VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KAŻAKISTAN

(13–15 TA’ SETTEMBRU 2022)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Pjazzal tal-Expo (Nur-Sultan)

L-Erbgħa 14 ta’ Settembru 2022

 

Is-salib huwa patibolu tal-mewt, imma f’dan il-jum ta’ festa qed niċċelebraw l-eżaltazzjoni tas-Salib ta’ Kristu. Għax fuq dik l-għuda Ġesù ħa fuqu d-dnub tagħna u l-ħażen tad-dinja, u rebaħ fuqhom bl-imħabba tiegħu. Illum għalhekk qed niffesteġġjaw. Il-Kelma ta’ Alla li smajna tirrakkontahulna dan, waqt li tlaqqa’ kontra xulxin, minn naħa, is-sriep li jigdmu u, mill-oħra, is-serp li jsalva. Ejjew nieqfu fuq dawn iż-żewġ xbihat.

 

Qabelxejn is-sriep li jigdmu. Dawn jattakkaw lill-poplu, li għall-elf darba waqa’ fid-dnub tat-tgergir. Tgerger kontra Alla jfisser mhux biss titkellem ħażin u tilmenta minnu; ifisser, iżjed fil-fond minn hekk, li fil-qalb tal-Lhud naqset il-fiduċja fih, fil-wegħda tiegħu. Fil-fatt, il-poplu ta’ Alla kien miexi fid-deżert lejn l-Art Imwiegħda u kien mifni bl-għeja, ma setax jissaporti iżjed il-vjaġġ (ara Num 21:4). Allura jaqtgħu qalbhom, jitilfu t-tama, u f’ċertu punt bħal donnu jinsew il-wegħda tal-Mulej: dawk in-nies ma kienx fadlilhom is-saħħa jemmnu li huwa hu li jmexxihom fi triqthom lejn art għanja u għammiela.

 

Mhux b’kumbinazzjoni li, xħin għebet il-fiduċja li kellu f’Alla, il-poplu safa migdum minn sriep li joqtlu. Dawn ifakkru fl-ewwel serp li dwaru titkellem il-Bibbja fil-ktieb tal-Ġenesi, it-tentatur li javvelena l-qalb tal-bniedem biex iġagħlu jiddubita minn Alla. Fil-fatt ix-xitan, proprju taħt il-bixra ta’ serp, isaħħar warajh lil Adam u lil Eva, joħloq fihom sens ta’ taqtigħ il-qalb u jikkonvinċihom li Alla mhuwiex tajjeb, anzi hu għajjur għal-libertà u l-ferħ tagħhom. U issa, fid-deżert, jerġgħu jiġu s-sriep, “sriep velenużi” (v. 6); jiġifieri jirritorna d-dnub oriġinali: il-Lhud iddubitaw minn Alla, ma fdawhx fih, gergru, irribellaw kontra dak li tahom il-ħajja, u hekk imxew lejn il-mewt. Araw fejn iwassal il-qtigħ il-qalb!

 

Għeżież ħuti, din l-ewwel parti tar-rakkont titlobna nħarsu mill-qrib lejn il-mumenti tal-istorja personali u komunitarja tagħna fejn naqset fina l-fiduċja, fil-Mulej u bejnietna. Kemm drabi, qalbna maqtugħa u bla sabar, inxifna fid-deżertijiet tagħna, u ma bqajniex naraw id-destinazzjoni tal-mixja tagħna! Anki f’dan il-pajjiż kbir hemm id-deżert li, waqt li joffri pajsaġġ mill-isbaħ, ikellimna wkoll fuq dik l-għeja, fuq dik in-nixfa li xi drabi nġorru fil-qalb tagħna. Huma l-mumenti tal-għeja u tal-prova, li fihom ma jibqgħalniex saħħa nħarsu ’l fuq, lejn Alla; huma s-sitwazzjonijiet ta’ ħajja personali, ekkleżjali u soċjali li fihom niġu migduma mis-serp tal-qtigħ il-qalb, li jinjetta fina l-veleni tad-diżillużjoni u tal-qtigħ il-qalb, tal-pessimiżmu u tar-rassenjazzjoni, fejn ningħalqu fina nfusna, u jitfi l-entużjażmu.

 

Imma fl-istorja ta’ din l-art ma naqsux gidmiet oħra koroh: jiġu f’moħħi s-sriep velenużi tal-vjolenza, tal-persekuzzjoni ateista, mixja xi drabi mqallba li tulha ġiet mhedda l-libertà tal-poplu u midruba d-dinjità tiegħu. Nagħmlu sew li nħarsu t-tifkira tat-tbatija kollha li għaddejna minnha: ma hemmx għalfejn inqaċċtu mill-memorja ċerti mumenti mudlama, inkella jista’ jkun hemm min jaħseb li dak kollu għadda u li l-mixja tat-tajjeb hi mħażża darba għal dejjem. Le, il-paċi qatt ma hi miksuba darba għal dejjem, imma rridu nirbħuha ta’ kuljum, l-istess kif irridu nagħmlu bil-konvivenza bejn il-gruppi etniċi u t-tradizzjonijiet reliġjużi differenti, l-iżvilupp integrali, il-ġustizzja soċjali. U biex il-Każakistan ikompli jikber iżjed “fil-fraternità, fid-djalogu u fil-komprensjoni […] biex nibnu pontijiet ta’ koperazzjoni solidali mal-popli, in-nazzjonijiet u l-kulturi l-oħra” (San Ġwanni Pawlu II, Diskors fiċ-ċerimonja ta’ merħba, 22 ta’ Settembru 2001), hemm bżonn tal-impenn ta’ kulħadd. Qabelxejn, hemm bżonn ta’ att imġedded ta’ fidi fil-Mulej: li nħarsu ’l fuq, inħarsu lejh, nitgħallmu mill-imħabba universali u misluba tiegħu.

 

Niġu għalhekk għat-tieni xbieha: is-serp li jsalva. Waqt li l-poplu kien qed imut minħabba s-sriep velenużi, Alla sema’ t-talba ta’ interċessjoni ta’ Mosè u qallu: “Agħmel serp tal-bronż velenuż, u arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix” (Num 21:8). Fil-fatt, “ġara li kull min kien jigdmu s-serp kien iħares lejn is-serp tal-bronż, u kien ifiq u jgħix” (v. 9). Imma xorta waħda nistgħu nistaqsu: għaliex Alla, flok ta dawn l-istruzzjonijiet lil Mosè fuq x’kellu jagħmel, ma qabadx u qered is-sriep velenużi? Dan il-mod ta’ Alla jurina kif hu jġib ruħu quddiem il-ħażen, id-dnub u umanità li ma tafdax fih. Issa bħal dakinhar, fil-battalja spiritwali kbira li għaddejja minnha l-istorja sal-aħħar taż-żmien, Alla ma jeqridx il-bassezzi li warajhom il-bniedem jiġri minn jeddu: is-sriep velenużi ma għebux, għadhom hawn, moħbija, dejjem jistgħu jigdmuna. Allura xi nbidel, x’jagħmel Alla?

 

Ġesù dan jispjegah fil-Vanġelu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:14-15). Din hi l-iżvolta: wasal fostna s-serp li jsalva: Ġesù li, merfugħ fuq l-għuda tas-salib, ma jħallix lis-sriep velenużi li qed jaħbtu għalina jwassluna għall-mewt. Quddiem il-bassezzi tagħna, Alla jagħtina altezza ġdida: jekk inżommu ħarsitna fuq Ġesù, il-gidmiet tal-ħażen ma jkunux jistgħu jaħkmuna, għaliex hu, fuq is-salib, ħa fuqu l-velenu tad-dnub u tal-mewt u rebaħ fuq il-qawwa qerrieda tiegħu. Dan hu li għamel il-Missier quddiem il-ħażen li jixtered fid-dinja; tana lil Ġesù, li ġie qrib tagħna b’mod li qatt ma stħajjilna: “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21). Dan huwa l-kobor bla tarf tal-ħniena divina: Ġesù li “sar dnub” għall-ġid tagħna, Ġesù li fuq is-salib – nistgħu ngħidu – “sar serp” biex, meta nħarsu lejh, nistgħu nirreżistu l-gidmiet velenużi tas-sriep ħżiena li jaħbtu għalina.

 

Ħuti, din hija t-triq, it-triq tas-salvazzjoni tagħna, tat-twelid tagħna mill-ġdid u tal-qawmien tagħna: inħarsu lejn Ġesù msallab. Minn dak l-għoli nistgħu naraw il-ħajja tagħna u l-istorja tal-popli tagħna b’mod ġdid. Għax mis-Salib ta’ Kristu nitgħallmu l-imħabba, mhux il-mibegħda; nitgħallmu l-ħniena, mhux l-indifferenza; nitgħallmu l-maħfra, mhux il-vendetta. Id-dirgħajn miftuħa ta’ Ġesù huma t-tgħanniqa ta’ ħlewwa li biha Alla jrid jilqagħna għandu. U juruna l-fraternità li aħna msejħin ngħixu bejnietna u ma’ kulħadd. Juruna t-triq, it-triq Nisranija: mhux dik tal-impożizzjoni u tal-imġiegħla, tas-setgħa u tar-rilevanza, qatt dik li tipponta s-salib ta’ Kristu kontra aħwa oħra li għalihom hu ta ħajtu! Hija oħra t-triq ta’ Ġesù, it-triq tas-salvazzjoni: hija t-triq tal-imħabba umli, b’xejn u universali, mingħajr “jekk” u mingħajr “imma”.

 

Iva, għax fuq l-għuda tas-salib Kristu neħħa l-velenu mis-serp tal-ħażen, u li nkunu Nsara jfisser ngħixu bla veleni: ma nigdmux lil xulxin, ma ngergrux, ma nakkużawx, ma npaċpċux fuq xulxin, ma nxerrdux opri ta’ ħażen, ma nniġġsux id-dinja bid-dnub u bil-qtigħ il-qalb li ġej mill-Ħażin. Ħuti, aħna mwielda mill-ġdid mill-kustat miftuħ ta’ Ġesù fuq is-salib: ħalli ma jkun hemm fina ebda semm ta’ mewt (ara Għerf 1:14). Anzi, nitolbu biex bil-grazzja ta’ Alla nistgħu nsiru dejjem iżjed Insara: xhieda hienja ta’ ħajja ġdida, ta’ mħabba, ta’ paċi.

 

___________________________

 

Radd il-ħajr fi tmiem il-quddiesa

 

Grazzi, Mons. Peta, tal-kelmtejn tiegħek, grazzi tal-impenn kollu fit-tħejjijiet għal din iċ-Ċelebrazzjoni u ż-żjara tiegħi. Nixtieq hawn inġedded ir-rikonixximent minn qalbi lejn l-Awtoritajiet ċivili u reliġjużi tal-pajjiż. Insellem lilkom kollha, ħuti, b’mod partikulari dawk li ġejtu minn pajjiżi oħra tal-Asja ċentrali u minn partijiet imbiegħda ta’ din l-art immensa. Inbierek minn qalbi lill-anzjani u l-morda, it-tfal u ż-żgħażagħ.

 

Illum, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes, inħossuna spiritwalment magħquda mas-Santwarju nazzjonali tas-Sultana tal-Paċi ta’ Oziornoje. Mons. Tomash fakkarna li hemm jinsab salib kbir, li fuqu fost l-oħrajn hemm miktub: “Gratitudni lill-poplu tal-Każakistan” u “paċi lill-bnedmin”. Il-gratitudni lejn il-Mulej għall-poplu qaddis ta’ Alla li jgħix f’dan il-pajjiż kbir tingħaqad ma’ dik lejn l-impenn tiegħu biex jippromovi d-djalogu, u tinbidel f’invokazzjoni ta’ paċi, paċi li għaliha d-dinja tagħna hi għatxana.

 

Jiġuni f’moħħi l-postijiet kollha mifnija mill-gwerra, fuq kollox fl-għażiża Ukrajna. Ejjew ma nidrawx il-gwerra, ma nirrassenjawx ruħna li ma tistax tiġi evitata. Ngħinu lil min qed ibati u nisħqu biex nippruvaw tassew naslu għall-paċi. Xi jrid jiġri iżjed, kemm imwiet irridu naraw qabel ma t-tilwim iċedi postu lid-djalogu għall-ġid tan-nies, tal-popli u tal-umanità? L-unika triq biex noħorġu minn dan hija l-paċi u l-unika triq biex naslu għaliha hija tad-djalogu. Smajt bi preokkupazzjoni li f’dawn is-sigħat reġgħet tkebbset it-tensjoni fir-reġjun tal-Kawkasu. Inkomplu nitolbu biex, anki f’dawn it-territorji, fuq il-ġlied jirbaħ il-konfront paċifiku u l-ftehim. Ħa titgħallem id-dinja tibni l-paċi, anki billi tillimita l-ġirja għall-armamenti u tibdel l-infiq esaġerat tal-gwerra f’għajnuniet konkreti lill-popli. Grazzi lil dawk kollha li jemmnu f’dan, grazzi lilkom u lil dawk kollha li huma messaġġiera tal-paċi u tal-għaqda!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard