VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FIR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO U S-SUDAN T’ISFEL
(PELLEGRINAĠĠ EKUMENIKU TAL-PAĊI FIS-SUDAN T’ISFEL)
[31 ta’ Jannar - 5 ta’ Frar 2023]

LAQGĦA MAR-RAPPREŻENTANTI TA’ DIVERSI OPRI TA’ KARITÀ 

DISKORS TAL-PAPA

Nunzjatura Appostolika (Kinshasa)
L-Erbgħa, l-1 ta’ Frar 2023

Għeżież ħuti,

Insellimkom b’affezzjoni u nirringrazzjakom tal-kant, tax-xhieda u dak kollu li għidtuli, imma fuq kollox ta’ dak kollu li qegħdin tagħmlu! F’dan il-pajjiż, fejn il-ħoss tal-vjolenza jinstema’ daqs il-ħoss ta’ siġra mqaċċta li taqa’, intom dik il-foresta li qed tikber kuljum fis-skiet u li tagħmel l-arja aħjar, u tagħtik in-nifs. Żgur li s-siġra li taqa’ tagħmel aktar storbju, imma Alla jħobb u jikkultiva l-ġenerożità li tikber u tagħti l-frott mingħajr ħoss, u jħares bil-ferħ lejn dawk li jaqdu lil min hu fil-bżonn. Dan hu l-mod kif jikber it-tajjeb, fis-sempliċità tal-idejn u l-qlub miftuħa lejn l-oħrajn, bil-kuraġġ li wieħed jagħmel passi żgħar biex jersaq lejn l-iżjed fqar u vulnerabbli f’isem Ġesù. Dak il-qawl li kkwotat Ċeċilia huwa tassew minnu: “Vjaġġ ta’ elf mil jibda bl-ewwel pass”.

Laqtitni ħaġa partikulari: intom ma għamiltulix xi lista ta’ problemi soċjali u lanqas ma mlejtuni b’ħafna statistika fuq il-faqar, imma, u din hija l-iktar importanti, intom tkellimtu b’imħabba lejn il-fqar. Tkellimtu dwarkom u dwar nies li ma kontux tafu qabel, u li issa saru familjari għalikom: persuni li għandhom isem u wiċċ. Ninsab grat lejkom li intom għandkom il-ħila li taraw lil Ġesù f’ħutu ż-żgħar. Il-Mulej għandna  nfittxuh u nħobbuh fil-fqar, u, bħala nsara, irridu noqogħdu attenti li ma nagħtuhomx dahrna. Ikun hemm xi ħaġa ħażina jekk min jemmen iżomm ruħu ʼl bogħod minn dawk li jħobb Kristu.

Filwaqt li llum ħafna qed jiskartaw lill-fqar, intom tħaddnuhom magħkom; filwaqt li d-dinja tisfruttahom, intom tqawwuwlhom qalbhom. Il-kuraġġ versu l-isfruttament: hawnhekk hawn foresta li qed tikber, avolja d-deforestazzjoni u l-iskart qed jiżdiedu bil-kbir! Jiena nixtieq nagħti leħen u nwassal dak li qed tagħmlu intom, biex jiżdied it-tkabbir u t-tama fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u f’dan il-Kontinent. Ġejt hawn bix-xewqa li nagħti vuċi lil min hu bla vuċi. Kemm nixtieq li l-midja tagħti aktar spazju lil dan il-pajjiż u lill-Afrika kollha kemm hi! Mhux li kien li l-popli, il-kulturi, it-tbatijiet u t-tamiet ta’ dan il-Kontinent żagħżugħ tal-futur, ikunu iktar magħrufin! Għad jiskopru talenti u stejjer tal-għaġeb ta’ nies u insara kbar, li ġejjin minn ambjent b’saħħtu, immarkat bir-rispett lejn iċ-ċkejknin, lejn l-anzjani u lejn il-ħolqien.

Hija ħaġa sabiħa li jiena qed nagħtikom leħen hawnhekk fin-Nunzjatura, għax ir-Rappreżentanzi tal-Papa, id-“djar tal-Papa” mifruxa mad-dinja kollha, huma u għandhom ikunu promuturi tal-iżvilupp uman, ċentri ta’ karità, minn ta’ quddiem fid-diplomazija tal-ħniena bl-isforzi li jsiru biex jiffaċilitaw għajnuna konkreta u biex jippromwovu ħidma ta’ koperazzjoni. Dan diġà qed jiġri, mingħajr daqq ta’ trombi, f’ħafna partijiet tad-dinja bħalma ġara hawnhekk. Din id-dar ilha preżenza qrib in-nies għal għexieren ta’ snin: inawgurata disgħin sena ilu bħala Delegazzjoni Appostolika, u fi ftit jiem se tagħlaq is-sittin anniversarju minn meta tgħolliet għal-livell ta’ Nunzjatura.

Ħuti, intom tħobbu lil dan il-pajjiż u ddedikajtu ruħkom għall-poplu tiegħu. Dak li qed tagħmlu hu sabiħ ħafna, imma bl-ebda mod mhu faċli. Tibki meta tisma’ stejjer bħal dawk li għidtuli, ta’ nies li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom minħabba l-  indifferenza ġenerali. Dawn jispiċċaw ikollhom jgħixu fit-triq, esposti għar-riskju ta’ vjolenza fiżika u abbuż sesswali, jew jiġu akkużati li huma sħaħar, filwaqt li l-unika bżonn li għandhom hija l-mħabba u l-kura. Laqatni dak li għedtilna, Tekadio, li minħabba l-lebbra, inti għadek sal-lum, fl-2023, tħossok “diskriminat, iħarsu lejk b’disprezz u umiljat”, filwaqt li n-nies, bejn għax jistħu u bejn għax ma jifhmux u bejn għax jibżgħu, tarahom jiddisinfettaw fejn ikun waqa’ mqar d-dell tiegħek. Il-faqar u r-rifjut joffendu lill-bniedem, jisiqrulu d-dinjità tiegħu. Huma bħall-irmied li jitfi n-nar li jkun hemm ġo fih. Iva, kull persuna, maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, tiddi b’nar qawwi, imma l-imħabba biss tista’ tneħħi l-irmied li qed jgħattiha. Huwa biss meta tagħti lura d-dinjità, li tkun qed tagħti lura l-umanità! Tnikkitt meta smajt li hawn ukoll, bħal f’ħafna bnadi oħra tad-dinja, it-tfal u l-anzjani huma mwarrbin, skartati. Minbarra li huwa skandaluż, dan jagħmel ħsara lis-soċjetà kollha, li hija mibnija fuq il-kura li tagħti lill-anzjani u lit-tfal, li huma l-għeruq u l-ġejjieni. Ejjew ma ninsewx: ma jistax ikun hemm żvilupp tassew uman meta la hemm memorja u lanqas ġejjieni. Il-memorja, li tinżamm ħajja mill-anzjani, u l-ġejjieni li hu f’idejn iż-żgħażagħ.

Ħuti, illum nixtieq naqsam magħkom u permezz tagħkom, mal-ħafna nies tajbin f’dan il-pajjiż kbir, żewġ mistoqsijiet. L-ewwel: huwa ta’ min jimpenja ruħu quddiem baħar ta’ ħtiġijiet li dejjem jiżdiedu b’mod drammatiku? Mhux għalxejn dan li qed tagħmlu, barra li ħafna drabi tħossukom taqtgħu qalbkom? Dak li qalet Suor Maria Celeste jgħinna: “Minkejja ċ-ċokon tagħna, il-Mulej imsallab jixtieqna li nkunu miegħu, li nkunu maġenbu biex ngħinuh fit-traġedji li hawn fid-dinja”. Huwa minnu, il-karità tpoġġina tant qrib Alla, u Hu jissorprendina bl-għeġubijiet mhux mistennija li jseħħu permezz ta’ nies li jafu jħobbu. L-istejjer tagħkom huma mimlijin bi ġrajjiet tal-għaġeb, li tafhom biss il-qalb ta’ Alla, ġrajjiet li huma impossibbli li jsiru biss bis-saħħa tal-bniedem. Naħseb f’dak li għedtilna, Pierre, meta għidt għidt li fid-deżert tan-nuqqas ta’ ħila tiegħek u tal-indifferenza, quddiem baħar ta’ dwejjaq, inti flimkien ma’ sħabek skoprejt li Alla ma nsiekx, għax bagħatlek nies li ma tawkx daharom,  meta kienu qed jaqsmu t-triq fejn kontu intom. B’hekk, inti f’wiċċhom stajt tara l-wiċċ ta’ Ġesù, u issa inti trid tagħmel l-istess mal-oħrajn. Hekk isir it-tajjeb, jittieħed, mintix se twaqqfu bir-rassenjazzjoni jew bl-istatistika, imma jistedinna nagħtu lil ħaddieħor dak li nkunu rċevejna aħna b’xejn. Nirċievu u nagħtu. Hemm bżonn li ż-żgħażagħ fuq kollox jaraw dan: uċuħ li jegħlbu l-indifferenza billi jħarsu lejn in-nies f’għajnejhom, idejn li ma jiħdux l-armi u ma jabbużawx mill-flus, imma jersqu lejn dawk li qegħdin mal-art u jerfgħuhom lura għad-dinjità tagħhom, għad-dinjità ta’ wlied Alla. Hemm każ wieħed biss li inti tista’ tħares ʼl isfel lejn persuna: biex tgħinha tqum. Mill-bqija qatt m’għandek tħares ʼl isfel lejn persuna.

Għalhekk ta’ min jagħmel din il-ħidma! Huwa sinjal sabiħ li l-Awtoritajiet, permezz tal-ftehim riċenti mal-Konferenza Episkopali, għarfu u taw valur lill-ħidma ta’ dawk li huma involuti fl-oqsma soċjali u tal-karità. Dan żgur ma jfissirx li l-kura ta’ dawk l-aktar dgħajfa, kif ukoll l-impenn għas-saħħa u l-edukazzjoni, jistgħu jiġu delegati b’mod sistematiku lill-volontarjat. Dawn huwa xogħol dawk li jiggvernaw, għax dawn iridu jiżguraw li jkun hemm servizzi bażiċi wkoll lill-dawk li jgħixu ʼl bogħod minn ċentri urbani kbar. Fl-istess waqt, dawk li jemmnu fi Kristu m’għandhom qatt itebbgħu x-xhieda ta’ mħabba, li hija x-xhieda għal Alla, billi jfittxu privileġġi, prestiġju, jew li jħobbu jidhru jew li jħobbu l-poter. Din hija xi ħaġa ħażina, li qatt ma għandna nagħmlu! Le, il-mezzi, ir-riżorsi u r-riżultati tajbin huma biex jintużaw għall-fqar, u min jieħu ħsiebhom huwa dejjem imsejjaħ biex jiftakar li l-poter huwa servizz u li l-karità ma twassalniex biex noqogħdu b’idejna fuq żaqqna, imma titlob minna urġenza u konkretezza. F’dan is-sens, fost il-ħafna affarijiet li għandna nagħmlu, nixtieq insemmi sfida li tmiss lil kulħadd u mhux lil dan il-pajjiż biss. Dak li jikkawża l-faqar mhuwiex tant in-nuqqas ta’ affarijiet u opportunitajiet, iżda t-tqassim inugwali tagħhom. Dawk li huma għonja, speċjalment jekk huma insara, huma mitluba jaqsmu dak li għandhom ma’ dawk li m’għandhomx il-ħtiġijiet meħtieġa, speċjalment jekk ikunu mill-istess pajjiż. Mhijiex kwistjoni ta’ tjubija, imma ta’ ġustizzja. Mhix filantropija, imma fidi; għax, kif tgħid l-Iskrittura, “il-fidi mingħajr opri hi mejta” (Ġak 2:26).

Dan iwassalna għat-tieni mistoqsija preċiżament dwar id-dmir u l-urġenza li nagħmlu t-tajjeb: Kif se nagħmlu dan? Kif nagħmlu karità? Liema kriterji għandna nużaw? Hawnhekk nixtieq noffrielkom tliet punti sempliċi. Dawn huma aspetti li l-istituzzjonijiet tal-karità li joperaw hawn diġà jafu, iżda li tajjeb li niftakruhom, għax li taqdi lil Ġesù fil-fqar hija xhieda li qed tagħti dejjem iktar frott.

Fuq kollox, il-karità titlob li wieħed jagħti l-eżempju. Fil-fatt, il-karità mhix sempliċiment xi ħaġa li nagħmlu, imma hija espressjoni ta’ dak li aħna. Hija stil ta’ ħajja, huwa mod kif tgħix il-Vanġelu. Għalhekk hemm bżonn ta’ kredibbiltà u trasparenza: qed naħseb fl-amministrazzjoni finanzjarja u amministrattiva tal-proġetti, iżda wkoll fl-impenn li noffru servizzi adegwati u kwalifikati. Dan hu proprju l-ispirtu li jikkaratterizza tant xogħlijiet ekkleżjali li minnhom jibbenefika dan il-pajjiż u li mmarkaw l-istorja tiegħu. Jalla dejjem nagħtu eżempju tajjeb!

It-tieni punt huwa li nħarsu fil-bogħod, jiġifieri li nkunu nafu kif inħarsu ʼl quddiem. Huwa essenzjali li inizjattivi u xogħlijiet tajbin, minbarra li jwieġbu għall-ħtiġijiet immedjati, ikunu sostenibbli u dejjiema. Mhux sempliċiment biex ngħinu, imma li dak li jsir ikun mibni b’mod li fil-fatt jista’ jsir, u jsir bi pjan fit-tul, biex dawn l-inizjattivi jdumu maż-żmien u ma jispiċċawx ma’ min ikun bdiehom. F'dan il-pajjiż, per eżempju, il-ħamrija hija fertili ħafna, u produttiva wkoll; il-ġenerożità ta’ min jgħinkom ma jistax jonqos li juża din il-karatteristika u hekk jgħin l-iżvilupp tan-nies li jgħixu hawn, jgħallimhom jaħdmu l-art, u hekk jagħtu ħajja lil proġetti ta’ żvilupp biex hekk il-futur ikun f’idejkom. Minflok jagħtukom oġġetti li jkollkom bżonn, ikun aħjar li jgħallmukom u jagħtukom l-għodda biex tiżviluppaw b’mod awtonomu u sostenibbli. F’dan ir-rigward, qed naħseb ukoll fil-kontribut siewi li toffrielkom il-kura tas-saħħa Kattolika, li f’dan il-pajjiż, bħal f’ħafna oħrajn fid-dinja, tagħti serħan il-moħħ u tama lill-poplu, tgħin lil min ikun qed ibati bi spirtu ta’ ġenerożità u b’mod kompetenti, u dejjem ifittxu, kif inhu xieraq, li jgħinu lill-oħrajn b’mezzi moderni u xierqa.

Nagħtu eżempju, inħarsu fil-bogħod u fl-aħħarnett – ​​it-tielet element – ​​konnessjoni. Ħuti, jeħtieġ li jkun hemm “ħolqa”, netwerk, mhux biss virtwali iżda b’mod konkret.  Dan narawh ċar f’dan il-pajjiż fis-sinfonija tal-ħajja li nsibu fil-foresta l-kbira u l-veġetazzjoni varjata tagħha. Konnessjoni: naħdmu dejjem aktar flimkien, inkunu f’sinerġija kontinwa ma’ xulxin, f’komunjoni mal-Knejjes lokali u mat-territorju. Konnessjoni: kull wieħed bil-kariżma tiegħu iżda magħqudin flimkien, naqsmu bejnietna dak li jinkwetana, il-prijoritajiet, il-ħtiġijiet, mingħajr ma ningħaqlu fina nfusna u nkunu moħħna biss fina nfusna. Għandna nkunu lesti biex jingħaqdu ma’ komunitajiet insara oħra u reliġjonijiet oħra, u l-ħafna organizzazzjonijiet umanitarji preżenti. Kollox għall-ġid tal-fqar. Konnessjoni ma’ kulħadd.

Għeżież ħuti, inħallilkom dawn il-ħsibijiet u nirringrazzjakom ta’ dak kollu li llum ħallejtuli f’qalbi. Iva, grazzi ħafna għax missejtuli qalbi. Intom teżor kbir. Inberikkom u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex tkomplu titolbu għalija, għax għandi bżonn. Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes