VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KAŻAKISTAN

(13–15 TA’ SETTEMBRU 2022)

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

Titjira Papali

Il-Ħamis 15 ta’ Settembru 2022

 

Matteo Bruni

Il-lejla t-tajba lil kulħadd. Insellimlek, Santità: grazzi ta’ dan il-mument flimkien mal-ġurnalisti li kienu miegħek f’dawn it-tlitt ijiem. Bħal dejjem, hemm xi ftit tal-mistoqsijiet għalik. Forsi nistgħu nibdew bil-mistoqsijiet…

 

Il-Papa Franġisku

Il-ġurnata t-tajba u grazzi ħafna tal-kumpanija tagħkom, tax-xogħol tagħkom: jumejn kienu imma intensi. Grazzi ħafna.

 

[Awguri lil Stefania Falasca f’għeluq sninha]

 

Matteo Bruni

Mela nistgħu nibdew minn Dr Zhanat Akhmetova, mill-aġenzija televiżiva tal-Każakistan.

 

Zhanat Akhmetova, Tv Agency Khabar

Il-ġurnata t-tajba, Santità. Grazzi ħafna taż-żjara tiegħek fil-Każakistan. [bl-Ingliż] Santità, liema hu r-riżultat taż-żjara tiegħek fil-Każakistan? Fid-diskorsi tiegħek, int irreferjet għall-oriġni tal-poplu tagħna: x’ispirak biex tagħmel dan? Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku

Għalija kienet sorpriża. Għax jien veru li dwar l-Asja Ċentrali – barra l-mużika ta’ Borodin – ma kont naf xejn. Kienet sorpriża għalija nsib ir-rappreżentanti ta’ dawn in-nazzjonijiet. U l-Każakistan kien tassew sorpriża, għax jien ma kontx nistennieh hekk. Kont naf li hu pajjiż li żviluppa tajjeb, b’intelliġenza. Imma li nsib, wara tletin sena mill-indipendenza, żvilupp bħal dak, ma kontx nistennieha. Imbagħad hu pajjiż hekk kbir, b’għoxrin miljun ruħ jgħixu hemm, 19-il miljun… Mank temmen. Iddixxiplinat ħafna, sabiħ ukoll. Bi ġmiel notevoli: l-arkitettura tal-belt, ibbilanċjata tajjeb, maħduma tajjeb. Belt moderna, belt ukoll, kważi kważi, “futura”. U dan laqatni, tant kemm hi kbira r-rieda li jimxu ’l quddiem mhux biss fl-industrija, fl-iżvilupp ekonomiku u materjali, imma anki fl-iżvilupp kulturali. Sorpriża li ma kontx nistennieha. Imbagħad, il-Kungress. Il-Kungress hu ħaġa importanti ħafna, jinsab fis-seba’ edizzjoni! Dan ifisser li hu pajjiż b’viżjoni kbira u li jgħin fid-djalogu ta’ dak li s-soltu hu mwarrab: għax hawn kunċett progressista tad-dinja, fejn l-ewwel ħaġa li tiġi skartata huma l-valuri reliġjużi. Imma dan hu pajjiż li qed jaffaċċja lid-dinja bi proposta bħal din. U diġà sar għal seba’ darbiet, ħaġa sabiħa! Imbagħad, jekk jifdal ħin, nerġa’ ngħid xi ħaġa fuq din il-laqgħa interreliġjuża. Int għandek għax tkun kburija bil-pajjiż u bil-Patrija tiegħek!

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. It-tieni mistoqsija ġejja minn Rudiger Kronthaler, mill-ARD, it-televiżjoni Ġermaniża.

 

Rudiger Kronthaler, ARD

Santità, grazzi tal-messaġġ tiegħek ta’ paċi. Jiena Ġermaniż, kif tista’ tara mill-aċċent tiegħi. Il-poplu tiegħi hu responsabbli għal miljuni ta’ mwiet, tmenin sena ilu. Nixtieq nagħmel mistoqsija fuq il-paċi: billi l-poplu tiegħi hu responsabbli għal miljuni ta’ mwiet, aħna l-iskola nitgħallmu li m’għandhom qatt jintużaw armi, qatt m’għandha ssir vjolenza, l-unika eċċezzjoni hi biex tiddefendi ruħek. Fil-fehma tiegħek, f’dawn il-mumenti għandna nagħtu l-armi f’idejn l-Ukrajna?

 

Il-Papa Franġisku

Din hi deċiżjoni politika, li tista’ tkun morali, moralment aċċettata, jekk issir skont il-kundizzjonijiet ta’ moralità, li huma ħafna u mbagħad nistgħu nitkellmu fuqhom. Imma tista’ tkun immorali jekk issir bl-intenzjoni li tipprovoka iżjed gwerra jew li nbigħ l-armi jew li narmi dawk l-armi li m’għadx għandi bżonnhom… Il-motivazzjoni hi dik li fil-biċċa l-kbira tikkwalifika l-moralità ta’ dan l-att. Li niddefendu ruħna mhux biss hi ħaġa leċita, imma anki espressjoni ta’ mħabba għall-Patrija. Min ma jiddefendix ruħu, min ma jiddefendix xi ħaġa, ma jħobbhiex, imma min jiddefendi, iħobb. Hemm bżonn ukoll [inqisu] ħaġa oħra li għidt f’wieħed mid-diskorsi tiegħi: li jeħtieġ nirriflettu iktar fuq il-kunċett ta’ gwerra ġusta. Għax kulħadd jitkellem fuq il-paċi llum; għal ħafna snin, sebgħin sena, il-Ġnus Magħquda ilha titkellem fuq paċi, tagħmel ħafna diskorsi ta’ paċi. Imma bħalissa, kemm gwerer għaddejjin? Dik li semmejt inti, bejn l-Ukrajna u r-Russja, issa fl-Ażerbajġan u l-Armenja li waqfet xi ftit għax ir-Russja ħarġet bħala garanti – garanti ta’ paċi hawn u tagħmel il-gwerra hemm –; imbagħad hemm is-Sirja, għaxar snin ta’ gwerra: x’qed jiġri hemm, għaliex ma waqfitx? Liema interessi qed iċaqilqu dawn l-affarijiet? Imbagħad hemm il-Qarn tal-Afrika; imbagħad it-tramuntana tal-Mozambique; u l-Eritrea li tinsab biswit l-Etjopja; imbagħad il-Mijanmar, b’dak il-poplu sofferenti li jħobb ħafna, il-poplu Rohingya, li dejjem jiġri, jiġri u jiġri bħal żingaru u ma jistax isib paċi. Imma qegħdin fi gwerra dinjija, nitlobkom…

 

Jiena niftakar ħaġa personali, meta kont għadni tifel, kelli disa’ snin. Niftakar li smajna jdoqq l-allarm tal-ikbar ġurnal ta’ Buenos Aires: f’dak iż-żmien biex niffesteġġjaw jew nagħtu aħbar tajba, dak kien idoqq – issa ma għadux idoqq – u kien jinstema’ mill-belt kollha. Ommi qalet: “X’ġara?”. Konna fil-gwerra, is-sena kienet l-1945. Ġara tagħna ġiet id-dar tgħidilna: “Daqq l-allarm…”, u tibki, “spiċċat il-gwerra!”. U jiena llum għadni qed nara lil ommi u l-ġara tagħna jibku bil-ferħ għax kienet spiċċat il-gwerra, f’pajjiż tal-Amerika Latina, hekk imbiegħed! Dawn il-persuni, dawn in-nisa kienu jafu li l-paċi hi ikbar mill-gwerer kollha u kienu qed jibku bil-ferħ għax saret il-paċi. Ma ninsihiex. Illum jien nistaqsi jekk għandniex qalbna edukata biex nibku bil-ferħ meta naraw il-paċi. Kollox inbidel. Jekk ma tagħmilx gwerra, ma tiswa għal xejn! Imbagħad nitkellem fuq il-Ġermanja, wara. Imbagħad hemm l-industrija tal-armi. Dan hu kummerċ assassin. Xi ħadd qalli – xi ħadd li jifhem fl-istatistiċi – li jekk nieqfu mqar sena nagħmlu l-armi, inkunu nsolvu l-ġuħ kollha fid-dinja… Ma nafx dan huwiex minnu jew le. Imma l-ġuħ, l-edukazzjoni… xejn, ma nistgħux għax iridu jsiru l-armi. F’Ġenova, xi snin ilu, tlieta jew erba’ snin, wasal vapur mimli armamenti li kellu jgħaddihom lil vapur ikbar li kien sejjer l-Afrika, qrib is-Sudan, naħseb fis-Sudan ta’ Isfel… Il-ħaddiema tal-port ma ridux. Swielhom, imma [hu fatt li] llum ngħidu: “Le, jien ma rridx ikolli x’naqsam ma’ dan, mal-mewt”. Huwa anneddotu dan, imma jġagħalna nħossu kuxjenza ta’ paċi. Int tkellimt fuq pajjiżek. Waħda mill-affarijiet li tgħallimt minnkom hija l-ħila li jiddispjaċikom u titolbu maħfra għall-iżbalji tal-gwerra. U mhux biss titolbu maħfra, anki tħallsu għall-iżbalji tal-gwerra: dan jitkellem tajjeb għalikom. Huwa eżempju li għandna nimitawh. Il-gwerra fiha nfisha hija żball, żball! U aħna f’dan il-mument qed nieħdu nifs f’din l-arja: jekk ma hemmx gwerra donnu ma hemmx ħajja. B’mod xi ftit diżordinat, imma għidt dak kollu li xtaqt ngħid fuq din it-tema tal-gwerra ġusta. Imma d-dritt għad-difiża iva, dak tajjeb, għax irridu nużawh meta jkun hemm bżonn.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss tagħmilha Sylwia Wysocka, mill-aġenzija tal-istampa Pollakka.

 

Sylwia Wysocka, Pap

Santità, int għidt: ma nistgħu qatt niġġustifikaw il-vjolenza. Dak kollu li qed jiġri fl-Ukrajna bħalissa hu purament vjolenza, mewt, il-qerda totali min-naħa tar-Russja. Aħna fil-Polonja għandna l-gwerra hekk qrib tal-bibien tagħna, b’żewġ miljun rifuġjat. Nixtieq nistaqsik jekk fil-fehma tiegħek hemmx linja ħamra li m’għandniex naqbżu: aħna miftuħa għad-djalogu ma’ Moska. Għax ħafna jsibu diffikultà biex jifhmu din id-disponibbiltà. U nixtieq anki nistaqsi jekk il-vjaġġ li jmiss hux sa jkun lejn Kiev. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Jiena se nwieġbek, imma nippreferi li l-ewwel isiru l-mistoqsijiet fuq il-vjaġġ… Imma għal dan inwieġbek, inwieġbek. Imma jekk jogħġobkom, li jmiss għamluhom fuq il-vjaġġ. U mbagħad, jekk ikun fadal ħin, naraw affarijiet oħra.

 

Nemmen li dejjem hu diffiċli nifhmu d-djalogu mal-Istati li bdew il-gwerra, u jidher li l-ewwel pass sar hemm, minn dik in-naħa. Diffiċli, imma ma rridux naħarbuh, nagħtu l-opportunità għad-djalogu lil kulħadd, lil kulħadd! Għax dejjem hemm il-possibbiltà li bid-djalogu jistgħu jinbidlu l-affarijiet, anki noffru perspettiva oħra, punt ieħor ta’ kunsiderazzjoni. Jiena ma neskludix id-djalogu ma’ ebda potenza li tinsab fi gwerra, imqar jekk ikun l-aggressur… Xi drabi d-djalogu jrid isir hekk, imma jrid isir, “jinten” imma jrid isir. Dejjem pass ’il quddiem, bl-id miftuħa, dejjem! Għax inkella nkunu nagħlqu l-uniku bieb raġonevoli għall-paċi. Xi drabi ma jaċċettawhx id-djalogu: dnub! Imma d-djalogu għandu jsir dejjem, tal-inqas jiġi offrut, u dan hu ta’ ġid anki għal min joffrih, jagħti nifs.

 

Matteo Bruni

Grazzi. Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Loup Besmond de Senneville, minn La Croix.

 

Loup Besmond de Senneville, La Croix

Grazzi, Santità, grazzi ħafna ta’ dan il-vjaġġ, ta’ dawn il-jiem fl-Asja Ċentrali. F’dan il-vjaġġ intqal ħafna fuq valuri u fuq etika. B’mod partikulari, matul il-Kungress interreliġjuż ġie evokat, minn xi mexxejja reliġjużi, it-telfien tal-Punent minħabba li mar lur moralment. X’inhi l-fehma tiegħek fuq dan? Int tħoss li l-Punent jinsab fi stat ta’ “telfien”, mhedded mit-telfien tal-valuri tiegħu? Qed naħseb b’mod partikulari fid-dibattitu li hemm f’xi pajjiżi dwar l-ewtanasja, dwar tmiem il-ħajja, li kien hemm fl-Italja, imma anki fi Franza u fil-Belġju. Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku

Huwa minnu li l-Punent, b’mod ġenerali, bħalissa mhuwiex fuq l-ogħla livell ta’ eżemplarità. Ma hux “tifel tal-Ewwel Tqarbina”, le, veru. Il-Punent qabad toroq żbaljati. Naħsbu, ngħidu aħna, fl-inġustizzja soċjali li hemm fostna: hemm pajjiżi li żviluppaw fejn tidħol il-ġustizzja soċjali, imma jiena qed naħseb fil-kontinent tiegħi, l-Amerika Latina, li hi Punent. Naħsbu wkoll fil-Mediterran: hu Punent, u llum sar l-ikbar ċimiterju, mhux tal-Ewropa, imma tal-umanità. X’tilef il-Punent biex nesa kif jilqa’, meta fil-fatt għandu bżonn tan-nies? Meta naħsbu fix-xitwa demografika li għandna: għandna bżonn tan-nies. Fi Spanja – fi Spanja l-iżjed –, anki fl-Italja, hemm irħula vojta, xi għoxrin xjuħ biss u xejn iżjed. Imma għaliex ma nagħmlux politika tal-Punent biex il-migranti jiġu inseriti, b’dak il-prinċipju li l-migrant għandu jiġi milqugħ, imsieħeb, imbuttat ’il quddiem u integrat? Dan hu importanti ħafna, nintegraw. Imma le… Qed nonqsu milli nifhmu l-valuri, meta l-Punent stess għex din l-esperjenza: aħna pajjiżi li emigraw. Fil-pajjiż tiegħi – li naħseb qegħdin 49 miljun ruħ bħalissa – għandna biss persentaġġ ta’ inqas minn miljun ta’ aboriġini, u l-bqija huma kollha ta’ għeruq migranti. Kollha: Spanjoli, Taljani, Ġermaniżi, Slavi, Pollakki, mill-Asja Minuri, Lebaniżi, kollha… Tħallat id-demm hemmhekk, u din l-esperjenza għenitna ħafna. Imbagħad, għal raġunijiet politiċi, il-ħaġa mhix sejra tajjeb fil-pajjiżi tal-Amerika Latina, imma l-migrazzjoni nemmen li bħalissa għandha tiġi kkunsidrata serjament, għax ittellagħlek xi ftit il-valur intellettwali u kordjali tal-Punent. Bil-maqlub, b’din ix-xitwa demografika, fejn sejrin? Il-Punent jinsab f’dekadenza fuq dan il-punt, qed jiskadi xi ftit, tilef… Naħsbu fil-parti ekonomika: sejra tajjeb ħafna, tajjeb ħafna, imma ejja naħsbu fl-élan politiku u mistiku ta’ Schuman, Adenauer, De Gasperi, dawk il-kbar. Fejn qegħdin illum? Għandna kbar, imma mhux jirnexxilhom imexxu s-soċjetà ’l quddiem. Il-Punent għandu bżonn jitkellem, jirrispetta lil xulxin… U mbagħad hemm il-periklu tal-populiżmi. X’jiġri fi stat soċjo-politiku bħal dan? Jitwieldu l-“messiji”: il-messiji tal-populiżmi, li qed naraw ċerti affarijiet, kif jitwieldu l-populiżmi. Naħseb li xi darba semmejtu dak il-ktieb ta’ Ginzberg, Sindrome 1933jgħid proprju kif nibet popoliżmu fil-Ġermanja wera l-waqgħa tal-gvern tal-Wiemar. Il-populiżmi hekk jinbtu: meta hemm livell baxx, u xi ħadd iwiegħed il-messija. Biex nagħlaq: jiena nemmen li aħna m’aħniex, aħna tal-Punent, m’aħniex fl-aħjar stat biex ngħinu popli oħra. Qegħdin xi ftit fi skadenza? Jista’ jkun, iva, imma rridu nerġgħu nsibu l-valuri, il-valuri tal-Ewropa, il-valuri tal-missirijiet li waqqfu l-Unjoni Ewropea, il-kbar. Ma nafx, xi naqra fuq fuq, imma naħseb li weġibt.

 

Loup Besmond de Senneville

U fuq l-ewtanasja?

 

Il-Papa Franġisku

Il-qtil mhuwiex uman, daqshekk. Jekk int toqtol b’motivazzjonijiet, iva, fl-aħħar mill-aħħar dejjem se toqtol iżjed. Mhijiex ħaġa umana. Il-qtil inħalluh għall-bhejjem.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Iacopo Scaramuzzi, minn La Repubblica.

 

Iacopo Scaramuzzi, La Repubblica

Il-lejla t-tajba, Santità. Ħa norbot mal-aħħar mistoqsija: int fid-diskorsi tiegħek sħaqt fuq ir-rabta bejn valuri, valuri reliġjużi, u l-ħajja tad-demokrazija. Fil-kontinent tagħna, fl-Ewropa, skont int x’jonqos? X’għandu jitgħallem minn demokraziji oħra? U, jekk tippermettili, inżid: billi fi ftit jiem oħra fl-Italja se jsir eżerċizzju demokratiku, se nivvutaw, u se jkun hemm gvern ġdid, meta int tiltaqa’ mal-President il-ġdid tal-Kunsill, x’parir tagħtih jew tagħtiha? Liema, fil-fehma tiegħek, huma l-prijoritajiet għall-Italja, il-preokkupazzjonijiet tiegħek, ir-riskji li għandna nevitaw?

 

Il-Papa Franġisku

Jidhirli li dwar dan jiena diġà weġibt fl-aħħar vjaġġ. Jiena ltqajt ma’ żewġ Presidenti Taljani, ta’ livell l-aktar għoli: Napolitano u dan ta’ issa. Kbar. Imbagħad, il-politiċi l-oħra ma nafhomx. Fl-aħħar vjaġġ staqsejt lil wieħed mis-segretarji tiegħi kemm gvernijiet kellha l-Italja f’dan is-seklu: għoxrin. Ma nafx nispjegaha din. La ħa nikkundanna u lanqas nikkritika: sempliċiment ma nafx nispjegah dan il-fatt. Jekk il-gvernijiet jinbidlu hekk, huma ħafna l-mistoqsijiet li rridu nagħmlu. Għax illum li tkun politiku, hi triq diffiċli, li tkun politiku kbir. Politiku ta’ dak li jilgħab għall-valuri tal-patrija, il-valuri għoljin, u mhux jilgħab għall-interessi, jiġifieri għall-pultruna, il-kumdità… Il-pajjiżi, u fosthom l-Italja, għandhom ifittxu l-politiċi kbar, dawk li għandhom il-ħila jagħmlu l-politika, li hija arti. Hija vokazzjoni nobbli l-politika. Jidhirli li wieħed mill-Papiet, ma nafx jekk hux Piju XII jew San Pawlu VI, qal li l-politika hija waħda mill-ogħla forom tal-karità… Jeħtieġ nitħabtu biex ngħinu lill-politiċi tagħna jżommu l-livell tal-politika għolja, mhux il-politika tal-livell baxx li ma tgħin xejn, anzi, tiġbed ’l isfel lill-Istat u tfaqqar… Illum il-politika, f’dawn il-pajjiżi tal-Ewropa, għandha tieħu f’idejha l-problema tax-xitwa demografika, ngħidu aħna, tal-iżvilipp industrijali, tal-iżvilupp naturali, il-problema tal-migranti… Il-politika għandha tieħu bis-serjetà l-problemi, biex timxi ’l quddiem. Qed nitkellem fuq il-politika b’mod ġenerali. Il-politika Taljana ma nifhimhiex: naf biss dik tal-għoxrin gvern f’mitt sena, naqra stramba… Imma kulħadd għandu l-mod tiegħu kif jiżfen it-tango, taf? Tista’ tiżfnu mod jew ieħor, u l-politika tiżfinha b’mod jew ieħor.

 

L-Ewropa għandha tilqa’ l-esperjenzi minn postijiet oħra: xi wħud imorru aħjar, oħrajn ma jiswewx għaliha. Imma għandha tkun miftuħa, kull kontinent għandu jkun miftuħ għall-esperjenza tal-oħrajn.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Elise Harris Allen, minn Crux.

 

Elise Harris Allen, Crux

Insellimlek, Santità. Grazzi li tinsab magħna llejla. Ilbieraħ fil-Kungress int tkellimt fuq l-importanza tal-libertà reliġjuża. Kif taf, fl-istess ġurnata wasal fil-belt ukoll il-President taċ-Ċina, fejn il-preokkupazzjoni fuq din it-tema ilha sejra ħafna żmien, fuq kollox issa bil-proċess proprju ta’ dawn il-jiem kontra l-Kardinal Zen. Int tqis il-proċess kontrih bħala vjolazzjoni tal-libertà reliġjuża?

 

Il-Papa Franġisku

Biex tifhem iċ-Ċina trid seklu, u aħna ma ngħixux seklu. Il-mentalità Ċiniża hija mentalità għanja u meta timrad xi ftit, titlef l-għana, kapaċi tagħmel xi żbalji. Biex niftiehmu, aħna għażilna t-triq tad-djalogu, miftuħin għad-djalogu. Hemm kummissjoni bilaterali bejn il-Vatikan u ċ-Ċina li miexja tajjeb, bil-mod, għax ir-ritmu Ċiniż jieħu ż-żmien, huma jieħdu eternità biex jagħmlu pass: huwa poplu ta’ paċenzja bla tarf. Imma mill-esperjenza li kellna qabel – naħsbu fil-missjunarji Taljani li marru hemm u ġew irrispettati bħala xjenzati; naħsbu llum ukoll f’tant saċerdoti jew nies ta’ fidi li ġew imsejħin mill-università Ċiniża għax dan jagħti valur lill-kultura –, mhux faċli nifhmu l-mentalità Ċiniża, imma għandna nirrispettawha, jien dejjem nuri rispett. U hawn fil-Vatikan hemm kummissjoni ta’ djalogu li miexja tajjeb. Jippresediha l-Kardinal Parolin u bħalissa huwa dak li jaf l-iżjed dwar iċ-Ċina u d-djalogu Ċiniż. Hi ħaġa li tieħu ż-żmien, imma dejjem isiru passi ’l quddiem. Li nikkwalifika ċ-Ċina bħala antidemokratika, ma nħossx li għandi nagħmel dan, għax hu pajjiż iżjed kumpless, bir-ritmi tiegħu… Iva, huwa minnu li hemm ħwejjeġ li f’għajnejna ma jidhrux demokratiċi, dan hu minnu. Il-Kardinal Zen, anzjan, se jiġi ġġudikat f’dawn il-jiem, naħseb. Hu jgħidha kif iħossha, u hu ċar li hemmhekk hemm limitazzjonijiet. Iktar milli nikkwalifika, għax hu diffiċli, jien ma nħossx li għandi nikkwalifika, huma impressjonijiet; iktar milli nikkwalifika, jiena nfittex li nappoġġja t-triq tad-djalogu. Imbagħad fid-djalogu jiġu ċċarati tant affarijiet u mhux biss tal-Knisja, anki ta’ oqsma oħra. Ngħidu aħna, l-estensjoni taċ-Ċina: il-gvernaturi tal-provinċji huma kollha differenti, hemm kulturi differenti fiċ-Ċina. Hija ġgant, biex tifhem liċ-Ċina hi ħaġa ġganteska. Ma rridux nitilfu sabarna, trid ħafna paċenzja, imma rridu nimxu bid-djalogu. Jiena noqgħod lura milli nikkwalifika għax, iva, jista’ jkun, imma ejja nimxu ’l quddiem.

 

Elise Harris Allen, Crux

U Xi Jinping?

 

Il-Papa Franġisku

Hu kellu ż-żjara statali hemm, imma jien ma rajtux.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Maria Angeles Conde Mir, minn Rome Reports.

 

Maria Angeles Conde Mir, Rome Reports

Fid-Dikjarazzjoni li ffirmaw, il-Mexxejja kollha jisħqu fuq appell lill-gvernijiet u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiġu mħarsa l-persuni ppersegwitati minħabba l-etniċità jew ir-reliġjon tagħhom. B’xorti ħażina dan hu li qed jiġri fin-Nikaragwa. Nafu li int tkellimt fuq dan fil-21 ta’ Awwissu li għadda waqt l-Angelus. Imma forsi tista’ żżid xi ħaġa iżjed għall-poplu Kattoliku fuq kollox tan-Nikaragwa? Imbagħad ħaġa oħra: rajniek sew, f’dan il-vjaġġ. Nixtiequ nafu jekk intix ħa terġa’ taqbad dak il-vjaġġ li kellek tipposponi, dak il-vjaġġ fl-Afrika, u jekk hux ser ikun hemm vjaġġi oħra, jekk hemmx xi ħaġa pprogrammata.

 

Il-Papa Franġisku

Fuq in-Nikaragwa, l-aħbarijiet huma ċari, kollha. Hemm djalogu, bħalissa hemm djalogu. Saru diskussjonijiet mal-gvern, hemm id-djalogu. Dan ma jfissirx li napprovaw kulma jagħmel il-gvern jew li niddiżapprovaw kollox. le. Hemm djalogu, u meta hemm djalogu dan għax hemm bżonn jissolvew il-problemi. Bħalissa hemm il-problemi. Tal-inqas jien nistenna li s-sorijiet ta’ Madre Tereża ta’ Calcutta jerġgħu jidħlu. Dawn in-nisa huma rivoluzzjonarji qalbiena, imma tal-Vanġelu! Ma jagħmlu gwerra lil ħadd. Anzi, kollha għandna bżonn ta’ dawn in-nisa. Dan huwa ġest li ma nifhmuhx…  Imma nittamaw li jerġgħu jmorru u tissolva. Imma jrid jitkompla d-djalogu. Qatt, qatt ma għandu jieqaf id-djalogu. Hemm affarijiet li ma nifhmux. Li wieħed ipoġġi Nunzju fil-fruntiera hi ħaġa gravi diplomatikament, u n-Nunzju hu raġel tajjeb li issa ġie maħtur f’parti oħra. Dawn l-affarijiet diffiċli tifhimhom u anki biex tniżżilhom.

 

[mistoqsa li ma kinitx tinftiehem]

 

Imma mhuwiex l-uniku każ. Fl-Amerika Latina f’xi banda jew oħra hemm sitwazzjonijiet bħal dawn.

 

Il-vjaġġi: diffiċli ftit. L-irkoppa għadha ma fiqitx, imma dan li ġej se nagħmlu. Tkellimt l-aħħar darba ma’ Mons. Welby u rajna Frar bħala possibbiltà biex immur is-Sudan ta’ Isfel. U, jekk immur fis-Sudan ta’ Isfel, immur il-Kongo. Qed nippruvaw, għax irridu nagħmluh it-tlieta flimkien: il-Kap tal-Knisja Presbiterjana tal-Iskozja, Mons. Welby u jien. Għamilna laqgħa fuq iz-Zoom l-aħħar darba fuq dawn l-affarijiet, biex nirranġaw.

 

Matteo Bruni

Santità, għamilna l-ewwel dawra, hemm mistoqsijiet oħra, jekk trid… Dik li ġejja intant hi ta’ Alexey Gotovskiy ta’ Ewtn, li jgħix u jaħdem Ruma imma ġej mill-Każakistan.

 

Alexey Gotovskiy, Ewtn

Grazzi, Santità, li żort lil pajjiżna. Nixtieq nistaqsik: għall-Kattoliċi li jgħixu l-Każakistan, fejn il-kuntest hu ta’ maġġoranza Musulmana, kif nistgħu niżvolġu l-evanġelizzazzjoni f’dan il-kuntest? U hemm xi ħaġa li ispiratek meta rajt il-Kattoliċi fil-Każakistan?

 

Il-Papa Franġisku

It-tieni: ispirat, ma nafx, imma fraħt ħafna llum fil-Katidral, meta rajt il-Kattoliċi tant entużjasti, ferħana, hienja! Din hi l-impressjoni fuq il-Kattoliċi tal-Każakistan.

 

Imbagħad, il-konvivenza mal-Musulmani: hi ħaġa li fuqha qed naħdmu mhux ħażin u mxejna ’l quddiem, mhux biss fil-Każakistan. Naħsbu f’xi pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq, hemm konvivenza sabiħa, fil-Marokk ngħidu aħna. Fil-Marokk hemm djalogu pjuttost tajjeb.

 

U ħa nieqaf ftit fuq il-laqgħa reliġjuża: hemm min ikkritikaha u qalli: “Imma qed niffomentaw u nkabbru r-relattiviżmu”. X’relattiviżmu! Kulħadd qal tiegħu, kulħadd jirrispetta l-pożizzjoni tal-ieħor, imma ddjalogajna bħal aħwa. Għax, jekk ma hemmx djalogu, hemm injoranza jew gwerra. Aħjar ngħixu bħal aħwa, għandna ħaġa komuni bejnietna, aħna lkoll umani. Ngħixu bħala bnedmin, edukati tajjeb: int kif taħsibha, jiena kif naħsibha? Niftiehmu, imma nitkellmu ftit, insiru nafu lil xulxin. Ħafna drabi dawn il-gwerer imsejħa b’mod żbaljat bħala “tar-reliġjon” jiġu minħabba li ma nafux lil xulxin biżżejjed. U dan mhuwiex relattiviżmu! Jiena m’iniex niċħad il-fidi tiegħi jekk nitkellem mal-fidi tal-ieħor, anzi. Jiena nagħmel ġieħ lill-fidi tiegħi għax jismagħha xi ħadd ieħor u jien nisma’ tiegħu. Ammirajt ħafna li pajjiż hekk żagħżugħ, b’tant problemi – il-klima, ngħidu aħna –kien kapaċi jagħmel seba’ edizzjonijiet ta’ laqgħa ta’ din ix-xorta: laqgħa dinjija, ma’ Lhud, Insara, Musulmani, reliġjonijiet Orjentali… Mal-mejda stajt tilmaħ lil kulħadd jitkellem u jisma’ lil xulxin b’rispett. Din hi waħda mill-affarijiet tajbin li għamel pajjiżek. Pajjiż bħal dan, xi ftit – aħna ngħidu – fir-rokna tad-dinja, isejjaħ laqgħa bħal din. Din hi l-impressjoni li tani. Imbagħad il-belt, kif kont qed ngħid, hi ta’ ġmiel arkitettoniku tal-prima klassi. U anki t-tħassib tal-Gvern: laqtuni tant preokkupazzjonijiet kulturali tal-President tas-Senat: hu organizza din il-laqgħa, imma mbagħad sab il-ħin biex ilaqqagħna ma’ kantant żagħżugħ: “Għandek tiltaqa’ ma’ dan iż-żagħżugħ miftuħ għall-kultura”. Dan ma kontx qed nistennieh u fraħt li sirt nafkom.

 

Alexey Gotovskiy, Ewtn

Grazzi, dejjem ħossok milqugħ, milqugħ dejjem fil-Każakistan!

 

Matteo Bruni

L-aħħar mistoqsija minn Rudolf Gehrig, tal-Ewtn.

 

Rudolf Gehrig, Ewtn

Grazzi, Santità, grazzi ta’ kollox. Santità, ħafna Knejjes fl-Ewropa, bħal dik Ġermaniża, qed jitilfu ħafna nies: iż-żgħażagħ ma jidhirx li għadhom iridu jiġu l-quddiesa tal-Ħadd. Kemm tħassbek din it-tendenza u x’tixtieq tagħmel? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Minn banda hu minnu, minn banda relattiv. Huwa minnu li l-ispirtu ta’ sekularizzazzjoni, ta’ relattiviżmu, ipoġġi f’diskussjoni dawn l-affarijiet, hu minnu. Dak li għandna nagħmlu, qabelxejn, hu li nkunu koerenti mal-fidi tagħna. Naħsbu ftit: jekk int isqof jew qassis li m’intix koerenti, iż-żgħażagħ ixommuk: “Ċaw!”. Meta Knisja, tkun liema tkun, f’xi pajjiż jew f’settur tagħha, iżjed ħsiebha fil-flus, fl-iżvilupp, fil-pjanijiet pastorali u mhux fil-pastorali, u timxi f’dik id-direzzjoni, dan ma jiġbidx nies. Meta jiena tliet snin ilu ktibt dik l-ittra lill-poplu Ġermaniż, kien hemm ragħajja li ppubblikawha, imma jiddependi mill-persuna. Jiġifieri, meta r-ragħaj hu qrib tan-nies, dan jgħid: “Il-poplu għandu jkun jaf kif jaħsibha l-Papa”. Nemmen li r-ragħajja għandhom jimxu ’l quddiem, imma jekk ir-ragħajja tilfu r-riħa tan-nagħaġ u n-nagħaġ tilfu r-riħa tar-ragħajja, ma nimxux.

 

Xi drabi – qed ngħid għal kulħadd, b’mod ġenerali, mhux għall-Ġermanja, għal kulħadd – naħsbu kif ħa nġeddu, kif ħa nagħmlu iktar moderna l-pastorali: dan hu tajjeb, imma dejjem irid ikun f’idejn ragħaj. Jekk il-pastorali tkun f’idejn ix-“xjenzati” tal-pastorali, li jagħtu l-opinjonijiet tagħhom hawn u x’għandu jsir hemm… Ġesù l-Knisja għamilha bir-ragħajja, mhux bil-gwidi politiċi. Għamel il-Knisja b’nies injoranti: it-Tnax kienu wieħed iktar injorant mill-ieħor u l-Knisja mxiet ’il quddiem, għaliex? Bix-xamma, ix-xamma tal-merħla mar-ragħaj u tar-ragħaj mal-merħla. Din hi l-ikbar relazzjoni li jiena nara meta jkun hemm kriżi f’xi post, provinċja, ma nafx, tkun xi tkun. Nistaqsi: ir-ragħaj hu f’kuntatt, hu qrib tal-merħla? Din il-merħla għandha ragħaj jew le? Il-problema huma r-ragħajja. Fuq dan ippermettili nissuġġerilek taqra l-kummentarju ta’ Santu Wistin [għal Eżekjel 34] fuq ir-ragħajja: taqrah f’siegħa, imma hu fost l-egħref ħwejjeġ li nkitbu għar-ragħajja; u b’dan int tista’ tikkwalifika dan jew dak ir-ragħaj. Mhux nimmodernizzaw irridu. Iva, irridu naġġornaw il-metodi, dan iva, veru, imma jekk tonqos il-qalb tar-ragħaj l-ebda pastorali ma taħdem. L-ebda waħda.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku

Jien nirringrazzja ħafna lilkom tal-paċenzja, tal-għajnuna tagħkom, u nawguralkom ċelebrazzjoni tajba ta’ għeluq snin Stefania u l-vjaġġ it-tajjeb. Grazzi ħafna, grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard