|
IL-PAPA FRANĠISKU
KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
MĦEJJIJA GĦALL-UDJENZA ĠENERALI TAD-9 TA’ APRIL 2025
L-Erbgħa 9 ta’ April 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-laqgħat. 4. Ir-raġel għani. Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba (Mk 10:21)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nieqfu fuq laqgħa oħra ta’ Ġesù li jirrakkuntaw il-Vanġeli. Imma din id-darba l-persuna li magħha ssir il-laqgħa ma għandniex isimha. L-evanġelista Marku jippreżentaha sempliċiment bħala “wieħed” (10:17). Huwa raġel li sa minn żgħożitu kien josserva l-Kmandamenti, imma li, minkejja dan, kien għadu ma sabx is-sens ta’ ħajtu. Kien għadu jfittxu. Forsi hu wieħed li għadu ma ddeċidiex għalkollox, minkejja d-dehra ta’ persuna impenjata. Fil-fatt, lil hemm mill-ħwejjeġ li nagħmlu, is-sagrifiċċji jew is-suċċessi, dak li tassew jiswa biex inkunu henjin hu dak li nġorru fil-qalb tagħna. Jekk bastiment irid isalpa u jħalli l-port biex jimraħ fil-baħar miftuħ, jista’ jkun ukoll bastiment mill-isbaħ, b’ekwipaġġ eċċezzjonali, imma jekk ma jtellax is-saborri u l-ankri li jżommuh wieqaf, mhux ħa jirnexxilu jitlaq. Dan ir-raġel bena għalih bastiment lussuż, imma baqa’ fil-port!
Waqt li għaddej Ġesù mit-triq, dan imur jiġri jiltaqa’ miegħu, jinżel għarkupptejh quddiemu u jgħidlu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (v. 17). Ninnutaw il-verbi: “x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem”. Billi l-osservanza tal-Liġi ma tatux il-ferħ u ċ-ċertezzi li ħa jsalva, idur għall-imgħallem Ġesù. Dak li jolqotna hu li dan ir-raġel ma jafx xi jkun il-vokabularju ta’ b’xejn! Kollox jidher dovut. Kollux huwa dmir. Għalih il-ħajja ta’ dejjem hi wirt, xi ħaġa li tinkiseb bi dritt, permezz tal-osservanza metikoluża tal-impenji. Imma f’ħajja hekk, anki ċertament għall-ġid ta’ kulħadd, xi spazju jista’ jkollha l-imħabba?
Bħal dejjem, Ġesù jmur lil hemm minn dak li jidher. Jekk minn banda dan ir-raġel ipoġġi quddiem Ġesù l-profil sabiħ ta’ ħajtu, Ġesù jmur lil hemm minn dan u jara fil-qalb tiegħu. Il-verb li juża Marku jfisser ħafna: “xeħet fuqu ħarsa” (v. 21). Proprju għax Ġesù jħares ġewwa kull wieħed u waħda minna, hu jħobbna kif tassew aħna. Fil-fatt, x’seta’ ra f’dik il-persuna? X’jara Ġesù meta jħares fina u jħobbna, minkejja d-distrazzjonijiet u d-dnubiet tagħna? Jara d-dgħufija tagħna, imma anki x-xewqa tagħna li niġu maħbuba hekk kif aħna.
Il-ħarsa tiegħu lejh – jgħid il-Vanġelu – kienet “ta’ mħabba” (v. 21). Ġesù jħobb lil dan il-bniedem qabel ma jistiednu biex jimxi warajh. Iħobbu hekk kif inhu. L-imħabba ta’ Ġesù hi b’xejn: eżattament bil-kontra tal-loġika tal-mertu li kien medhi biha dan ir-raġel. Inkunu tassew ferħana meta nintebħu li aħna maħbubin hekk, b’xejn, bi grazzja. U dan jgħodd ukoll għar-relazzjonijiet ta’ bejnietna: jekk noqogħdu nfittxu kif ħa nixtru l-imħabba jew kif ħa nittallbu l-affett, dawk ir-relazzjonijiet mhux sa jagħmluna ferħanin.
Il-proposta li Ġesù jagħmel lil dan ir-raġel hi li jibdel il-mod ta’ kif jgħix u jirrelata ma’ Alla. Fil-fatt Ġesù jagħraf li ġewwa fih, u l-istess ġewwa fina kollha, hemm nuqqas. Hija x-xewqa li nġorru fil-qalb tagħna li nkunu maħbuba. Hemm ġerħa li hi tagħna bħala bnedmin, il-ġerħa li minnha tista’ tgħaddi l-imħabba.
Biex nagħmlu tajjen għal dan in-nuqqas ma hemmx għalfejn “nixtru” rikonixximenti, affett, kunsiderazzjoni; imma biżżejjed “inbigħu” dak kollu li qed itaqqalna, biex neħilsu iktar lill-qalb tagħna. Ma hemmx bżonn inkomplu niġimgħu għalina nfusna, imma pjuttost nagħtu lill-foqra, inqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ ħaddieħor, naqsmu mal-oħrajn.
Fl-aħħar Ġesù jistieden lil dak ir-raġel biex ma jibqax waħdu. Jistiednu jimxi warajh, jidħol f’rabta, jgħix relazzjoni. Fil-fatt, hekk biss ikun possibbli joħroġ mill-anonimat. Nistgħu nisimgħu l-isem tagħna biss fi ħdan relazzjoni, li fiha xi ħadd isejħilna. Jekk nibqgħu waħidna, qatt m’aħna ħa nisimgħu jitlissen l-isem tagħna u nibqgħu “wieħed”, anonimi. Forsi llum, proprju għax qed ngħixu f’kultura tal-awtosuffiċjenza u tal-individwaliżmu, qed niskopru li aħna inqas ferħanin, għax ma għadniex nisimgħu l-isem tagħna jitlissen minn xi ħadd li jridilna l-ġid b’xejn.
Dan ir-raġel ma jilqax l-istedina ta’ Ġesù u jibqa’ waħdu, għax is-saborri tal-ħajja tiegħu qed iżommuh fil-port. Id-diqa hi s-sinjal li ma rnexxilux jitlaq. Xi drabi naħsbuhom għana meta fil-fatt huma biss piżijiet li qed jimblukkawna. It-tama hi li din il-persuna, bħal kull wieħed u waħda minna, illum jew għada tista’ tinbidel u tiddeċiedi li taqdef fil-fond.
Ħuti, ejjew nafdaw lill-Qalb ta’ Ġesù l-persuni kollha mdejqin u indeċiżi, biex jistgħu jħossu l-ħarsa kollha mħabba tal-Mulej fuqhom, li jitqanqal u jħares lejna bi ħlewwa.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard