VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BUDAPEST,

FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TAL-GĦELUQ

TAT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA

(12-15 TA’ SETTEMBRU 2021)

 

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI, SEMINARISTI U KATEKISTI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Katidral ta’ San Martin (Bratislava)

It-Tnejn 13 ta’ Settembru 2021

 

Għeżież ħuti isqfijiet,

Għeżież saċerdoti, reliġjużi u seminaristi,

Għeżież katekisti, ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

B’ferħ insellmilkom u rrodd ħajr lil Mons. Stanislav Zvolenský għall-kliem tiegħu. Nirringrazzjah talli stedinni biex hawn inħossni d-dar: ġejt bħala ħukom u għalhekk inħossni wieħed minnkom. Qiegħed hawn biex magħkom naqsam l-esperjenza tal-mixja – dak hu li għandu jagħmel l-Isqof, il-Papa – kif ukoll il-mistoqsijiet tagħkom, l-istennija, it-tama ta’ din il-Knisja u ta’ dan il-pajjiż. U meta nitkellmu dwar il-pajjiż, għadni kemm għedt lis-Sinjura President li l-Islovakkja hija poeżija! Li wieħed jaqsam mal-ieħor kien l-istil tal-ewwel komunità Kristjana: kienu jagħmluha b’assidwità u jaqblu fuqha, jimxu flimkien (ara Atti 1:12-14). Kienu jitlewmu wkoll, imma jimxu flimkien.

 

Din hi l-ewwel ħaġa li għandna bżonn: Knisja li timxi flimkien, li tterraq it-toroq tal-ħajja bit-torċa tal-Vanġelu mixgħula. Il-Knisja mhijiex fortizza, m’għandhiex x’taqsam mal-poter, mhijiex kastell fl-għoli li tħares lejn id-dinja mill-bogħod u b’arroganza. Hawn Bratislava diġà hawn kastell u huwa sabiħ ħafna! Iżda l-Knisja hija l-komunità li tixtieq tiġbed lin-nies lejn Kristu permezz tal-ferħ tal-Vanġelu – mhux permezz ta’ kastell! – u hija l-ħmira li tgħolli s-Saltna tal-imħabba u tal-paċi fl-għaġina li hi d-dinja. Nitlobkom, ma naqgħux fit-tentazzjoni tal-grandjożità, tal-kobor tad-dinja! Il-Knisja għandha tkun umli kif kien Ġesù, li ħalla kollox, li ftaqar sabiex stagħnejna aħna (ara 2 Kor 8:9): hekk ġie biex jgħix f’nofsna u biex ifejjaq l-umanità feruta tagħna.

 

Hekk, sabiħa Knisja umli li ma tinqatax mid-dinja u ma tħarisx mill-bogħod lejn il-ħajja, imma li tgħix fiha. Tgħix fiha, ma ninsewx: taqsam, timxi ma’ dak li jkun, tilqa’ l-mistoqsijiet u dak li jkunu qed jistennew in-nies minnha. Dan jgħenna nitbiegħdu mill-awtoreferenzjalità: il-qalba tal-Knisja… Min jinsab fil-qalba tal-Knisja? Le, mhux il-Knisja! U meta l-Knisja tħares lejha nfisha, tispiċċa bħall-mara tal-Vanġelu: tieħu ħsieb lilha nfisha, milwija tħares lejn żokritha (ara Lq 13:10-13). Il-qalba tal-Knisja mhijiex hi stess. Ejja nieqfu ninkwetaw iżżejjed dwarna nfusna, dwar l-istrutturi tagħna, dwar kif tħares lejna s-soċjetà. Dan fl-aħħar mill-aħħar iwassalna għal “teoloġija ta’ kif ninżebħu u nidhru”… Kif ninżebħu biex nidhru l-aħjar… Ejja, minflok, nogħdsu fil-ħajja vera, il-ħajja vera tan-nies u nistaqsu lilna nfusna: liema huma l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet spiritwali tal-poplu tagħna? X’għandu bżonn mill-Knisja? Naħseb li huwa importanti li nippruvaw inwieġbu dawn il-mistoqsijiet u f’moħħi jiġu tliet kelmiet.

 

L-ewwel waħda hi l-libertà. Mingħajr libertà m’hemmx umanità vera, għaliex il-bniedem ġie maħluq liberu u biex ikun liberu. Iż-żminijiet diffiċli fl-istorja ta’ pajjiżkom jgħallmuna ħafna: meta l-libertà sfat attakkata, ivvjolata u maqtula, l-umanità sfat mifnija u faqqgħu fuqha t-tempesti tal-vjolenza, tal-oppressjoni u taċ-ċaħda tad-drittijiet.

 

Fl-istess ħin, iżda, il-libertà mhijiex xi ħaġa li tinkiseb b’mod awtomatiku, u li tibqa’ hemm għal dejjem. Le! Il-libertà dejjem hija mixja, kultant iebsa, li l-ħin kollu tiġġedded, u li għandha bżonn min jiġġieled għaliha kuljum. Mhux biżżejjed li wieħed ikun jidher ħieles minn barra jew fl-istrutturi tas-soċjetà biex ikun veru ħieles. Il-libertà ssejjaħ lil kull persuna biex tkun responsabbli mill-għażliet tagħha, taħseb, tmexxi ’l quddiem il-passaġġi tal-ħajja. U dan diffiċli, dan ibeżżagħna. Kultant iktar komdu li ma nħallux ċerti sitwazzjonijiet imissuna u nibqgħu għaddejjin nirrepetu dak li kien jiġri fil-passat, mingħajr ma npoġġu qalbna hemm, mingħajr ir-riskju li nagħżlu: aħjar nitkaxkru fil-ħajja u nagħmlu dak li ħaddieħor – probabbli l-massa jew l-opinjoni pubblika jew l-affarijiet li tbegħelna l-midja – jiddeċiedi għalina. Hekk mhux tajjeb. U llum ħafna drabi nispiċċaw nagħmlu dak li l-midja tiddeċiedi għalina. U nitilfu l-libertà. Niftakru fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael: bata taħt il-ħakma tal-Fargħun, kien ilsir; imbagħad inħeles mill-Mulej, iżda biex veru jkun ħieles, mhux biss meħlus mill-għedewwa, ried jaqsam id-deżert, mixja iebsa. U spiċċaw jaħsbu: “Kważi kważi konna aħjar qabel, almenu kellna ftit basal x’nieklu…”. Tentazzjoni kbira: aħjar ftit basal milli t-tbatija u r-riskju li nkunu ħielsa. Din hi waħda mit-tentazzjonijiet. Ilbieraħ, waqt li kont nitkellem mal-grupp ekumeniku, fakkarthom f’Dostoevskij u “L-inkwiżitur il-kbir”. Kristu jerġa’ lura fid-dinja bil-moħbi u l-inkwiżitur igergirlu għax ta l-libertà lill-bnedmin. Ftit ħobż u xi ħaġa żgħira biżżejjed; ftit ħobż u xi ħaġa oħra biżżejjed. Dejjem din it-tentazzjoni, it-tentazzjoni tal-basal. Aħjar ftit basal u ħobż milli t-tbatija u r-riskju li nkunu ħielsa. Inħalli f’idejkom biex taħsbu fuq dan il-kliem.

 

Kultant fil-Knisja din l-idea tista’ tidħol: inkunu aħjar meta jkun hemm kollox maħsub minn qabel, liġijiet x’nobdu, kollox fiż-żgur u l-istess, milli nkunu Kristjani responsabbli u adulti li jaħsbu, ipoġġu l-mistoqsijiet lill-kuxjenza tagħhom, jaħsbu fuqhom infushom. Hu l-bidu ta’ sistema ordnata, kollox bl-eżatt… Fil-ħajja spiritwali u ekkleżjali hemm it-tentazzjoni li nfittxu paċi falza li tħallina bi kwietna, flok in-nar tal-Vanġelu li jċaqlaqna, li jibdilna mill-qiegħ. Il-basal tal-Eġittu, għax żgur, iktar insibuh komdu mid-deżert bl-inċertezzi tiegħu. Iżda Knisja li ma tħallix spazju għall-avventuri li ġġib magħha l-libertà, anki fil-ħajja spiritwali, tirriskja li ssir post riġidu u magħluq. Forsi wħud dan drawh; iżda ħafna oħrajn – l-iktar il-ġenerazzjonijiet il-ġodda – ma jinġibdux lejn Knisja li fiha kulħadd irid jaħsibha l-istess u jobdi kollox.

 

Għeżież, tibżgħux tiffurmaw persuni biex ikollhom relazzjoni matura u ħielsa ma’ Alla. Din ir-relazzjoni hi importanti. Dan forsi jġegħelna naħsbu li mhux se nkunu nistgħu nikkontrollaw kollox, li se nitilfu mill-qawwa u mill-awtorità; iżda l-Knisja ta’ Kristu ma tridx tikkmanda l-kuxjenzi u żżomm postha, trid tkun “għajn” ta’ tama fil-ħajja tal-persuni. Huwa riskju. Hija sfida. Dan qed ngħidu fuq kollox lir-Ragħajja; il-ministeru tagħkom twettquh f’pajjiż li fih seħħew ħafan bidliet b’ritmu mgħaġġel, u bdiet tissaħħaħ id-demokrazija, iżda l-libertà għadha fraġli. Dan speċjalment fil-qalb u fil-moħħ tal-persuni. Għalhekk inħeġġiġkom tgħinuhom jikbru ħielsa minn reliġjożità riġida. Joħorġu minnha din, u jikbru ħielsa! Ħadd m’għandu jħossu mgħattan. Kulħadd għandu jiskopri l-libertà li joffri l-Vanġelu, billi bil-mod jidħol f’relazzjoni ma’ Alla, bit-tama ta’ min jaf li, quddiem Alla, jista’ jieħu l-istorja u l-ġrieħi tiegħu mingħajr biża’, mingħajr il-bżonn li jirreċta, mingħajr ma jinkwieta li għandu jiddefendi lilu nnifsu. Ikun jista’ jgħid: “Jien midneb”, iżda jgħidha b’sinċerità, mhux billi jagħti fuq sidru imbagħad jibqa’ jaħseb li hu ġust. Il-libertà. Ix-xandir tal-Vanġelu għandu jeħles, u qatt ma jgħaffeġ. U l-Knisja għandha tkun sinjal ta’ libertà u ta’ akkoljenza! Ċert li dan li se nirrakkonta qatt mhu ħa tkunu tafu minn fejn ġej.

 

Se ngħidilkom ħaġa li ġrat ħafna żmien ilu. Ittra ta’ isqof, li qed jitkellem dwar nunzju. Qal: “Ma nafx, aħna għamilna 400 sena taħt it-Torok u batejna. Imbagħad 50 taħt il-Komuniżmu u batejna. Iżda s-seba’ snin ma’ dan in-Nunzju kienu agħar miż-żewġ sitwazzjonijiet l-oħra!”. Kultant nistaqsi lili nnifsi: Kemm persuni jistgħu jgħidu l-istess ħaġa għall-isqof li għandhom jew għall-kappillan? Kemm persuni? Le, mingħajr libertà, mingħajr paternità, l-affarijiet ma jimxux sew.

 

It-tieni kelma – l-ewwel waħda kienet il-libertà –: il-kreattività. Intom ulied tradizzjoni kbira. L-esperjenza reliġjuża tagħkom ħierġa mill-għajn tal-predikazzjoni u tal-ministeru tal-figuri sbieħ tal-qaddisin San Ċirillu u San Metodju. Huma jgħallmuna li l-evanġelizzazzjoni qatt mhi sempliċi ripetizzjoni tal-passat. Il-ferħ tal-Vanġelu dejjem jibqa’ Kristu, iżda t-toroq li bihom din l-aħbar tajba tkun tista’ tibqa’ għaddejja fiż-żmien u fl-istorja, huma differenti. It-toroq kollha differenti. Ċirillu u Metodju mxew flimkien f’din il-parti tal-kontinent Ewropew u, mimlijin ħeġġa għax-xandir tal-Vanġelu, waslu biex ivvintaw alfabett ġdid biex jittraduċu l-Bibbja, it-testi lituriġiċi u d-duttrina Kristjana. Kien hekk li saru appostli li ġabu l-kultura tal-fidi fostkom. Ivvintaw lingwaġġi ġodda biex iwasslulkom il-Vanġelu, kienu kreattivi meta ttraduċew il-messaġġ Kristjan, kienu tant imwaħħda mal-istorja tal-popli li ltaqgħu magħhom li bdew jitkellmu l-lingwa tagħhom u mingħandhom xorbu l-kultura. Mhux dan li għandha bżonn illum ukoll l-Islovakkja? Nistaqsi. Mhux din hi l-biċċa xogħol l-iktar urġenti li għandha l-Knisja għall-popli fl-Ewropa: li ssib “alfabetti” ġodda biex ixxandar il-fidi? Imdawrin bi tradizzjoni Kristjana hekk għanja, imma fil-ħajja ta’ ħafna persuni, illum, din tibqa’ fil-memorja ta’ passat li m’għadux ikellimhom u m’għadux idawwal l-għażliet tal-ħajja. Quddiem it-telfien tas-sens ta’ min hu Alla u tal-ferħ li ġġib il-fidi għalxejn wieħed igerger,  jinħeba f’Kattoliċiżmu difensiv, jiġġudika u jakkuża dinja ħażina, le, hemm bżonn il-kreattività tal-Vanġelu. Noqogħdu attenti! Il-Vanġelu mhux magħluq, iżda miftuħ! Għadu effettiv, hu effettiv, għadu għaddej. Niftakru x’għamlu dawk l-irġiel li riedu jwasslu lill-mifluġ quddiem Ġesù u ma setgħux jgħaddu mill-bieb prinċipali. Fetħu toqba fis-saqaf u niżżluh mis-saqaf (ara Mk 2:1-5). Kienu kreattivi! Quddiem id-diffikultà – “Issa x’se nagħmlu?… Iva, nagħmlu hekk” – quddiem, forsi, ġenerazzjoni li ma temminniex, li tilfet is-sens tal-fidi, jew li ċekknet il-fidi għal drawwa jew kultura ftit jew wisq aċċettabbli, ejja nippruvaw niftħu toqba u nkunu kreattivi! Il-libertà, il-kreattività… Kemm hu sabiħ meta jirnexxilna nsibu toroq, modi u lingwaġġi ġodda biex inxandru l-Vanġelu! U aħna nistgħu ngħinu bil-kreattività tagħna l-bnedmin, kollha għandna din il-possibbiltà, imma dak li hu l-kreattiv il-kbir huwa l-Ispirtu s-Santu! Huwa hu li jimbuttana biex inkunu kreattivi! Jekk bil-predikazzjoni u l-pastorali tagħna ma jirnexxilniex nibqgħu nidħlu mill-bieb tas-soltu, għandna nippruvaw niftħu toqob differenti, nippruvaw bibien oħra.

 

U fuq din ħa nieqaf ftit. Il-predikazzjoni. Xi ħadd qalli li fl-Evangelii gaudium tkellimt wisq dwar l-omelija, għaliex hi waħda mill-problemi tal-lum. Iva, l-omelija mhix sagrament, bħalma riedu xi Protestanti, imma hi sagramentali! Mhix prietka tal-eżerċizzi tar-Randan, le, hija xi ħaġa oħra. Tinsab fil-qalba tal-Ewkaristija. Niftakru fil-fidili, li jkollhom jisimgħu omeliji ta’ 40 minuta, 50 minuta, dwar suġġetti li ma jifhmux, li ma jmissux magħhom… Jekk jogħġobkom, saċerdoti, isqfijiet, aħsbu tajjeb dwar kif tħejju l-omelija, kif se tagħmluha, sabiex ikun hemm kuntatt man-nies u tieħdu l-ispirazzjoni mis-silta Biblika. Omelija, normalment, m’għandhiex taqbeż l-għaxar minuti, għaliex in-nies wara tmien minuti jitilfu l-attenzjoni, u dan jekk tkun interessanti. Iżda l-ħin għandu jkun bejn l-10 u l-15-il minuta, mhux iktar. Għalliem li kien jgħallimni dwar l-omeliji kien jgħid li omelija għandha tkun koerenti: ikun hemm idea, stampa u xi ħaġa li jħobbu; in-nies għandhom imorru b’idea, stampa, u xi ħaġa li messitilhom qalbhom. Hekk, sempliċi, hu x-xandir tal-Vanġelu! U hekk kien jipprietka Ġesù li kien isemmi l-għasafar, isemmi l-għelieqi, isemmi dawn… affarijiet konkreti, li n-nies kienu jifhmu. Skużawni jekk erġajt dort fuq dan is-suġġett, imma jinkwetani… [ċapċip] Ippermettuli ngħid ħaġa ftit imqarba: iċ-ċapċip bdewh is-sorijiet, li huma vittmi tal-omeliji tagħna!

 

Ċirillu u Metodju bdew din il-kreattività ġdida, dan għamluh u lilna jgħidulna: il-Vanġelu ma jistax jitkattar jekk ma jkunx imsejjes fil-kultura ta’ poplu, jiġifieri fis-simboli, fil-mistoqsijiet, fil-kliem, fil-ħajja tiegħu. Iż-żewġt aħwa sabu ħafna ostakli u ppersegwitawhom ħafna, kif tafu. Akkużawhom li qed ixerrdu l-ereżija għaliex kellhom il-wiċċ jittraduċu l-lingwa tal-fidi. Dik hi l-ideoloġija li titwieled mit-tentazzjoni li nħallu kollox l-istess. Wara l-ħsieb li kollox għandu jibqa’ l-istess, hemm ideoloġija. Iżda l-evanġelizzazzjoni hija mixja ta’ inkulturazzjoni: hi żerriegħa li toffri tiġdid, hi t-tiġdid tal-Ispirtu li jagħti ħajja ġdida lil kull ħaġa. Il-bidwi jiżra’ – hekk jgħid Ġesù – imbagħad jorqod. Ma joqgħodx għassa jekk hix tikber, jekk tinbitx… Huwa Alla li jkabbarha. Bl-istess mod m’għandniex nippruvaw nikkontrollaw ħafna l-ħajja: għandna nħallu li l-ħajja tikber, bħalma għamlu Ċirillu u Metodju. Xogħolna hu li niżirgħu tajjeb u nieħdu ħsieb, bħal missirijiet, dak iva. Il-bidwi jieħu ħsieb, imma ma jmurx kuljum jara kif qed tikber. Jekk jagħmel hekk, jispiċċa joqtolha x-xitla.

 

Il-libertà, il-kreattività, u fl-aħħar, id-djalogu. Knisja li tgħallem il-libertà interjuri u responsabbli, li taf tkun kreattiva billi tidħol fl-istorja u fil-kultura, hija wkoll Knisja li taf toħloq djalogu mad-dinja, ma’ min jemmen fi Kristu mingħajr ma jkun “mill-grupp tagħna”, ma’ min qed jgħix id-diffikultà tat-tfittxija reliġjuża, u anki ma’ min ma jemminx. Ma tagħżilx biss xi grupp żgħir, le, imma toħloq djalogu ma’ kulħadd: ma’ min jemmen, ma’ min jgħix fil-qdusija, ma’ min għandu fidi mhux daqstant qawwija u ma’ min ma jemminx. Titkellem ma’ kulħadd. Hija Knisja li, fuq l-eżempju ta’ Ċirillu u Metodju, tgħaqqad u żżomm flimkien l-Orjent u l-Oċċident, tradizzjonijiet u sensibbiltajiet differenti. Hi komunità li billi xxandar il-Vanġelu tal-imħabba, tħalli jinbtu l-għaqda, il-ħbiberija u d-djalogu fost min jemmen, fost il-Kristjani ta’ denominazzjonijiet differenti u fost il-popli.

 

L-għaqda, il-komunjoni u d-djalogu huma dejjem fraġli, speċjalment meta warajhom hemm storja ta’ tbatija li ħalliet xi ġrieħi. Meta niftakru fil-ġrieħi hemm il-periklu li naqgħu fil-mibegħda, fin-nuqqas ta’ fiduċja, saħansitra fid-disprezz, u tista’ tiġi t-tentazzjoni li ntellgħu ħitan quddiem min hu differenti minna. Il-ġrieħi, iżda, jistgħu jkunu bħal xaqq jew tiċrita li, bħall-pjagi tal-Mulej, iħallu tgħaddi minnhom il-ħniena ta’ Alla, il-grazzja tiegħu li tibdel il-ħajja u tagħmilna ħaddiema tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni. Naf li għandkom dan il-proverbju: “Lil min jixħitlek ġebla, inti agħtih ħobża”. Dan għalina hu ta’ ispirazzjoni. Dan Evanġeliku ħafna! Hija l-istedina ta’ Ġesù biex inkissru ċ-ċirku vizzjuż u qerriedi tal-vjolenza, billi lil min jagħtina bil-ħarta ndawrulu ħaddejna l-oħra wkoll, biex nirbħu l-ħażen bit-tajjeb (ara Rum 12:21). Tolqotni ħaġa partikulari mill-istorja tal-Kardinal Korec. Kien Kardinal Ġiżwita, ippersegwitat mir-Reġim, mitfugħ il-ħabs, imġiegħel jaħdem ħafna sakemm marad. Meta ġie Ruma għall-Ġublew tas-sena 2000, mar fil-katakombi u xegħel xemgħa għal min ippersegwitah, u talab il-ħniena għalihom. Dan hu l-Vanġelu! Dan hu l-Vanġelu! Jikber fil-ħajja u fl-istorja permezz tal-imħabba umli, permezz tal-imħabba mimlija sabar.

 

Għeżież, nirringrazzja lil Alla li ninsab fostkom, u minn qalbi nirringrazzja lilkom għal dak li tagħmlu u għal dak li intom, u għal dak li għad tagħmlu wara li tkunu ġejtu ispirati minn din l-omelija, li hija wkoll żerriegħa li jien qed niżra’… Għad naraw jekk jitilgħux ix-xtieli! Nawguralkom li tkomplu l-mixja tagħkom fil-libertà tal-Vanġelu, fil-kreattività tal-fidi u fid-djalogu li jgelgel mill-ħniena ta’ Alla, li għamlitna lkoll aħwa, u li ssejħilna biex inkunu ħaddiema għall-paċi u għall-ftehim. Minn qalbi nberikkom. U, jekk jogħġobkom, itolbu għalija. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljna għall-Malti minn Rossana Cremona