lajk”, imma nisimgħu dwar “dawk li jemmnu”, dwar “dixxipli”, dwar “aħwa”, dwar “qaddisin”, termini applikati għal kulħadd: fidili lajċi u ministri ordnati, il-Poplu ta’ Alla li miexi.

 

F’dan il-Poplu wieħed ta’ Alla, li hija l-Knisja, l-element fundamentali hu l-appartenenza għal Kristu. Fir-rakkonti mqanqla tal-Atti tal-martri tal-ewwel sekli, spiss insibu stqarrija sempliċi tal-fidi: “Jiena Nisrani”, kienu jgħidu, “u għalhekk ma nistax noffri sagrifiċċji lill-idoli”. Jgħidha, ngħidu aħna, Polikarpu, isqof ta’ Żmirna;[1] jgħiduha Ġustinu u sħabu martri, lajċi.[2] Dawn il-martri ma jgħidux “jiena isqof” jew “jiena lajk” – “jiena tal-Azzjoni Kattolika, jien minn dik il-Kongregazzjoni Marjana, jiena Fokolarin”. Le, jgħidu biss “jiena Nisrani”. Illum ukoll, f’dinja li qed issir dejjem iżjed sekularizzata, dak li tassew jagħżilna bħala Poplu ta’ Alla hija l-fidi fi Kristu, mhux l-istat tal-ħajja fih innifsu. Aħna mgħammdin, Insara, dixxipli ta’ Ġesù. Il-bqija kollu hu sekondarju. “Imma Dun, anki qassis?” – “Iva, hu sekondarju” – “Anki isqof?” – “Iva, hu sekondarju” – “Anki Kardinal?” – “Hu sekondarju”.

 

L-appartenenza komuni tagħna għal Kristu tagħmilna lkoll aħwa. Il-Konċilju Vatikan II jistqarr: “Bħalma l-lajċi, b’kondixxenza ta’ Alla, għandhom lil Kristu bħala ħuhom, […] hekk ukoll huma għandhom bħala aħwa lil dawk li huma mqegħdin fil-ministeru mqaddes li […] jmexxu bl-awtorità ta’ Kristu l-familja ta’ Alla u jirgħuha” (Kostituzzjoni Lumen gentium, 32). Aħwa ta’ Kristu u aħwa tas-saċerdoti, aħwa ta’ kulħadd.

 

U f’din il-viżjoni unitarja tal-Knisja, fejn aħna qabelxejn Insara mgħammdin, il-lajċi jgħixu fid-dinja u fl-istess waqt jagħmlu parti mill-Poplu fidil ta’ Alla. Id-Dokument ta’ Puebla nqeda b’espressjoni sabiħa biex jesprimi dan: il-lajċi huma rġiel u nisa “tal-Knisja fil-qalba tad-dinja” u rġiel u nisa “tad-dinja fil-qalba tal-Knisja”.[3] Huwa minnu li l-lajċi huma msejħin biex jgħixu qabelxejn il-missjoni tagħhom fir-realtajiet sekulari li fihom huma mgħaddsa ta’ kuljum, imma dan ma jeskludix li jkollhom ukoll il-ħiliet, il-kariżmi u l-kompetenzi biex jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-Knisja: fl-animazzjoni liturġika, fil-katekeżi, fil-formazzjoni, fl-istrutturi tat-tmexxija, fl-amministrazzjoni tal-ġid, fil-programmazzjoni u t-twettiq tal-programmi pastorali, u l-bqija. Għalhekk ir-ragħajja għandhom jiġu ffurmati, sa minn ġos-seminarju, għal kollaborazzjoni ta’ kuljum u ordinarja mal-lajċi, biex hekk il-ħajja f’komunjoni ssir għalihom mod naturali ta’ mġiba, u mhux xi fatt straordinarju u okkażjonali. Waħda mill-iktar affarijiet koroh li jista’ jiġrilu ragħaj hu li jinsa l-Poplu li minnu ġej, in-nuqqas ta’ memorja. Lilu tista’ tiġi indirizzata dik il-kelma tant imtennija fil-Bibbja: “Ftakar”; “ftakar mnejn ġejt meħud, mill-merħla li minnha ġejt magħżul biex terġa’ lura taqdiha, ftakar fl-għeruq tiegħek” (ara 2 Tim 1).

 

Din il-korresponsabbiltà bejn lajċi u ragħajja tgħinna negħlbu d-dikotomiji, il-biżgħat u s-suspetti reċiproċi. Waslet is-siegħa li ragħajja u lajċi jimxu flimkien, f’kull qasam tal-ħajja tal-Knisja, f’kull parti tad-dinja! Il-fidili lajċi mhumiex “il-mistednin” fil-Knisja, imma jinsabu f’darhom, għalhekk huma msejħin jieħdu ħsieb ta’ darhom. Il-lajċi, u fuq kollox in-nisa, għandhom jingħataw valur ikbar fil-kompetenzi tagħhom u fid-doni umani u spiritwali tagħhom għall-ħajja tal-parroċċi u tad-djoċesijiet. Bil-lingwaġġ tagħhom “ta’ kuljum”, jistgħu jwasslu l-aħbar tal-Vanġelu, iħabirku f’divrsi xejriet ta’ predikazzjoni. Jistgħu jikkollaboraw mas-saċerdoti biex jiffurmaw it-tfal u ż-żgħażagħ, biex jgħinu lill-għarajjes fit-tħejjija għaż-żwieġ u biex isieħbu lill-miżżewġin fil-ħajja konjugali u familjari. Dejjem għandhom jiġu kkonsultati fit-tħejjija ta’ inizjattivi pastorali ġodda fuq kull livell, lokali, nazzjonali u universali. Għandu jkollhom vuċi fil-kunsilli pastorali tal-Knejjes partikulari. Għandhom ikunu preżenti fl-uffiċċji tad-Djoċesijiet. Jistgħu jgħinu fl-akkumpanjament spiritwali ta’ lajċi oħra u jagħtu sehemhom anki fil-formazzjoni tas-seminaristi u tar-reliġjużi. Darba staqsewni: “Dun, lajk jista’ jkun direttur spiritwali?”. Din hi kariżma lajkali! Jista’ jkun qassis, imma l-kariżma mhijiex presbiterali; l-akkumpanjament spiritwali, jekk il-Mulej jagħtik il-kapaċità spiritwali li tagħmlu, hu kariżma lajkali. U, flimkien mar-ragħajja, għandhom iwasslu x-xhieda Nisranija fl-ambjenti sekulari: id-dinja tax-xogħol, tal-kultura, tal-politika, tal-arti, tal-komunikazzjoni soċjali.

 

Nistgħu ngħidu: lajċi u ragħajja flimkien fil-Knisja, lajċi u ragħajja flimkien fid-dinja.

 

Jiġuni f’moħħi l-aħħar paġni tal-ktieb tal-Kardinal de Lubac, Méditation sur l’Église, fejn, biex jesprimi liema hi l-ikreh ħaġa li tista’ tiġrilha l-Knisja, jgħid li l-mondanità spiritwali, li tittraduċi ruħha fi klerikaliżmu, “tkun bil-wisq iktar diżastruża minn kull mondanità sempliċiment morali”. Jekk ikollkom ħin, aqrawhom dawn l-aħħar tliet jew erba’ paġni tal-Méditation sur lÉglise ta’ de Lubac. Jagħtina x’nifhmu, u jikkwota wkoll awturi oħra, li l-klerikaliżmu hu l-iktar ħaġa kerha li tista’ tiġrilha l-Knisja, agħar ukoll miż-żminijiet tal-Papiet li kellhom il-konkubini. Il-klerikaliżmu rridu “nkeċċuh”. Qassis jew isqof li jaqgħu f’dan l-atteġġjament, lill-Knisja jagħmlulha ħafna ħsara. Imma din hi marda li tittieħed: terġa’, agħar minn qassis jew mill-isqof li jaqgħu fil-klerikaliżmu, huma l-lajċi klerikalizzati: nitlobkom, dawn huma pesta fil-Knisja. Il-lajk ħa jkun lajk!

 

L-aktar għeżież, b’dawn il-ftit punti xtaqt nindika ideal, ispirazzjoni li tista’ tgħinna fil-mixja tagħna. Nixtieq li aħna lkoll ikollna f’qalbna u f’moħħna din il-viżjoni sabiħa tal-Knisja: Knisja miftuħa għall-missjoni u fejn il-forzi jingħaqdu flimkien u nimxu ma’ xulxin biex nevanġelizzaw; Knisja fejn dak li jorbotna hu l-fatt li aħna Nsara mgħammdin, li aħna ta’ Ġesù; Knisja fejn bejn lajċi u ragħajja ngħixu fraternità vera, naħdmu ta’ kuljum minkeb ma’ minkeb, f’kull qasam tal-pastorali, għax kulħadd huwa mgħammed.

 

Inħeġġeġikom biex fil-Knejjes tagħkom tippromovu dak li rċivejtu f’dawn il-jiem, biex inkomplu flimkien it-tiġdid tal-Knisja u l-konverżjoni missjunarja tagħha. Minn qalbi nberikkom ilkoll, lilkom u lill-għeżież tagħkom, u jekk jogħġobkom itolbu għalija. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Ewsebju ta’ ĊesarijaStorja ekkleżjastika, IV, 15,1-43.

[2] Ara Atti tal-martirju tal-qaddisin Ġustinu u sħabu, kap. 1-5; PG 6, 1366-1371.

[3] It-III Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika LatinaDokument finali, Puebla 1979, n. 786.