VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
fil-KAZAKHSTAN
 
(13 - 15
ta’ SETTEMBRU, 2022)

FTUĦ TAS-SESSJONI PLENARJA “TAS-VII KUNGRESS TAL-MEXXEJJA TAD-DINJA U TAT-TRADIZZJONIJIET RELIĠJUŻI”

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

"Palazz tal-Indipendenza" (Nur-Sultan)
L-Erbgħa, 14 ta’ Settembru, 2022

 

Ħuti!

Ippermettuli nindirizzakom b’dal-kliem dirett u familjari: ħuti.  Hekk nixtieq insellmilkom, Kapijiet reliġjużi u Awtoritajiet, membri tal-Korp Diplomatiku u tal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, Rappreżentanti tal-istituzzjonijiet akkademiċi u kulturali, tas-soċjetà ċivili u ta’ organizzazzjonijiet varji mhux governattivi, f’isem dik il-fratellanza li tgħaqqadna lkoll flimkien għax aħna ulied tal-istess Sema.

Quddiem il-misteru tal-infinit li jidommina u jiġbidna lejh, ir-reliġjonijiet ifakkruna li aħna ħlejjaq: m’aħniex omnipotenti, imma nisa u rġiel f’mixja li lkoll teħodna lejn destinazzjoni ċelesti.  B’hekk, il-ħolqien li lilna jgħaqqadna lkoll huwa wkoll komunanza, fraternità vera.  Ifakkarna li s-sens tal-ħajja ma nistgħux nirriduċuh għall-interessi personali, imma hu mnaqqax fil-fratellanza li tiddistigwina.  Aħna nikbru biss mal-oħrajn u grazzi għall-oħrajn.  Għeżież Mexxejja u Rappreżentanti tar-reliġjonijiet mondjali u tradizzjonali, ninsabu f’art li tulha terrqu karwani kbar: f’dawn l-imkejjen, u wkoll tul it-triq ‘tal-ħarir’, intisġu flimkien bosta stejjer, ideat, fidi u tamiet.  Jalla l-Kazakhstan ikun għal darb’oħra triq ta’ laqgħa msejsa fuq ir-relazzjonijiet umani: fuq ir-rispett, fuq l-onestà fid-djalogu, fuq il-valur imprexxindibbli ta’ kull wieħed u waħda, fuq il-kollaborazzjoni; triq fraterna biex nimxu flimkien lejn il-paċi.

Ilbieraħ ħadt bħala tixbiha d-dombra; illum, ma’ dan l-istrument mużikali nixtieq ngħaqqad leħen ieħor, dak tal-poeta l-aktar ċelebri tal-pajjiż, missier il-letteratura moderna, edukatur u kompożitur li spiss naraw ix-xbieha tiegħu flimkien mad-dombra.  Abai (1845-1904), kif inhu magħruf popolarment.  Ħallielna kitbiet mirfudin bir-reliġjożità, li jikxfu l-aħjar qalb ta’ dal-poplu: għerf armonjuz, li jixtieq il-paċi u t-tiftix hu u jinterroga lilu nnifsu bl-umiltà, jixxennaq għal għerf dejnu tal-bniedem, qatt magħluq f’viżjonijiet dojoq u limitati, imma miftuħ biex il-bosta esperjenzi jispirawh.  Abai jipprovokana b’mistoqsija li ma tmut qatt: “X’inhi hi s-sbuħija tal-ħajja, jekk ma nidħlux fil-fond tagħha?” (Poeżija, 1898).  Poeta ieħor kien jistaqsi lilu nnifsu x’sens għandha l-eżistenza, u fuq fomm ragħaj ta’ dawn l-artijiet bla tarf tal-Asja jqiegħed mistoqsija daqstant ieħor essenzjali: “Lejn xiex miexi dan it-timriħ qasir tiegħi?” (Giacomo Leopardi, Għanjet ragħaj li jimraħ fl-Asja).  Mistoqsijiet bħal dawn iqanqlu fina l-ħtieġa tar-reliġjon, ifakkruna li aħna l-bnedmin umani ma neżistux qiesu rridu nissodisfaw interessi tad-dinja u biex ninsġu relazzjonijiet ta’ natura ekonomika biss, daqskemm biex nimxu flimkien bħala vjaġġaturi b’ħarsitna lejn is-Sema.  Għandna bżonn insibu sens għal dawn il-mistoqsijiet eskatoloġiċi, nikkultivaw l-ispiritwalità. Għandna bżonn, kien jgħid Abai, li nżommu “ruħna mqajma u moħħna ċar” (Parola 6).

Ħuti, id-dinja tistenna minna l-eżempju ta’ ruħ imqajma u moħħ ċar, tistenna minna reliġjożità awtentika.  Waslet is-siegħa li ninfatmu minn dak il-fundamentaliżmu li jniġġes u jgħerri kull kredu, is-siegħa li qalbna tkun ċara u ħanina.  Iżda hi s-siegħa wkoll li d-diskorsi, li għal wisq żmien, hawn u f’postijiet oħra daħħlu suspett u disprezz rigward ir-reliġjon qiesu li din kienet fattur li jiddestabilizza s-soċjetà moderna, inħalluhom biss għall-kotba tal-istorja. 

F’dawn il-postijiet magħruf biżżejjed il-wirt tal-atejiżmu tal-istat, li għal għexieren ta’ snin kien madmad, dik il-mentalità oppressiva, li toħnoq, li minħabba fiha l-użu biss tal-kelma ‘reliġjon’ kien ikun ta’ saram.  Fir-realtà, ir-reliġjonijiet mhumiex problemi imma parti mis-soluzzjoni għal-konvivenza armonjuża.  It-tfittxija għat-traxxendenza u għall-valur sagru tal-fraternità, infatti, jistgħu jispiraw u jdawlu l-għażliet li jittieħdu fil-kuntest tal-kriżijiet ġeo-politiċi, soċjali, ekonomiċi, ekoloġiċi, iżda wkoll, fundamentalment spiritwali, li jgħakksu lil bosta istituzzjonijiet moderni, lid-demokraziji wkoll, u li jqegħedu f’periklu s-sigurtà u l-armonija bejn il-popli.  Għalhekk għandna bżonn tar-reliġjon, biex tkun tweġiba għall-għatx tal-paċi tad-dinja u għall-għatx tal-infinit li jgħammar fil-qalb ta’ kull bniedem.

Minħabba f’hekk, il-kundizzjoni essenzjali biex iseħħ żvilupp verament uman u integrali hi l-libertà reliġjuża.  Ħuti rġiel, ħuti nisa, aħna kreaturi ħielsa.  Il-Ħallieq tagħna “warrab minħabba fina”, biex ngħidu hekk “illimita” l-libertà assoluta tiegħu biex lilna wkoll jagħmilna ħlejjaq ħielsa.  Allura kif nistgħu nimponu ruħna fuq ħutna l-oħra f’ismu?  “Filwaqt li nemmnu u naduraw – kien jgħallem Abai – ma nistgħux ngħidu li nistgħu inġagħlu  lill-oħrajn jemmnu u jaduraw” (Parola 45).  Il-libertà reliġjuża hi dritt fundamentali, primarju u inaljenabbli, u hemm bżonn insaħħuha kullimkien għax din ma tistax tibqa’ limitata biss bħala libertà tal-kult.  Infatti hu dritt ta’ kull persuna li tagħti xhieda ta’ twemminha pubblikament: jipproponi bla ma qatt jimponi.  Hu t-tħaddim tajjeb tal-bxara, li hi ħaġa differenti mill-prożelitiżmu u l-indottrinament li kulħadd imsejjaħ jibqa’ bogħod minnhom.  Lis-soċjetà nkunu qed inneħulha għana bla qies jekk l-aktar ħaġa importanti, l-istqarrija ta’ dak li nemmnu, nirrelegawha għall-isfera privata.  Għall-kuntrarju l-ambjenti fejn in-nifs li nieħdu jkun jirrispetta l-konvivenza tad-diversità reliġjuża, etnika u kulturali jkun l-aħjar mod biex jisseddqu l-aspetti speċifiċi ta’ kulħadd, jgħaqqdu l-bnedmin flimkien bla ma jagħmluhom kollha l-istess, imexxi ‘l quddiem l-aspirazzjonijiet l-aktar għolja bla ma jmewtilhom l-entużjażmu.

Dan hu, flimkien mal-valur immortali tar-reliġjon, il-valur attwali, li minn għoxrin sena ‘l hawn il-Kazakhstan jippromwovi b’mod ammirevoli, meta jilqa’ għandu dal-Kungress ta’ importanza dinjija.  L-edizzjoni tal-lum iġġagħalna nirriflettu dwar ir-rwol tagħna fl-iżvilupp spiritwali u soċjali tal-umanità f’daż-żmien ta’ wara l-pandemija.

Il-pandemija, bejn il-vulnerabbiltà u l-kura hija l-ewwel mill-erba’ sfidi globali  li rrid nipproponi u li hi sejħa għal kulħadd – imma r-reliġjonijiet b’mod speċjali – biex tikber l-għaqda fl-għanijiet.  Il-Covid-19 ġabna lkoll fuq l-istess livell.  Ġagħlitna nifhmu li, kif kien jgħid Abai, aħna “m’aħniex demiurgi (ħallieqa), iżda mortali” (ibid.): ilkoll indunajna kemm aħna fraġli, ilkoll ħassejna l-ħtieġa li jkollna l-għajnuna; ħadd ma kien awtonomu għal kollox, ħadd ma kien awtosuffiċjenti għal kollox.  Però issa m’għandniex naħlu l-ħtieġa tas-solidarjetà li ħassejna u nibqgħu għaddejjin qiesu ma ġara xejn, bla ma nħossuna ċċalinġjati mill-esiġenza li naffrontaw dak kollu li hu urġenti u li jolqot li kulħadd.  Ir-reliġjonijiet m’għandhomx ikunu indifferenti għal dan: għandhom sejħa li jkunu minn ta’ quddiem nett, li jipprowovu l-għaqda quddiem il-provi għax hemm riskju li jkomplu jkabbru l-firda fi ħdan il-familja umana.

Partikolarment f’dan, hu dmirna, aħna lil nemmnu fid-Divin, ngħinu lil aħwa rġiel u nisa ta’ żmienna biex ma jinsewx il-vulnerabbiltà karatteristika tagħna: biex ma naqgħux fil-prużunzjoni falza li aħna omnipotenti aspett imqanqal fina mill-progress tekniku u ekonomiku, li waħdu mhux biżżejjed; biex ma ninqabdux fix-xibka tal-profitt u tal-qligħ, qieshom dawn huma d-duwa għall-mard kollu; biex ma nissaportjawx żvilupp insostenibbli li ma jirrispettax il-limitazzjonijiet li jimponi fuqna l-ħolqien innifsu; biex ma nħallux il-konsumiżmu li jistordi, jilluppjana; għax il-ġid hu għall-bniedem mhux il-bniedem għall-ġid.  Insomma, il-vulnerabbiltà komuni, li feġġet fi żmien il-pandmija, għandha tixprunana biex ma nibqgħux mexjin bħal qabel, imma b’umiltà akbar u b’miri aktar għat-tul.

Minbarra li jissensibilizzaw ruħhom dwar id-dgħufija u r-reponsabbiltà, dawk li jemmnu, f’daż-żmien ta’ wara l-pandemija huma msejħin ukoll għall-kura: biex jieħdu ħsieb l-umanità fid-dimensjonijiet kollha tagħha u hekk isiru artiġjani tal-għaqda – intenni l-kelma: artiġjani tal-għaqda -, xhieda ta’ kollaborazzjoni li tegħleb il-ħitan tal-appartenenzi personali komunitarji, etniċi, nazzjonali u reliġjużi.  Imma kif se nagħtu bidu għal missjoni tant iebsa?  Mnejn se nibdew?  Mis-smigħ tal-aktar dgħajfa, nagħtu leħen lill-aktar fraġli, li nkunu eku ta’ solidarjetà globali li tilħaq lilhom qabel kokllox, il-foqra, dawk fil-bżonn li huma l-aktar li batew minħabba l-pandemija, li ħarġet fil-beraħ b’mod prepotenti l-kruha tan-nuqqas ta’ ugwaljanza planetarja.  Kemm hemm min, illum, m’għandux aċċess faċli għall-vaċċin, kemm hemm minnhom!  Inkunu magħhom, mhux ma’ min għandu ħafna u l-anqas li jagħti; insiru kuxjenzi profetiċi u kuraġġużi, insiru proxxmu ma’ kulħadd imma speċjalment mal-bosta li llum huma minsijin, mal-emarġinati, mal-oqsma l-aktar dgħajfa u foqra tas-soċjetà, ma’ dawk li fil-moħbi jbatu, bogħod mill-attenzjoni.  Dak li qed nipproponielkom mhux biss triq biex inunu aktar sensibbli u solidali, imma mixja ta’ fejqan għas-soċjetajiet tagħna.  Iva, għax hu propju l-faqar estrem li minħabba fih jinfirxu bla rażan l-epidemiji u l-hemm kbir l-ieħor u joktru sfiq fejn hemm l-għaks u n-nuqqas ta’ ugwaljanza.  Il-fattur ta’ riskju ewlieni ta’ żmienna dejjem jibqa’ l-faqar.

Dak li qed nipproponielkom mhux biss triq biex inkunu aktar sensibli u solidali, imma mixja ta’ fejqan għas-soċjetajiet tagħna.  Iva għax hi propju l-indiġenza (il-faqar estrem) li minħabba fiha jinfirxu l-epidemiji u l-ħsarat kbar l-oħra kollha li jkattru bla rażan in-niket u n-nuqqas ta’ ugwaljanza.  L-akbar fattur ta’ riskju fi żmienna dejjem jibqa’ l-faqar.  Rigward dan Abai, b’għerf, kien jistaqsi lilu nnifsu: Min hu bil-ġuħ jista’ jkollu moħħ ċar... u juri bżulija fl-istudju?”  Il-faqar u t-tilwim... jiġġeneraw... vjolenza u regħba” (Parola 25).  Sakemm tibqa’ l-furja tad-disparità u l-inġustizzja, qatt ma jistgħu jgħibu l-agħar virus tal-Covid: dawk tal-mibgħeda, tal-vjolenza, tat-terroriżmu.

U dan iwassalna għat-tieni sfida planetarja li tisfida b’mod partikolari lil min jemmen: l-isfida tal-paċi.  Dawn l-aħħar għexieren ta’ snin id-djalogu bejn min hu responsabbli mir-reliġjonijiet dejjem baqa’ jdur madwar das-suġġett.  Madankollu jiemna għandna narawhom immarkati bil-pjaga tal-gwerra, minn klima ta’ dibattitu eżasperat, nuqqas ta’ ħila li wieħed jagħmel pass lura u jnewwel idu lill-ieħor.  Hemm bżonn ta’ theżżiża, u. ħuti, hemm bżonn li din nibdewha aħna.  Jekk il-Ħallieq, li lilu niddedikaw l-eżistenza tagħna, ta bidu għall-ħajja umana, kif nistgħu aħna, li nistqarru li nemmnu, naċċettaw il-qerda tagħha?  U kif nistgħu naħsbu li l-bnedmin ta’ żmienna, li bosta minnhom jgħixu qiesu Alla ma jeżistix, isibu l-istimolu biex jidħlu b’impenn fi djalogu rispettuż u responsabbli jekk ir-reliġjonijiet, li huma r-ruħ ta’ tant kulturi u tradizzjonijiet,  ma jimpenjawx ruħhom attivament għall-paċi?

Bil-fakra ta’ tant orruri tal-imgħoddi, ejjew nghaqqdu l-isforzi tagħna sabiex l-Omnipotenti qatt aktar ma jsir ostaġġ tar-rieda u s-setgħa umana.  Abai ifakkar li “dak li jiffavorixxi l-ħażen u ma jopponix il-ħażen ma jistax jitqies li għandu t-twemmin verament, imma, forsi l-aktar, li hu ta’ twemmin biered” (cfr Parola 38).  Ħuti, hemm bżonn, għal kulħadd u għall kull wieħed u waħda, tisfija mill-ħażen.  Il-kbir poeta Abai kien jinsisti ħafna fuq dan l-aspett, u kiteb illi “min jitbiegħed mit-tagħlim ikun qed iċċaħħad minn barka” u “min mhux strett miegħu nnifsu u bla ħila li jħenn, ma jistax jitqies bħala bniedem li jemmen” (Parola 12).  Ħuti, ejjew nissaffew mill-prużunzjoni li nħossuna ġusti u li m’għandna xejn x’nitgħallmu mill-oħrajn; ejjew ninħelsu minn dawk il-kunċetti riduttivi u ta’ rvina li joffendu isem Alla minħabba l-ebusija, l-estremiżi u l-fundamentaliżmi, li jipprofanawh permezz tal-mibgħeda, il-fanatiżmu u t-terroriżmu, u b’hekk jisfiguraw ukoll ix-xbieha tal-bniedem.  Iva, għax “l-għejjun tal-umanità – ifakkar Abai – huma l-imħabba u l-ġustizzja.... dawn huma l-girlanda tal-ħolqien divin” (Parola 45).  Qatt m’għandna niġġustifikaw il-vjolenza.  M’għandniex inħallu li dak li hu sagru jkun strumentalizzat minn dak li hu profan.  Is-sagru m’għandux ikun l-irfid tas-setgħa u s-setgħa m’għandiex tintrifed mis-sagralità!

Alla huwa paċi u jmexxi dejjem lejn il-paċi, qatt lejn il-gwerra.  Għalhekk ejjew nimpenjaw ruħna b’aktar qawwa biex ninkoraġġixxu u nsaħħu l-ħtieġa li l-kunflitti ma jissolvewx bir-raġunijiet tal-forza li huma dejjem inkonkludenti, bl-armi u t-theddid, imma bil-mezzi ewlenin u mberkin mis-Sema u denji tal-bniedem: il-laqgħa, id-djalogu, id-diskussjoni paċenzjuża, li jibqgħu jsiru b’fehma partikolari lejn it-tfal u l-ġenerazzjonijiet żgħażugħa.  Huma jinkarnaw it-tama li l-paċi ma tkunx riżultat dgħajjef ta’ negozjati milħuqin b’ħafna tbatija, imma frott ta’ impenn edukattiv u kostanti, li jippromwovi l-ħolm tagħhom ta’ żvilupp u ta’ futur.  F’das-sens, Abai, kien iħeġġeġ li t-tagħlim għandu jitwessa’, li għandna mmorru ‘l hinn mill-konfini tal-kultura propja, li nħaddnu l-għerf, l-istorja u l-letteratura tal-oħrajn.  Jekk jogħġobkom, ejjew ninvestu f’dan: mhux fl-armamenti, imma fl-istruzzjoni!

Wara dawk tal-pandemija u tal-paċi, nilqgħu issa t-tielet sfida, dik tal-akkoljenza fraterna.  Illum id-diffikultà li naċċettaw il-bniedem hi piż kbir.  Ta’ kuljum trabi fil-ġuf u tfal, migranti u anzjani, jisfgħu skartati.  Teżisti l-kultura tal-iskart.  Tant ħutna jmutu sagrifikati fuq l-altar tal-profitt, imdawrin bl-inċens sagrilegu tal-indifferenza.  Madankollu kull bniedem hu sagru. “Homo sacra res homini”, kienu jgħidu l-antiki (Seneca, Epistulae morales ad Lucilium, 95,33): qabel kollox hu dmir tagħna, tar-reliġjonijiet, li nfakkru dan lid-dinja!  Qatt qabel daż-żmien ma rajna popolazzjonijiet sħaħ jitilqu djarhom u artijiethom minħabba l-gwerer, il-faqar, it-tibdil fil-klima, ifittxu ħajja xierqa li d-dinja globalizzata itihom ċans jaraw, imma li spiss ikun diffiċli għalihom jaslu għaliha.  Bħalissa għaddej esodu kbir: miż-żoni neqsin minn kollox in-nies qed jippruvaw jaslu fejn hemm għana akbar.  Naraw dan kuljum, fil-migrazzjonijiet diversi li hawn fid-dinja.  Dan mhux fatt ta’ xi aħbar, huwa fatt storiku li jitlob soluzzjonijiet maqbula u li jimmiraw fil-bogħod.  Ċertament hu istint naturali li wieħed jiddefendi s-sigurtajiet tiegħu u jagħlaq il-bibien minħabba l-biża’; aktar ħafifa li tissuspetta fil-barrani, takkużah u tikkundannah pjuttost milli ssir tafu u tifhmu.  Imma hu dmir tagħna niftakru li l-Ħallieq, li jishar fuq il-passi ta’ kull kreatura, iħeġġina biex ħarsitna tkun bħal tiegħu, ħarsa li tagħraf wiċċ ħija, oħti. Lil ħija l-migrant hemm bżonn nilqgħu, nakkumpanjah, immexxih ‘il quddiem u nintegrah.

Il-lingwa tal-Kazakhstan tistieden għal dil-ħarsa akkoljenti: fiha, “tħobb” litteralment ifisser “tagħti ħarsa ħelwa lil xi ħadd”.  Imma l-kultura tradizzjonali ta’ dawn ir-reġjuni tafferma wkoll l-istess ħaġa permezz ta’ proverbju popolari: “jekk tiltaqa’ ma’ xi ħadd, ipprova ferrħu, forsi tkun l-aħħar darba li rajtu”.  Jekk il-kult tal-ospitalità tal-isteppa jfakkar fil-valur ta’ kull essri uman, Abai jiddeskrivi dan meta jgħid li “l-bniedem għandu jkun ħabib tal-bniedem”  u li ħbiberija bħal din tinbena fuq kondiviżjoni universali, għax ir-realtajiet importanti tal-ħajja u ta’ wara l-ħajja huma komuni għal kulħadd.  U għalhekk jistqarr: il-bnedmin kollha huma mistednin ta’ xulxin” u “l-bniedm innifsu hu mistieden f’dil-ħajja” (Parola 34).  Ejjew niskopru mill-ġdid l-arti tal-ospitalità, tal-akkoljenza, tal-mogħdrija.  U nitgħallmu wkoll nistħu: iva, nġarrbu mistħija sana li titnissel mill-ħniena lejn il-bniedem li qed isofri, mis-sentiment u mill-istagħġib minħabba l-kundizzjoni tiegħu u li għandna nħossu ruħna parti minnha.  Hi t-triq tal-mogħdrija li tagħmilna aktar umani u ssaħħaħ twemminna.  Min-naħa tagħna, minbarra li naffermaw id-dinjità invjolabbli ta’ kull bniedem, għandna ngħallmu kif nibku minħabba l-oħrajn, għax hu biss meta nagħmlu tagħna l-piżijiet tal-umanità li nkunu verament umani.

Għandna mbagħad l-aħħar sfida globali: il-ħarsien tad-dar komuni.  Quddiem il-kobor tat-taqlib klimatiku, jeħtieġ nipproteġuha, ħalli ma tispiċċax vittma tal-loġika tal-qligħ, iżda tkun protetta għall-ġenerazzjonijiet futuri, b’tifħir lill-Ħallieq.  Kien kiteb Abai: “X’dinja meraviljuża tana l-Ħallieq!  Hu tana d-dawl tiegħu b’qalb kbira u bil-ġenerożità.  Meta ommna l-art temgħatna minn sidirha, il-Missier Ċelesti tagħna miel fuqna bil-ħerqa” (mill-Poeżija “Ir-Rebbiegħa”).  B’kura mimlija mħabba, l-Aktar Għoli tana dar komuni għall-ħajja: u aħna, li ngħidu li aħna tiegħu, kif nistgħu nippermettu li titniġġes, tintuża ħażin u tinqered?  Ejjew ngħaqqdu l-isforzi tagħna għal din l-isfida.  Din mhix l-aħħar waħda fl-importanza.  Infatti, din tingħaqad mal-ewwel waħda, dik tal-pandemija.  Virus bħall-Covid-19, minkejja li lanqas jidhru, jirnexxilhom ifarrku l-ambizzjonijiet kbar tal-progress, u spiss juru li ntilef il-bilanċ, fil-biċċa l-kbira tort tagħna, man-natura li mdawrin biha.  Niftakru, per eżepju, fid-deforestazzjoni, fil-kummerċ illegali ta’ annimali ħajjin, kultivazzjoni u trobbija tal-annimali, intensivi .....  Hija l-mentalità tal-isfruttament li qed teqred id-dar li ngħixu fiha.  Mhux biss: dan iwassal biex jostor għal kollox dik il-viżjoni rispettuża u reliġjuża fuq id-dinja li ried il-Ħallieq.  Għalhekk hu essenzjali li niffavorixxu u nippromwovu l-ħarsien tal-ħajja f’kull forma tagħha.

Għeżież ħuti, ejjew nibqgħu mexjin flimkien, sabiex il-mixja tar-reliġjonijiet tkun dejjem aktar mibnija fuq il-ħbiberija.  Abai kien jgħid illi “ħabib falz jixbaħ id-dell: meta x-xemx tiddi fuqek, ma teħlisx minnnu, imma meta jinġabar is-sħab fuqek, ma jkun jidher imkien” (Parola 37). Jalla ma jiġrilniex hekk:  l-Aktar Għoli jeħlisna mid-dellijiet tas-supett u l-falzità; itina li nikkultivaw ħbiberiji mdawlin u fraterni, permezz ta’ djalogu spiss u s-sinċerità mdawla fl-intenzjonijiet tagħna.  U nixtieq irrodd ħajr hawnhekk għall-isforz tal-Kazakhstan f’dar-rigward: ifittex dejjem li jgħaqqad, li dejjem iqanqal id-djalogu, ifittex dejjem li jagħmel ħbiberiji.  Dan hu eżempju li l-Kazakhstan jagħti lilna lkoll u għandna nieħduh bħala mudell u nissapportjawh.  Ma noqgħodux infittxu sinkretiżmi li jikkonċiljaw – ma jiswewx -, iżda nħarsu l-identitajiet tagħna miftuħin għall-kuraġġ u d-diversità, għal-laqgħa fraterna.  Hekk biss, minn dit-triq, fiż-żminijiet mudlama li qed ngħixu fihom, inkunu nistgħu nifirxu d-dawl tal-Ħallieq tagħna.  Grazzi lilkom ilkoll!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber