VJAĠĠ APPOSTOLIKU TA’ PAPA FRANĠISKU Fil-KAZAKHSTAN  

13 - 15 SETTEMBRU 2022 

 LAQGĦA MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, DJAKNI, KONSAGRATI, 
SEMINARISTI U OPERATURI PASTORALI 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU 

 il-Ħamis, 15 ta’ Settembru 2022 

 

Għeżież ħuti, Isqfijiet, saċerdoti u djakni, għeżież rġiel u nisa kkonsagrati, seminaristi u operaturi pastorali, il-jum it-tajjeb

Kuntent li ninsab hawn fostkom biex insellem lill-Konferenza Episkopali tal-Asja Ċentrali u niltaqa’ ma’ Knisja li għandha ħafna wċuħ, imsawra minn stejjer u tradizzjonijiet diversi, imma kollha magħquda f’fidi waħda, fi Kristu Ġesù. Nirringrazzja lil Mons. Mumbiela Sierra għall-kliem tiegħu ta’ merħba.  Qal: «Il-parti l-kbira minna huma barranin»; u tassew li hekk hu, għax intom ġejjien minn postijiet u pajjiżi differenti. Din hi s-sbuħija tal-Knisja: aħna familja waħda, li fiha ħadd ma hu barrani. Nerġa’ ngħid: fil-Knisja ħadd ma hu barrani, aħna poplu wieħed, il-poplu qaddis t’Alla, għani b’ħafna popli! U l-qawwa tal-poplu saċerdotali u qaddis tagħna tinsab propju fil-fatt li mid-diversità nagħmlu rikkezza billi naqsmu bejnietna dak li aħna u dak li għandna: iċ-“ċokon” tagħna jitkabbar jekk aħna naqsmuh

Is-silta tal-Kelma t’Alla li smajna turina dan b’mod ċar. San Pawl jgħidilna li l-misteru t’Alla  kien irrivelat lill-ġnus kollha, mhux biss lill-poplu magħżul jew lil xi grupp privileġġat ta’ persuni reliġjużi, imma lil kulħadd. Kif jispjega l-Appostlu, kull bniedem jista’ jasal għand Alla, għax il-ġnus kollha «huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda, fi Kristu Ġesù, permezz tal-Evanġelju» (Ef 3,6). 

Nixtieq nisħaq fuq iż-żewġ kelmiet ta’ Pawlu:wirt  u wegħda. Min-naħa l-waħda, Knisja dejjem tiret storja; hi dejjem bint l-ewwel tħabbira tal-Evanġelju, ta’ ġrajja li tkun saret qabilha, ta’ appostli u evanġelizzaturi oħra li waqqfuha fuq il-kelma ħajja  ta’ Ġesù. Min-naħa l-oħra hi wkoll komunità ta’ dawk li f’Ġesù raw isseħħ il-wegħda t’Alla, u bħal ulied tal-Qawmien jgħixu bit-tama tal-milja fil-ġejjieni. Iva, aħna ddestinati għall-glorja mwegħda, li sa minn issa stess tanima l-mixja tagħna bi stennija u tama. Wirt u wegħda: il-wirt tal-passat hu t-tifkira  tagħna, il-wegħda tal-Evanġelju hi l-ġejjieni  ta’ Alla li jiġi jiltaqa’ magħna. Nixtieq li flimkien magħkom nirrifletti fuq: Knisja li timxi fl-istorja  bejn tifkira u ġejjieni. 

L-ewwelnett it-tifkira. Jekk f’dan il-pajjiż kbir, multikulturali u multireliġjuż, insibu komunitajiet insara ħajjin u sens reliġjuż fil-ħajja tal-poplu, dan hu grazzi fuq kollox  għall-istorja rikka tiegħu. Jiġi f’moħħi kif il-Kristjaneżmu xtered fl-Asja Ċentrali sa mill-ewwel sekli,  u kemm evanġelizzaturi u missjunarji  taw il-ħajja tagħhom biex ixerrdu d-dawl tal-Evanġelju u jwaqqfu komunitajiet, santwarji, monasteri u postijiet ta’ kult. Irridu nagħtu ġieħ lil dan il-wirt nisrani u ekumeniku u nħarsuh, u nħarsu wkoll it-trażmissjoni tal-fidi li saret anki minn nies sempliċi, minn tant  nanniet, missirijiet u ommijiet. Fil-mixja spiritwali u ekkleżjali ma nistgħux ninsew it-tifkira ta’ dawk li ħabbrulna l-fidi, għax din tgħinna niżviluppaw spirtu ta’ kontemplazzjoni dwar l-affarijiet tal-għaġeb li Alla wettaq fl-istorja, minkejja t-tbatija u d-dgħufija personali u komunitarja

Iżda rridu noqogħdu attenti: dan ma jfissirx li għandna nibqgħu nħarsu lura  lejn l-imgħoddi b’nostalġija u nibqgħu mwaħħlin fih ipparalizzati bla ma niċċaqalqu. Din hi t-tentazzjoni li toħodna lura. Waqt li ngħixu t-tifkira, il-ħarsa nisranija tagħna trid tkun waħda li tiftaħ qlubna biex nistagħġbu  bil-misteru t’Alla, u nimtlew b’tifħir u ħajr għal dak li għamel il-Mulej. Qalb grata, li minnha jfawwar it-tifħir ma toqgħodx tħares lura u jiddispjaċiha, iżda tilqa’ kull ġurnata u tgħixha bħala grazzja. Hi ħerqana biex tibqa’ miexja ‘l quddiem, u twassal l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù, bħalma għamlu n-nisa u d-dixxipli ta’ Emmaus wara l-Qawmien ta’ Ġesù! 

Din it-tifkira ħajja ta’ Ġesù tgħaġġibna u  ngħixuha fuq kollox fl-Ewkaristija, il-qawwa ta’ mħabbtu li timbuttana ‘l quddiem. Hi t-teżor għalina. Mingħajr tifkira m’hemmx stagħġib. Jekk nitilfu t-tifkira, ikun hemm ir-riskju li l-fidi, id-devozzjonijiet u l-attivitajiet pastorali  jiddgħajfu; isiru bħal nar tat-tiben, li malajr jaqbad u malajr jintefa. Meta nitilfu t-tifkira, il-ferħ jispiċċa. U tonqos ukoll ir-rikonoxxenza lejn Alla u lejn ħutna l-bnedmin, għax naqgħu fit-tentazzjoni u naħsbu li kollox jiddependi minna. Fr. Ruslan fakkarna f’xi ħaġa importanti:  fakkarna li l-ħajja saċerdotali hi kbira għax fiha nirrealizzaw li dak li jiġri mhuwiex opra tagħna, imma hu don t’Alla. U meta Sr. Clara tkellmet fuq il-vokazzjoni tagħha, l-ewwel ma għamlet kien li rringrazzjat lil dawk li ħabbrulha l-Evanġelju. Grazzi ta’ din ix-xhieda li tistedinna niftakru u nkunu grati lejn il-wirt li rċevejna

Jekk inħarsu sew lejn dan il-wirt, x’naraw? Naraw li l-fidi ma kenitx mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra bħala xi set ta’ ideat li rridu nifhmuhom u nwettquhom, jew bħala xi kodiċi ta’ liġijiet li qegħdin hemm darba għal dejjem. Le, il-fidi ġiet mgħoddija bil-ħajja, bix-xhieda li wasslet in-nar tal-Evanġelju fil-qalba tas-sitwazzjonijiet biex iddawwal, issaffi u xxerred l-għożża ta’ Ġesù, il-ferħ ta’ mħabbtu li ssalvana, it-tama tal-wegħda tiegħu. Meta ngħixu t-tifkira, nitgħallmu li l-fidi tikber bix-xhieda. Il-bqija jiġi wara. Din hi sejħa għal kulħadd; nerġa’ nisħaq din hi sejħa għal kulħadd: lajċi, isqfijiet, saċerdoti, djakni, rġiel u nisa kkonsagrati li jaħdmu b’modi differenti fil-ħajja pastorali tal-komunitajiet. Ejjew ma ngħejjewx nagħtu xhieda tal-qalba tas-salvazzjoni, tan-novità ta’ Ġesù, tan-novità li hu Ġesù! Il-fidi mhijiex xi esibizzjoni sabiħa tal-affarijiet tal-passat – kieku kienet tkun mużew -, imma hi ġrajja attwali, laqgħa ma’ Kristu li tiġri issa u hawnhekk! Għalhekk ma ngħadduhiex lill-oħrajn billi ntennu biss l-affarijiet li dejjem għamilna, imma billi nittrażmettu n-novità tal-Evanġelju. Hekk, il-fidi tibqa’ dejjem ħajja u jkollha ġejjieni. Inħobb ngħid li l-fidi nittrażmettuha “bid-djalett”. 

Issa niġu għat-tieni kelma: ġejjieni. It-tifkira tal-imgħoddi ma tagħlaqniex fina nfusna, imma tiftaħna għall-wegħda tal-Evanġelju. Ġesù żgurana li Hu ser jibqa’ magħna għal dejjem.  Mela, mhux qed nitkellmu fuq wegħda li għandha x’taqsam  biss mal-ġejjieni mbiegħed. Aħna msejħin  biex  nilqgħu t-tiġdid li Kristu Rxoxt iġib fil-ħajja llum. Minkejja d-dgħufija tagħna, Hu ma jgħejjiex jibqa’ magħna u  jibni flimkien magħna l-ġejjieni tal-Knisja tiegħu u tagħna 

L-isfidi fil-ħajja tal-fidi – l-aktar fejn jidħol is-sehem tal-ġenerazzjonijiet żagħżugħa –, il-problemi u l-għeja tal-ħajja, u n-numri f’pajjiż daqshekk kbir, żgur li jistgħu jwassluna biex inħossuna “żgħar” u bla ħila. Imma jekk il-ħarsa tagħna tkun mimlija tama, bħall-ħarsa ta’ Ġesù, niskopru xi ħaġa  li tissorprendina: l-Evanġelju jgħid li hienja ċ-ċkejknin, il-foqra fl-ispirtu; din hi l-ewwel beatitudni (araMt 5,3). Iċ-ċokon iwassalna b’mod umli biex nagħrfu l-qawwa t’Alla, u biex l-imġiba ekkleżjali tagħna ma tkunx mibnija fuq ħilitna. Din hi grazzja! Intenni: fi Knisja ċkejkna, f’merħla ċkejkna hemm grazzja moħbija, għax flok nuru l-forzi tagħna, in-numri u l-istrutturi tagħna u kull ħaġa oħra ta’ importanza umana, inħallu lill-Mulej jiggwidana u nersqu qrib in-nies b’umiltà. Ma nkunu sinjuri b’xejn, inkunu foqra għal kollox, u nimxu b’sempliċità, qrib ħutna l-bnedmin, fil-waqt li ngħixu s-sitwazzjonijiet tal-ħajja bil-ferħ tal-Evanġelju. Jalla nidħlu fil-qalba tal-ġrajjiet ta’ ferħ u ta’ swied il-qalb  li qed tgħix is-soċjetà tagħna, bħal ħmira fl-għaġna u bħaż-żerriegħa ċkejkna li tintefa’ fl-art (araMt 13,31-33), biex hekk inkunu nistgħu naqduha minn ġewwa

Jekk inkunu żgħar, nagħrfu wkoll li m’aħniex awtosuffiċjenti: niftakru li  għandna bżonn Alla u anki bżonn l-oħrajn, l-oħrajn kollha: ħutna ta’ knejjes oħra, dawk li jistqarru twemmin ieħor, l-irġiel u nisa kollha ta’ rieda tajba. Fi spirtu ta’ umiltà, nindunaw li hu biss permezz tad-djalogu u tal-akkoljenza reċiproka li nistgħu nwettqu xi ħaġa li tkun ta’ ġid għal kulħadd. Din hi l-ħidma partikolari tal-Knisja f’dan il-pajjiż: mhijiex li tkun grupp li jibqa’ jagħmel dak li dejjem għamel jew li jingħalaq  f’qosortu għax iħossu żgħir. Trid ikun komunità miftuħa għal ġejjieni t’Alla, imkebbsa bin-nar tal-Ispirtu: ħajja, mimlija tama, lesta li tilqa’ n-novitajiet tiegħu u s-sinjali taż-żmenijiet, animata mil-loġika tal-Evanġelju, żerriegħa li tagħti l-frott tal-imħabba umli u għammiela. Hekk, il-wegħda ta’ ħajja u barka li Alla l-Missier jsawwab  fuqna permezz ta’ Ġesù, titwettaq mhux biss fil-ħajja tagħna, imma wkoll f’dik tal-oħrajn

U dan iseħħ kull darba li ngħixu bejnietna bħal aħwa, u nieħdu fuq spallejna l-piż ta’ min hu fqir, ta’ min hu miġruħ fil-ħajja, kull darba li fir-rabtiet umani u soċjali nagħtu xhieda tal-ġustizzja u l-verità, fil-waqt li ngħidu legħall-korruzzjoni u għal dak li hu falz. Jalla l-komunitajiet insara, b’mod partikulari s-seminarju, jkunu “skejjel ta’ sinċerità”: mhux ambjenti riġidi u formali, imma training grounds ta’ verità, ta’ ftuħ  u kondiviżjoni. U niftakru li fil-komunitajiet tagħna aħna lkoll dixxipli tal-Mulej: ilkoll dixxipli, ilkoll essenzjali, ilkoll bl-istess dinjità. Mhux biss l-isqfijiet, is-saċerdoti u l-ikkonsagrati daħlu fil-ħajja ta’ Kristu, imma kull imgħammed. U kif ifakkarna San Pawl, kull imgħammed hu msejjaħ biex jirċievi l-wirt tal-Evanġelju fi Kristu u jilqa’ l-wegħda tiegħu. Mela, irridu nagħtu spazju lil-lajċi: dan jagħmel tajjeb għax il-komunitajiet la jkunu riġidi u lanqas klerikalizzati. Knisja sinodali, f’mixja lejn il-ġejjieni tal-Ispirtu, hi Knisja parteċipattiva, ko-responsabbli.  Hi Knisja kapaċi toħroġ tiltaqa’ mad-dinja għax hi mħarrġa fil-komunjoni. Laqatni l-fatt li fix-xhieda dejjem ħarġet l-istess ħaġa: mhux Fr. Ruslan u s-sorijiet biss, imma anki Kirill, missier ta’ familja, ilkoll fakkruna li fil-Knsija, fil-kuntatt mal-Evanġelju, nitgħallmu ngħaddu mill-egoiżmu għall-imħabba bla ebda kundizzjoni. Wieħed joħroġ barra minnu nnifsu, xi ħaġa li kull dixxiplu jrid jagħmilha l-ħin kollu. Dan hu meħtieġ biex insaħħu d-don li rċevejna fil-Magħmudija, li jqanqalna biex inkunu rġiel u nisa ta’ komunjoni u ta’ paċi kulfejn inkunu: fil-laqgħat ekkleżjali tagħna, fil-familji, fix-xogħol, fis-soċjetà, u niżirgħu t-tajjeb. Il-ftuħ, il-ferħ u l-kondiviżjoni ħallew marka fuq il-Knisja tal-bidu u huma wkoll sinjali tal-Knisja tal-ġejjieni. Ejjew noħolmu, u bil-grazzja t’Alla, nibnu Knisja fejn hemm aktar ferħ ta’ Kristu Rxoxt, li jkeċċi l-biża’ u tgergir u  ma jħallihiex tkun riġida b’dogmatiżmi u moraliżmi. 

Għeżież ħuti, ejjew nitolbu li dan iseħħ bl-interċessjoni ta’ dawk li taw xhieda kbira ta’ fidi f’ dan il-pajjiż. Nixtieq li niftakru  b’mod speċjali  fil-Beatu Bukowiński, saċerdot li għadda ħajtu jieħu ħsieb il-morda, dawk fil-bżonn u l-imwarrbin, u li ħallas b’ġildu stess għall-fedelta’ lejn l-Evanġelju għax kien mitfugħ il-ħabs u kellu jagħmel xogħol iebes. Qaluli li anki qabel il-beatifikazzjoni tiegħu, dejjem kien ikun hemm il-fjuri friski u xemgħa tixgħel fuq il-qabar tiegħu. Dan jurina li l-poplu t’Alla jaf jirrikonoxxi  l-qdusija, u jagħraf  ragħaj li jħobb tassew l-Evanġelju. Nixtieq ngħid kelma  partikulari lill-Isqfijiet u lis-saċerdoti, u wkoll lis-seminaristi: il-missjoni tagħna mhijiex li nkunu amministraturi tas-sagru, jew  pulizija biex iħarsu r-rispett lejn ir-regoli reliġjużi; il-missjoni tagħna hi li nkunu rgħajja qrib in-nies, ikoni ħajja tal-qalb ħanina ta’ Kristu. Infakkar ukoll fil-martri griegi-kattoliċi, l-Isqof Mons. Budka, is-saċerdot Fr Zarizky u Gertrude Detzel, li ġa nfetħet il-kawża  tal-beatifikazzjoni tagħhom. Kif qaltilna  Miroslava: dawn wasslu l-imħabba ta’ Kristu fid-dinja. Intom il-werrieta tagħhom: kunu l-wegħda ta’ qdusija ġdida

Jien qrib tagħkom u nagħmlilkom kuraġġ: għixu bil-ferħ dan il-wirt u kunu xhieda tiegħu b’ ġenerożità, biex dawk li jiltaqgħu magħkom jkunu jistgħu jaraw wegħda ta’ tama li qed tasal għandhom ukoll. Inkun magħkom bit-talb; u issa ejjew nafdaw lilna nfusna lill-Qalb ta’ Marija, li  hawnhekk tqimuha b’mod speċjali bħala s-Sultana tal-paċi. Sirt naf b’sinjal sabiħ tal-imħabba tagħha ta’ Omm li seħħ fi żmenijiet diffiċli, meta ħafna kienu diportati u kellhom jgħixu l-ġuħ u l-kesħa. Bil-qalb tenera tagħha ta’ Omm, hi semgħet it-talba ta’ wliedha. F’xitwa mill-aktar qalila, f’daqqa waħda s-silġ beda jinħall, u l-ħafna ħut li kien hemm fl-għadira taffa l-ġuħ ta’ bosta. Jalla l-Madonna tħoll is-silġ fil-qlub tal-bnedmin u ssawwab is-sħana tal-imħabba ta’ aħwa fil-qlub tal-komunitajiet tagħna, fil-waqt li timliena b’tama ġdida u b’entużjażmu ġdid għall-Evanġelju! Nagħtikom il-barka tiegħi u nirringrazzjakom! U nitlobkom, jekk jogħġobkom, titolbu għalija. 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard