VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIGĦU FRANĠISKU
fir-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-CONGO U S-SUDAN T’ISFEL
(Pellegrina
ġġ Ekumeniku ta’ Paċi fis-Sudan t’Isfel)
[31 ta’ Jannar – 5 ta’ Frar, 2023]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Ġnien tal-"Palazz tan-Nazzjon" (Kinshasa)
It-Tlieta, 31 ta’ Jannar, 2023

Sur President tar-Repubblika,
illustri Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
distint
i Awtoritajiet reliġjużi u ċivili,
insi
nji Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tad-dinja tal-kultura,
Sinjuri!

Insellem lilkom minn qalbi u bi gratitudni lis-Sur President għall-kliem li indirizzali.  Jien ferħan li ninsab hawn, f’din l-art tant sabiħa, enormi, lussuża, li fit-tramuntana tħaddan il-foresta ekwatorjali, fiċ-ċentru u lejn in-nofsinhar meddiet imsaġġra, lejn il-lvant għoljiet, muntanji, vulkani u għadajjar, lejn il-punent ilmijiet abbundanti bix-Xmara Congo li tiltaqa’ mal-oċejan.  F’pajjiżkom, li qiesu kontinent fil-kontinent kbir tal-Afrika, donnu li l-art kollha tieħu n-nifs.  Imma jekk il-ġjografija ta’ dal-pulmun iħaddar hi tant għanja u varjata, l-istorja ma kinitx ġeneruża bl-istess mod: itturmentata bi-gwerra, ir-Repubblika Demokratika tal-Congo għadha ssofri fil-limiti tal-konfini tagħha, kunflitti u migrazzjonijiet forzati, u għadha ssofri modi ta’ sfruttament terribbli, li ma jixirqux lill-bniedem u l-ħolqien.  Dal-pajjiż enormi u mimli ħajja, din id-djaframma tal-Afrika, milqut mill-vjolenza qiesha daqqa ta’ ponn ġol-istonku, donnu ilu jidher b’nifsu maqtugħ għal żmien.  Sur President, inti semmejt dal-ġenoċidju minsi li qed jifleġ lir-Repubblika tal-Congo.

U filwaqt li intom in-nies tal-Congo titqabdu biex tħarsu d-dinjità tagħkom u l-integrità tagħkom kontra kull attentat biex jaqsam il-pajjiż, jien ġejt għandkom, f’isem Ġesù, bħala pellegrin ta’ rikonċiljazzjoni u paċi.  Kont tant mixtieq li niġi hawn u fl-aħħar wasalt biex inwasslilkom il-qrubija tiegħi, l-għożża u l-faraġ tal-Knisja kollha, u biex nitgħallem mill-eżempju tagħkom ta’ paċenzja, kuraġġ u sarâr.

Nixtieq inkellimkom permezz ta’ xbieha, li tirrifletti tajjeb is-sbuħija luminuża ta’ din l-art: id-djamant.  Għeżież nisa u rġiel tal-Congo, pajjiżkom hu verament djamant tal-ħolqien; iżda intom, ilkoll, intom infinitament aktar prezzjużi minn kull għana li tagħti din l-art għammiela!  Ninsab hawn biex inħaddankom u nfakkarkom li għandkom valur li mhemmx prezzu, li l-Knisja u l-Papa għandhom fiduċja fikom, jemmnu fil-ġejjieni tagħkom, ġejjieni li jinsab f’idejkom u li fih intom jistħoqqilkom titfgħu it-talenti tal-intelliġenza tagħkom, id-dehen u l-bżulija.  Kuraġġ, ħija, oħti, tal-Congo!  Erġa’ għolli rasek,h u f’idejk qiesu djamant mill-aktar safi, dak li int, id-dinjità tiegħek, il-vokazzjoni tiegħek biex tħares id-dar fejn tgħammar bl-armonija u l-paċi.  Erġa’ ibda għejx l-ispirtu tal-innu nazzjonali, billi toħlom u tqiegħed fis-seħħ il-kliem tiegħu: “Bis-saħħa ta’ xogħol iebes, nibnu pajjiż isbaħ minn qabel; fil-paċi”.

Għeżież ħbieb, hawnhekk hawn abbundanza ta’ djamanti li f’postijiet oħra huma ftit jew wisq rari.  Jekk dan jgħodd għar-rikkezzi materjali, jiswa ferm aktar għal dawk spiritwali magħluqin fil-qlub.  U propju ibda mill-qlub, li għadhom possibbli l-paċi u l-iżvilupp għax bl-għajnuna t’Alla, il-bnedmin għandhom ħila jkunu ġusti u jaħfru, jgħixu fl-armonija u jġibu r-rikonċiljazzjoni, jimpenjaw ruħhom u jipperseveraw biex iqiegħdu t-talenti li rċevew fil-ġejjieni tagħhom.  Sa mill-bidu tal-vjaġġ tiegħi għalhekk, nixtieq nagħmel appell: kull persuna tal-Congo għandha tħoss is-sejħa biex tagħti sehemha!  Il-vjolenza u l-mibgħeda m’għandhomx isibu kenn fil-qlub u f’fomm ħadd, għax huma sentimenti antiumani u antikristjani, li jipparalizzaw l-iżvilupp u jreġġgħu lura lejn imgħoddi mdallam.

A propożitu ta’ żvilupp staġnat u r-ritorn lejn l-imgħoddi, hu traġiku li f’dawn il-postijiet, u b’mod aktar ġenerali fil-kontinent afrikan, għadhom jeżistu għamliet varji ta’ sfruttament.  Hemm dak il-motto li jinbet mill-inkonxju ta’ tant kulturi u ta’ tant nies: “Nisfruttaw l-Afrika”, dan hu terribbli!  Wara dak politiku, infatti sploda “kolonjaliżmu ekonomiku”, li jhu daqstant ieħor ta’ jasar.  Hekk, dal-pajjiż, issakkeġġjat għall-aħħar, ma jirnexxilux igawdi biżżejjed ir-riżorsi enormi li għandu: wasalna fil-paradoss li l-frott ta’ din l-art jagħmluh “stranġier” għall-istess abitanti tiegħu.  Id-djamanti tiegħu imdemmija minħabba l-velenu tal-kilba.  Hu dramm li quddiemu d-dinja ekonomikament komda spiss tagħlaq għajnejha, widnejha u ħalqha.  Imma dal-pajjiż u dal-kontinent jistħoqqilhom ikunu rispettati u mismugħa, jistħoqqilhom spazju u attenzjoni: neħħu jdejkom minn fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Congo, neħħu jdejkom minn fuq l-Afrika!  Ħnoqtuha biżżejjed: mhijiex minijiera biex tkun sfruttata jew art biex tisfa’ sakkeġġjata.  L-Afrika għandha tkun protagonista tad-destin tagħha!  Id-dinja għandha tiftakar fid-diżastri li seħħew tul is-sekli b’dannu għall-popolazzjonijiet lokali u lanqas għandha tinsa’ lil dal-pajjiż u lil dal-Kontinent.  L-Afrika, it-tbissima u t-tama tad-dinja, tiswa’ ħafna aktar: nitkellmu dwarha aktar, għandu jkollha piż u rappreżentanza akbar fost in-nazzjonijiet!

Għandu jkun hemm diplomazija tal-bniedem mal-bniedem, tal-popli mal-popli, fejn fiċ-ċentru ma jkunx il-kontroll tal-meded u tar-riżorsi, miri ta’ espansjoni u ż-żjieda fil-profitti, imma opportunità ta’ żvilupp għan-nies.  Meta nħarsu lejn dal-poplu, nieħdu l-impressjoni li l-Komunità Internazzjonali tidher qiesha rassenjata għall-vjolenza li qed tiddivorah.  Ma nistgħux nidraw id-demm li f’dal-pajjiż issa ilu jċarċar għexieren ta’ snin, u qaċċat miljuni ta’ ħajjiet bil-moħbi.  Dak li qed iseħħ għandu jkun magħruf.  Il-proċessi ta’ paċi li għaddejjin bħalissa, li jien ninkoraġġihom bil-qawwa tiegħi kollha, għandhom jissarrfu f’fatti u l-impenji jkunu mtemma.  Għall-grazzja t’Alla dawk li jikkontribwixxu għall-ġid tal-popolazzjoni lokali u għal żvilupp reali permezz ta’ proġetti effikaċi, mhumiex nieqsa: mhux interventi ta’ sempliċi assistenzjaliżmu, imma pjanijiet immirati lejn tkabbir integrali.  Nesprimi gratitudni kbira lejn il-pajjiżi u l-organizzazzjonjiet li jagħtu għajnuna sostanzjali f’das-sens biex ikun miġġieled il-faqar u l-mard, tkun rifda għall-istat tad-dritt, promozzjoni tar-rispett lejn id-drittijiet umani.  Nesprimi l-awgurju li jkunu jistgħu jkomplu jiżvolġu bis-sħiħ u bil-kuraġġ dan ir-rwol nobbli.

U nduru lura lejn id-djamant.  Ladarba jkun inħadem, is-sbuħija tiegħu tinkiseb ukoll mill-għamla, minn għadd ta’ faċċetti organizzati bl-armonija.  Dal-pajjiz ukoll, imsebbaħ mill-pluraliżmu tipiku tiegħu, għandu karattru poliedriku.  Hi għana li titlob ħarsien, billi jkun evitat it-tribaliżmu u l-kontrappożizzjoni.  Li tkun fanatiku bl-għamad għall-etnija tiegħek jew għal xi interessi partikolari u tkebbes spirali ta’ mibgħeda u vjolenza, ikun żvantaġġ għal kulħadd, għax jimblokka “l-kimika tal-flimkien” tant meħtieġa.  A rrpożitu tal-kimika, interessanti li d-djamant hu magħmul minn sempliċi atomi ta’ karbonju li però, meta jingħaqdu bejniethom b’diversi modi, jiffurmaw il-grafiti: fil-prattika, id-differenza bejn il-luminożità tad-djamant u l-oskurità tal-grafit tiġi mill-mod kif l-atomi singolarment ikunu mqegħdin fil-kannizzata kristallina.  Lil hinn mill-metafra, il-problema mhix in-natura tal-bnedmin jew tal-gruppi etniċi soċjali, iżda l-mod kif dawn jiddeċidu li jkunu “flimkien” ir-rieda jew le, li jersqu lejn xulxin, meta jirrikonċiljaw ruħhom u jerġgħu jibdew, jikxef id-differenza bejn l-oskurità tal-kunflitt u l-ġejjieni mdawwal ta’ paċi u prosperità.

Għeżież ħbieb, il-Missier tas-sema jrid li aħna nilqgħu ‘l xulxin bħal aħwa ta’ familja waħda u li naħdmu għal ġejjieni li jkun flimkien mal-oħrajn, mhux kontra l-oħrajn.  “Bintu bantu”: hekk, b’mod effikaċi, proverbju tagħkom ifakkar li l-veru għana huma l-persuni u r-relazzjonijiet tajbin bejniethom.  Ir-reliġjonijiet, b’mod speċjali, bil-patrimonju tal-għerf tagħhom, huma msejħin biex jagħtu sehemhom bi sforz u ta’ kuljum jirrininuzjaw kull aggressività, prożelitiżmu u forza, mezzi mhux denji tal-libertà umana.  Meta niddeġeneraw u nibdew nimponu, immorru nikkaċċjaw lis-segwaċi b’mod indiskriminat, bl-ingann jew bil-forza, inkunu qed nissakkeġġajw il-kuxjenza tal-oħrajn u nkunu qed nagħtu daharna lill-veru Alla – ma ninsewhx dan – “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm il-libertà” (2 Kor 3,17) u fejn mhemmx libertà, hemm nieqes l-Ispirtu tal-Mulej.  Bl-impenn li jinbena ġejjieni ta’ paċi u fraternità, il-membri tas-soċjetà ċivili wkoll, li wħud minnhom jinsabu hawn, għandhom rwol essenzjali.  Spiss taw prova li jafu jopponu l-inġustizzja u d-dekadenza b’sagrifiċċji kbar, basta jiddefendu d-drittijiet umani, in-neċessità ta’ edukazzjoni soda għal kulħadd u ħajja aktar dinjituża għal kull persuna.  Irrodd ħajr minn qalbi lin-nisa u l-irġiel, partikolarment liż-żgħażagħ ta’ dal-pajjiż, li batew għal dan fuq livelli differenti u jien rikonoxxenti lejhom.

Bit-trasparenza tiegħu, id-djamant jirrifratta b’mod meraviljuz id-dawl li jirċievi.  Ħafna minnkom tibbrillaw fir-rwol li għandkom.  Min għandu responsabbiltajiet ċivili jew ta’ gvern, għalhekk, għandu sejħa li jaħdem bi trasparenza kristallina, u jgħix l-inkarigu li rċieva bħala mezz biex iservi lis-soċjetà. Infatti, il-poter jagħmel sens biss jekk isir servizz.   Kemm hu importanti li l-ħidma ssir b’dan l-ispirtu, li naħarbu mill-awtoritariżmu, infittxu qligħ faċli u l-kilba għall-flus, li l-Appostlu Pawlu jiddeskriviha bħala “l-għerq tal-ħażen kollu (I Tim 6,10).  U fl-istess ħin niffavorixxu elezzjonijiet ħielsa, trasparenti, kredibbli; inwessgħu aktar is-sehem tan-nisa, taż-żgħażagħ u tad-diversi gruppi, lill-gruppi emarġinati, fil-proċessi tal-paċi; infittxu l-ġid komuni u s-sigurtà tan-nies minflok l-interessi personali jew tal-grupp; insaħħu l-preżenza tal-Istat f’kull naħa tat-territorju; nieħdu ħsieb tant persuni mxerrdin ‘l hawn u ‘l hinn u rifuġjati.  Ma nħallux li nisfaw manipulati jew mixtrija minn min irid iħalli lill-pajjiż jgħum fil-vjolenza, biex jisfruttah u jagħmel negozju tal-mistħija: dan iġib biss isem ħażin u mistħija flimken ma’ mewt u miżerja.  Ikun sewwa wkoll nersqu lejn in-nies u nosservaw kif jgħixu.  In-nies jibdew jafdaw meta jħossu li min qed jiggvernahom jinsab verament qrib, mhux b’kalkolu jew biex jidher, imma biex iservi.

Fis-soċjetà, spiss huma d-dlamijiet tal-inġustizzja u tal-korruzzjoni li joskuraw id-dawl.  Diġà Santu Wistin, li twieled f’dal-kontinent, sekli ilu kien jistaqsi lilu nnnifsu: “Jekk ma tkunx irrispettata l-ġustizzja, x’inhuma l-Istati jekk mhux biss ġgajtiet ta’ ħallelin?” (De civitate Dei, IV,4).  Alla hu ma’ min għandu l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja (cfr Mt 5,6)  Qatt m’għandna ngħejjew nippromwovu d-dritt u l-ekwità f’kull settur, biex neħduha kontra l-impunità u l-manipulazzjoni tal-liġijiet u tal-informazzjoni.

Djamant joħroġ mill-art, ġenwin u mhux maħdum, ikollu bżonn jinħadem. Hekk, anki l-aktar djamanti prezzjużi tal-art tal-Congo, li huma wlied dan in-nazzjon, għandu jkollhom ċans li jibbenefikaw minn opportunitajiet validi edukattivi, li jippermettulhom jużaw fil-milja tagħhom it-talenti brillanti li għandhom.  L-edukazzjoni hi fundamentali: hi t-triq tal-futur, it-triq li jeħtieġ naqbdu biex naslu għall-libertà sħiħa f’dal-pajjiż u f’dal-kontinent afrikan.  Hemm bżonn urġenti li ninvestu fl-edukazzjoni biex inħejju soċjetajiet verament stabbli għax imħarrġin tajjeb, konxji mill-potenzjalitajiet tagħhom u bil-ħila li jiżviluppawhom bir-responsabbiltà u l-perseveranza.  Imma tant tfal ma jmorrux skola: kemm minnhom, minflok jingħataw struzzjoni denja, jisfaw sfruttati!  Wisq minnhom imutu, imġagħlin jaħdmu qieshom ilsira, fil-minjieri.  Qatt m’għandna ngħejjew niddenunzjaw il-pjaga tax-xogħol minorili u nwaqqfuh darba għal dejjem.  Kemm tfajliet jisfaw emarġinati bid-dinjità tagħhom stuprata!  It-tfal, it-tfajliet, iż-żgħażagħ huma l-preżent tat-tama, huma t-tama: ma nħallux li tkun meqruda, imma nikkultivawha bil-passjoni!

Id-djamant, frott tal-art,hu sejħa għall-ħarsien tal-maħluq, għall-protezzjoni tal-ambjent.  Bil-qagħda tagħha fil-qalba tal-Afrika ir-Repubblika Demokratika tal-Congo fiha wieħed mill-akbar pulmuni jħaddru tad-dinja li għandu jkun ippreservat.  L-istess bħall-paċi u l-iżvilupp, anki f’dal-qasam hemm bżonn kollaborazzjoni wiesa u produttiva, li tippermetti interventi effikaċi bla ma timponi mudelli barranin li huma aktar utli għal min jgħin milli għal min hu mgħejjun.  Bosta talbu impenn mill-Afrika u offrew għajnuna biex ikun miġġieled it-tibdil tal-klima u l-coronavirus.  Ċertament huma opportunitajiet ta’ min jaħtafhom, però, fuq kollox hemm bżonn ta’ mudelli sanitarji u soċjali li ma jkunux biss tweġiba għall-urġenza tal-mument, imma jkunu kontribut għal tkabbir soċjali effettiv: hemm bżonn strutturi sodi u persuni onesti u kompetenti, biex jingħelbu l-problemi gravi li qed jimblukkaw l-iżvilupp minn ġuf ommu, bħalma huma l-ġuħ u l-mard.

Id-djamant, fl-aħħar, hu l-mineral ta’ oriġini naturali l-aktar iebes; jirreżisti ħafna l-aġenti kimiċi.    L-attakki vjolenti li jibqgħu għaddejjin bla heda u l-bosta sitwazzjonijiet ta’ skumdità jistgħu jdgħajfu r-reżistenza tal-poplu tal-Congo, idgħajfu l-forza tal-ispirtu, jiskoraġġihom u jispiċċaw iċedu għar-rassenjazzjoni.  Imma, f’isem Kristu, li hu Alla tat-tama, Alla li jista’ kollox li dejjem jagħti l-forza biex nerġgħu nibdew, f’isem id-dinjità u l-valur tad-djamanti l-aktar prezzjużi ta’ din l-art, li huma ċ-ċittadini tagħha, irrid nistieden lil kulħadd għal tiġdid soċjali, kuraġġuz u inklussiv.  Dan titolbu l-istorja mdawla imma miġrugħa tal-pajjiż, jitolbuh bil-ħniena, fuq kollox, iż-żgħażagħ u t-tfal.  Jien magħkom u nakkumpanja bit-talb u bil-qrubija kull sforz għal ġejjieni paċifiku, armonjuz u prosperu ta’ dal-kbir pajjiż.  Alla jbierek lin-nazzjon kollu tal-Congo!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber