Ara:- Antiquum Ministerium, Motu Propju tal-Papa Franġisku għat-twaqqif tal-Misteru tal-Katekista. 10/05/2021 ...

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-LAQGĦA ORGANIZZATA

MILL-KUNSILL PONTIFIĊJU GĦALL-PROMOZZJONI

TAL-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA DWAR

“KATEKEŻI U KATEKISTI GĦALL-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA”

Sala Clementina

Il-Ġimgħa 17 ta’ Settembru 2021

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

 

Bi pjaċir nilqagħkom, f’din l-okkażjoni li fiha kellkom l-opportunità li tiddiskutu ma’ xulxin, bħala responsabbli għall-katekeżi tal-Knejjes partikulari fl-Ewropa, dwar kif ġie milqugħ id-Direttorju għall-Katekeżi l-ġdid, ippubblikat is-sena l-oħra. Nirringrazzja lill-E.T. Mons. Rino Fisichella għal din l-inizjattiva, li jiena ċert se tiġi estiża wkoll għall-Konferenzi episkopali tal-kontinenti l-oħra, biex il-mixja kateketika komuni tistagħna b’tant esperjenzi lokali.

 

Għadni ġej lura miċ-ċelebrazzjoni tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali, li saret f’Budapest fil-jiem li għaddew, u hi l-okkażjoni t-tajba biex nivverifikaw kif il-ħidma kbira ta’ katekeżi tista’ tkun effikaċi fl-opra ta’ evanġelizzazzjoni jekk iżżomm ħarsitha msammra fuq il-misteru Ewkaristiku. Ma nistgħux ninsew li l-post ipprivileġġjat tal-katekeżi huwa sewwasew iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, fejn l-aħwa jiltaqgħu flimkien biex jiskopru dejjem iżjed il-modi differenti tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tagħhom.

 

Nieħu gost naħseb f’dik is-silta tal-Vanġelu ta’ Mattew fejn id-dixxipli jistaqsu lil Ġesù: “Fejn tridna nħejjulek l-ikla tal-Għid?” (26:17). It-tweġiba ta’ Ġesù turi b’mod ċar li hu kien diġà ħaseb għal kollox: kien jaf it-triq li kien se jagħmel wieħed raġel bil-ġarra tal-ilma, kien jaf bil-kamra kbira diġà mgħammra b’kollox fis-sular ta’ fuq tad-dar (ara Lq 22:10-12); u, bla ma qal, kien intebaħ b’kulma kien hemm mistur fil-qalb ta’ ħbiebu minħabba dak li kellu jiġri fil-jiem ta’ wara.

 

Il-kelmiet tal-bidu li bihom jibgħathom huma: “Morru l-belt” (Mt 26:18). Dan id-dettall – meta naħseb fikom u fis-servizz li tagħtu – jgħinna nerġgħu naqraw il-mixja tal-katekeżi bħala mument li permezz tiegħu l-Insara, li jitħejjew biex jiċċelebraw il-qofol tal-misteru tal-fidi, huma mistiedna jidħlu qabel “fil-belt”, biex jiltaqgħu mal-persuni mħabbtin bix-xogħlijiet tagħhom ta’ kuljum. Il-katekeżi – kif jisħaq id-Direttorju l-ġdid – mhijiex komunikazzjoni astratta ta’ għarfien teoriku biex jiġi mmemorizzat bħallikieku kien formuli tal-matematika jew tal-kimika. Pjuttost hu l-esperjenza mistagoġika ta’ dawk li jitgħallmu kif jiltaqgħu ma’ ħuthom hemm fejn jgħixu u jaħdmu, għax huma stess iltaqgħu ma’ Kristu, li sejħilhom isiru dixxipli missjunarji. Irridu ninsistu biex nindikaw x’inhi l-qalba tal-katekeżi: Ġesù Kristu rxoxt iħobbok u ma jitilqek qatt waħdek! Din l-ewwel tħabbira ma tista’ qatt issibna għajjenin u lanqas ripetittivi fid-diversi fażijiet tal-mixja katekistika.

 

Kien għalhekk li waqqaft il-ministeru ta’ katekista. Qed iħejju r-ritwal għall-“kreazzjoni” – bejn il-virgoletti – tal-katekisti. Għax il-komunità Nisranija tħoss il-bżonn li terġa’ tqajjem din il-vokazzjoni u li tixhed għas-servizz ta’ xi rġiel u nisa li, huma u jgħixu biċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, iħossu iżjed ħajja fihom il-passjoni li jgħaddu l-fidi bħala evanġelizzaturi. Il-katekisti huma xhieda li jaqdu l-komunità Nisranija, biex iwieżnu l-approfondiment tal-fidi fil-ħajja konkreta ta’ kuljum. Huma persuni li jħabbru bla heda l-Vanġelu tal-ħniena; persuni li kapaċi joħolqu r-rabtiet meħtieġa ta’ akkoljenza u ta’ qrubija li jippermettulhom jiggustaw aħjar il-Kelma ta’ Alla u jiċċelebraw il-misteru Ewkaristiku billi joffru frott ta’ opri tajba.

 

Għadni niftakar bi mħabba ż-żewġ katekisti nisa li ħejjewni għall-Ewwel Tqarbina, u bħala saċerdot komplejt ir-relazzjoni tiegħi magħhom u anki, ma’ waħda minnhom li kienet għadha ħajja, bħala isqof. Kelli rispett kbir, anki sentiment ta’ radd il-ħajr, bla ma wrejtu minn barra, imma kelli kważi venerazzjoni lejhom. Għaliex? Għax kienu n-nisa li kienu ħejjewni għall-Ewwel Tqarbina, flimkien ma’ soru. Din l-esperjenza rrid naqsamha magħkom għax għalija kienet ħaġa sabiħa, li nakkumpanjahom sa tmiem ħajjithom, it-tnejn li huma. U anki s-soru, li ħejjietni għall-parti liturġika tat-Tqarbina: meta mietet, jiena kont hemm, magħha, nakkumpanjaha. Hemm qrubija, rabta importanti ħafna mal-katekisti.

 

Kif għidt it-Tnejn li għadda fil-Katidral ta’ Bratislava, l-evanġelizzazzjoni qatt mhi sempliċi ripetizzjoni tal-passat. Il-qaddisin kbar evanġelizzaturi, bħal Ċirillu u Metodju, bħal Bonifaċju, kienu kreattivi, bil-kreattività tal-Ispirtu s-Santu. Fetħu toroq ġodda, ivvintaw lingwaġġi ġodda, “alfabeti” ġodda, biex jgħaddu l-Vanġelu, għall-inkulturazzjoni tal-fidi. Dan jitlob li wieħed ikun jaf jisma’ lin-nies, jisma’ l-popli li lilhom qed iħabbar: jisma’ l-kultura tagħhom, l-istorja tagħhom; jisma’ mhux fuq fuq, huwa u jaħseb diġà fit-tweġibiet lesti minn qabel li jkollu fil-bagalja, le! Jisma’ tassew, u jikkonfronta dawk il-kulturi, dawk il-lingwaġġi, anki u fuq kollox dak li ma jintqalx, dak li ma jiġix espress, mal-Kelma ta’ Alla, ma’ Ġesù Kristu Vanġelu ħaj. U nirrepeti l-mistoqsija: mhijiex forsi din il-missjoni l-iżjed urġenti tal-Knisja fost il-popli tal-Ewropa? It-tradizzjoni l-kbira Nisranija tal-kontinent ma għandhiex issir xi sit ta’ fdalijiet storiċi, inkella ma tibqax “tradizzjoni”! It-tradizzjoni jew hi ħajja jew mhix. U l-katekeżi hija tradizzjoni, hi tradere, imma tradizzjoni ħajja, minn qalb għal qalb, minn moħħ għal moħħ, minn ħajja għal ħajja. Allura: appassjonati u kreattivi, bl-ispinta tal-Ispirtu s-Santu. Użajt l-espressjoni “lesti minn qabel” għal-lingwaġġi, imma nibża’ mill-katekisti li għandhom qalb, atteġġjament u wiċċ “lesti minn qabel”. Le. Jew il-katekist huwa ħieles jew mhuwiex katekista. Il-katekista jħalli tolqtu r-realtà li jsib u jgħaddi l-Vanġelu bi kreattività kbira, jew inkella mhuwiex katekista. Aħsbu sewwa f’dan.

 

Għeżież, permezz tagħkom nixtieq inwassal ir-ringrazzjament personali tiegħi lill-eluf ta’ katekisti tal-Ewropa. Naħseb b’mod partikulari f’dawk li, ibda mill-ġimgħat li ġejjin, se jiddedikaw impenn kbir għat-tfal u għall-adolexxenti li qed jitħejjew biex iwettqu l-mixja ta’ inizjazzjoni Nisranija tagħhom. Imma naħseb f’kull wieħed u waħda. Il-Verġni Marija tidħol għalikom, biex tkunu dejjem megħjuna mill-Ispirtu s-Santu. Jiena nseħibkom bit-talb tiegħi u bil-Barka Appostolika. U intom ukoll, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

 

[Barka]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard