VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KANADA

(24 - 30 TA’ LULJU. 2022)

LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-ANZJANI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Wesgħa tal-iskola elementari ta’ Iqaluit
Il-Ġimgħa, 29 ta’ Lulju, 2022
 

Għeżież ħuti, il-lejla t-tajba!

Insellem minn qalbi lis-Sinjura Gvernatur Ġenerali u lilkom ilkoll.  Jien hieni li qed niltaqa’ magħkom.  Irroddilkom ħajr għall-kliem li ndirizzajtuli kif ukoll għall-għanjiet, iż-żfin u l-mużika, li apprezzajt ħafna!

Ftit ħin ilu smajt uħud minnkom, eks-alljievi tal-iskejjel residenzjali: grazzi għall-kuraġġ li wrejtu f’dak li għidtu, u qsamtu magħna t-tbatijiet kbar, li qatt ma immaġinajthom.  Dan reġa’ kebbes fija l-għadab u l-mistħija li ili ngħix magħhom xhur sħaħ.  Illum ukoll, hawn ukoll, nixtieq ngħidilkom li nħoss niket kbir u nixtieq nitlob maħfra għad-deni li sar minn għadd sew ta’ kattoliċi fl-iskejjel li taw sehemhom fil-politika ta’ assimilazzjoni kulturali u ħelsien.  Mamianak (jisgħob bija).  Reġgħet ġiet  f’moħħi t-testimonajanza ta’ anzjan, li kien iddeskriva s-sbuħija tal-klima li kienet issaltan fil-familji indiġeni qabel ma daħlet fis-seħħ is-sistema tal-iskejjel residenzjali.  Hu kien qabbel dak l-istaġun, li fih nanniet, ġenituri u wlied kien jgħixu flimkien f’armonija, ma’ rebbiegħa, meta l-għasafar jgħannu hienja madwar ommhom.  Imma f’daqqa waħda – kien qal – l-għana waqaf: il-familji tfarrku, iż-żgħar ittieħdu bogħod mill-ambjent tagħhom, ġiet ix-xitwa fuq kollox.

Filwaqt li jġib swied il-qalb, dal-kliem joħloq ukoll skandlu; aktar u aktar jekk nipparagunawh mal-Kelma t’Alla li ordna: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik” (Eż 20, 12).  Bosta mill-familji tagħkom ma kellhomx dil-possibbiltà, itteħditilkom meta tant ulied sfaw mifrudin mill-ġenituri tagħhom u lil pajjiżhom spiċċaw iħossuh perikoluz u barrani.  Dawk l-integrazzjonijiet bil-forza jfakkruna f’paġna biblika oħra, ir-rakkont ta’ Nabot il-ġust (cfr 1 Rejiet, 12), li ma riedx iċedi l-għalqa tad-dwieli li kien wiret minn missirijietu lil min, għax kien jiggverna, kien lest juża kull mezz basta jeħodhielu.  U jiġi f’moħħna wkoll il-kliem iebes ta’ Ġesù kontra min jagħti skandlu liż-żgħar jew ma jistmax imqar wieħed minnhom (cfr Mt 18, 6.10).  Kemm ħsara meta jitkissru r-rabtiet bejn il-ġenituri u l-ulied, meta l-għożża tal-aktar għeżież tiġġerraħ, meta ssir ħsara u jingħata skandlu liż-żgħar!

Għeżież ħbieb, ninsabu hawn bir-rieda li flimkien naqsmu dil-medda art ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni li, bl-għajnuna tal-Ħallieq, tgħinna noħorġu għad-dawl dak li ġara u negħlbu d-dlam tal-imgħoddi.  Rigward dan l-aħħar punt, issa wkoll, bħalma ġara fil-laqgħa li kellna fl-aħħar ta’ Marzu, intom xegħeltu l-quilliq.  Minbarra li jagħti d-dawl waqt l-iljieli twal tax-xitwa, kien ukoll mezz li jsaħħan u jgħin biex wieħed jirreżisti l-klima iebsa: għalhekk kien essenzjali għall-għejxien.  Illum ukoll baqa’ simbolu mill-isbaħ ta’ ħajja, ta’ għejxien imdwwal li ma jogħtorx fid-dlam tal-lejl.  Intom hekk magħmulin, xhieda dejjiema ta’ ħajja li ma tintefiex, ta’ dawl li jiddi u li ħadd ma rnexxielu jgħattih. 

Jien mimli gratitudni għall-opportunità li ninsab hawn f’Nunavut, ġol-Inuit Nunangat.  Ippruvajt nimmaġina, wara l-laqgħa tagħna f’Ruma, dawn il-postijiet enormi li minn żmien immemorabbli kienu abitati u li għal oħrajn dehru li huma ostili.  Intom għaraftu tħobbuhom, tirrispettawhom, tħarsuhom u tivvalorizzawhom, u għaddejtu minn ġenerazzjoni għal oħra valuri fundamentali bħalma huma r-rispett lejn l-anzjani, sens ta’ fraternità ġenwin u kura tal-ambjent.  Hemm konformità armonjuża bejnkom u bejn l-art fejn tgħammru, għax hi wkoll qawwija u reżiljenti, u twieġeb b’ħafna dawl għad-dlam li jgħattiha tul il-biċċa l-kbira tas-sena.  Imma din l-art ukoll, bħal kull persuna u popolazzjoni, hi delikata u teħtieġ il-kura.  Nikkurawha u ngħaddu l-kura lil ta’ warajna: għal dan imsejħin iż-żgħażagħ, imwieżna mill-eżempju tal-anzjani!  Ħarsien tal-art, ħarsien tal-persuni, ħarsien tal-istorja.

Għalhekk irrid indur lejk, żgħażugħ Inuit, futur ta’ din l-art u preżenti fl-istorja tagħha.  Nixtieq ngħidlek, billi nikkwota poeta kbir: “Dak li inti wirtt minn missirijietek, erġa’ għamlu tiegħek jekk trid li jkun tiegħek tassew” (J.W. von Goethe, Faust, I, Nacht).  Mhux biżżejjed tgħix bir-renta, jeħtieġ terġa’ tagħmel tiegħek dak li rċevejt bħala don.  Għalhekk tibżax tisma’ u terġa’ tisma’ l-pariri tal-aktar anzjani, li tħaddan l-istorja tiegħek biex tikteb paġni ġodda, li tinvolvi ruħek b’ħerqa mill-akbar, li tieħu pożizzjoni quddiem il-fatti u l-persuni, li tirriskja!  U biex jgħinek terġa’ tkebbes mill-ġdid il-lampa tal-eżistenza tiegħek, jien ukoll, bħala ħuk anzjan, nixtieq intik tliet pariri.

L-ewwel: immira fl-għoli.  Għejx f’dawn ir-reġjuni tat-tramuntana.  Jalla jfakkruk fil-vokazzjoni tiegħek biex timmira għall-għoli, bla ma tħalli li titkaxkar ‘l isfel minn min iridek temmen li aħjar taħseb biss fik innifsek u tuża ż-żmien li għandek biss għar-rikreazzjoni u l-interessi tiegħek.  Ħabib, int m’intix magħmul biex kemm kemm tkampa, biex tqatta’ jiemek tfittex bilanċ bejn id-dmirijiet u l-pjaċiri, int magħmul biex tintrefa’ ‘l fuq, lejn ix-xewqat l-aktar veri u sbieħ li ġġorr f’qalbek, lejn Alla li għandek tħobb u l-proxxmu li għandek taqdi.  Toqgħodx taħseb li l-ħolm kbir tal-ħajja hu xi sema li ma jistax jintlaħaq.  Int magħmul biex ittir, biex tħaddan il-kuraġġ tal-verità u ssaħħaħ is-sbuħija tal-ġustizzja, biex “issaħħaħ it-tempra morali tiegħek, ikollok kumpassjoni, isservi lill-oħrajn u tibni r-relazzjonijiet” (cfr Inunnguiniq Iq Principles 3-4), biex tiżra’ l-paċi u l-attenzjoni kull fejn tkun; biex tkebbes l-entużjażmu f’min jinsab ħdejk; biex tmur ‘l hinn, mhux biex iġġib kollox l-istess.

Imma – tista’ forsi tgħidli – ħajja bħal din hi aktar iebsa minn titjira.  Dażgur, mhux faċli, għax dejjem hemm moħbija “dik il-forza ta’ gravità spiritwali” li timbotta biex tkaxkarna ‘l isfel, tipparalizza x-xewqat, tbatti l-ferħ.  Allura, ftakar fil-ħuttafa tal-artiku li aħna nsejħulha “ charrán”: hi ma tħallix l-irjieħ kontra jew il-qabżiet fit-temperatura jtellfuha milli tmur minn tarf għal ieħor tal-art.  Xi drabi tagħżel toroq li ma jkunux diretti, taċċetta d-devjazzjoni, tadatta ruħha  għal ċertu rjieħ... imma dejjem iżomm ċar quddiemha fejn trid tasal, dejjem ittir lejn id-destinazzjoni.  Se tiltaqa’ ma’ nies li jippruvaw iġibu fix-xejn il-ħolm tiegħek, li jgħidulek biex tikkuntenta bil-ftit, biex titqabad biss għal dak li jaqbel lilek.  Allura tistaqsi lilek innifsek: għalfejn għandi noqgħod nitħabat għal dak li ħaddieħor ma jemminx fih?  U aktar: kif nista’ nibda ntir ġo dinja li tidher donnha dejjem iżjed nieżla ‘l isfel bejn l-iskandli, il-gwerer, il-qerq, in-nuqqas ta’ ġustizzja, il-qerda tal-ambjent, l-indifferenza lejn l-aktar dgħajfa, id-delużjonijiet ġejjin minn dawk li suppost jagħtu l-eżempju?  Quddiem dawn il-mistoqsijiet xinhi t-tweġiba?

Nixtieq ngħid lilek, żgħażugħ, lilek, ħija, oħti żgħażugħa: it-tweġiba hija int.  Int, ħija, int, oħti.  Mhux biss għax jekk iċċedi tkun ġarrabt telfa qabel ma biss bdejt, iżda għax il-ġejjieni jinsab f’idejk.  F’idejk hemm il-komunitajiet li ġġenerawk, l-ambjent li fih tgħix, it-tama ta’ dawk tamparek, ta’ min anki bla ma talbek, qed jistenna minnek it-tajjeb oriġinali u irripetibbli li int tista’ titma’ lill-istorja, għax kull “wieħed u waħda minna aħna uniċi” (cfr Principle 5).  Id-dinja li tgħix fiha hi l-għana li writt: ħobbha kif ħabbejt lil min tak il-ħajja u l-akbar ferħat ta’ ħajtek, kif iħobbok Alla li għalik ħalaq is-sbuħija kollha li teżisti u li l-fiduċja tiegħu fik qatt ma tnin imqar għal waqt wieħed.  Hu jemmen fit-talenti li tak.  Kull darba li tfittxu tifhem kif it-triq li qed issejjaħlek biex itterraq dejjem tiela ‘l fuq.  Iġġarrab dan meta tħares ‘il fuq lejn is-sema bit-talb, speċjalment meta terfa’ ħarstek lejn il-Kurċifiss.  Tifhem li mis-salib, Ġesù qatt ma jipponta sebgħu lejk, imma jħaddnek u jinkoraġġik, għax jemmen fik ukoll meta int waqaft temmen fik innifsek.  Allura qatt titlef it-tama, tqabad, għamel ħiltek kollha u jisgħobx bik.  Ibqa’ għaddej fil-mixja “pass wara ieħor lejn l-aħjar” (cfr Principle 6).  Dawwar it-tmun tal-eżistenza tiegħek lejn għan kbir, ‘il fuq.

It-tieni parir: oħroġ għad-dawl.  Fil-mumenti ta’ swied il-qalb u dwejjaq, ftakr fil-quilliq: għandu messaġġ għalik.  Liema?  Li itni teżisti biex toħroġ għad-dawl, kuljum.  Mhux biss f’jum twelidek, meta ma kienx jiddependi minnek, imma kuljum.  Ta’ kuljum int imsejjaħ biex iġġib dawl ġdid fid-dinja, bid-dija ta’ għajnejk, tat-tbissima tiegħek, tal-ġid li int u int biss tista’ żżid.  Dan ma jista’ jagħmlu ħadd aktar ħliefek.  Imma biex toħroġ għad-dawl, hemm bżonn titqabad mad-dlam, ta’ kuljum.  Iva, hemm taqbida ta’ kuljum bejn id-dawl u d-dlam, li mhix qed isseħħ hemm barra, xi mkien, imma ġo kull wieħed u waħda minna.  It-triq tad-dawl titlob għażliet kuraġġużi kontra d-dlam tal-falsità, titlob “li tibqa’ tiżviluppa attitudnijiet tajbin biex tgħix aħjar” (cfr Principle 1), li ma tiġrix wara raġġi ta’ dawl li jgħibu f’leħħa, logħob tan-nar li jħalli biss duħħan.  Dawn huma illużjonijiet, parodiji tal-ferħ”, kif kien qal hawn fil-Kanada San Ġwanni Pawlu II: “Forsi mhemmx dlam aktar ċappa minn dak li jidħol fin fin fil-qalb taż-żgħażagħ meta profeti foloz jitfu fihom id-dawl tal-fidi, tat-tama, tal-imħabba” (Omelija fit-XXII Jum Dinji taż-Żgħażagħ, Toronto, 28 ta’ Lulju, 2002).  Ħija, oħti, Ġesù jinsab qribek u jixtieq idawwallek qalbek biex jgħinek toħroġ għad-dawl.  Hu qal: “Jien id-dawl tad-dinja” (Ġw 8, 12), imma lid-dixxipli tiegħu qalilhom ukoll: “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5, 14).  Int ukoll għalhekk, int id-dawl tad-dinja u ssir hekk dejjem aktar jekk titqabad biex tbiegħed minn qalbek id-dlam li jnikket tal-ħażen.

Biex titgħallem tagħmel dan, hemm bżonn titgħallem arti li qatt mhemm tarfha, li titlob li “tegħleb id-diffikultajiet u l-kuntradizzjonijiet bit-tfittxija bla heda tas-soluzzjonijiet” (cfr Principle 2).  Hi l-arti li kuljum tifred id-dawl mid-dlam.  Biex jaħlaq dinja tajba, tgħidilna l-Bibbja, Alla beda propju hekk, feraq id-dawl mid-dlam (cfr Ġen 1, 4).  Aħna wkoll, jekk irridu nsiru aħjar, hemm bżonn nitgħallmu nagħżlu d-dawl mid-dlam.  Mnejn nibdew?  Tista’ tibda billi tistaqsi lilek innifsek: xinhu dak li jidhirli li jleqq u jsaħħarni, imma mbagħad iħalli fija vojt kbir?  Dan hu d-dlam!  Allura, xinhu dak li, minflok, jgħamilli tajjeb u jħallili qalbi fil-paċi, anki jekk jitlob minni li nħalli warajja ċerti kumditajiet u niddomina ċerti istinti?  Dan hu d-dawl!  U – nistaqsi mill-ġdid lili nnifsi -  liema hi l-qawwa li tippermettielna nifirdu d-dawl mid-dlam ġewwa fina, li ġġagħalna ngħidu “le” għat-tentazzjonijiet tal-ħażen u “iva” għall-okkażjonijiet ta’ ġid?  Hi l-libertà.  Libertà li ma tfissirx li nagħmel kulma jiftilli u jogħġobni; mhux dak li nista’ nagħmel minkejja l-oħrajn, imma għall-oħrajn; mhix arbitrarjetà totali, imma responsabbiltà.  Il-liberta’ hija l-akbar don li tana flimkien mal-ħajja, Missierna tas-smewwiet.

Fl-aħħar, it-tielet parir: kun parti mit-tim.  Iż-żgħażagħ jagħmlu affarijiet kbar meta jkunu flimkien, mhux meta jmorru għal rashom.  Għaliex intom iż-żgħażagħ tixbħu l-kwiekeb tas-sema, li hawn jiddu b’mod stupend: sbuħithom tiġi mill-fatt li huma flimkien, mill-kostellazzjonijiet li jiffurmawhom, u li jagħtu d-dawl u l-orjentament lill-iljiel tad-dinja.  Intom ukoll, imsejħin biex timirħu fl-għoli tas-smewwiet u biex tiddu fid-dinja, intom magħmulin biex tiddu lkoll flimkien.  Hemm bżonn li liż-żgħażagħ inħalluhom jingħaqdu fi gruppi, li jibqgħu dejjem għaddejjin: ma jistgħux jgħaddu jiemhom iżolati, ostaġġi ta’ telefon!  Il-firxiet kbar ta’ silġ ta’ dawn l-artijiet iġibuli f’moħħi l-isport nazzjonali tal-Kanada, il-hockey fuq is-silġ.  Kif jirnexxilha tikseb dawk il-medalji olimpiċi kollha l-Kanada?  Kif għamlu Sarah Nurse jew Marie-Philip Poulin biex jiskurjaw dawk il-gowlijiet kollha?  Il-hockey jwaħħad flimkien id-dixxiplina u l-kreattività, it-tattika u l-fiżiċità; imma l-ispirtu tat-tim jagħmel id-differenza kollha.  Din hi kundizzjoni meħtieġa biex wieħed jaffronta s-sitwazzjonijiet imprevedibbli tal-logħob.  Li tkun tim ifisser li temmen li biex tilħaq għanjiet kbar ma tistax taqdef għal rasek; jeħtieġ li kulħadd jimxi flimkien, ikollu l-paċenzja li jinseġ sensiela sfiqa ta’ passaġġi.  Ifisser ukoll li tħalli wisa’ għall-oħrajn, li toħroġ sparat meta jkun imiss lilek u li tagħti sapport lil sħabek.  Dan hu l-ispirtu tat-tim!

Ħbieb, imxu b’ħarsitkom fil-għoli, oħorġu għad-dawl kuljum, kunu tim!  U għamlu dan fi ħdan il-kultura tagħkom, bil-lingwaġġ mill-isbaħ Inuktitut.  Nawguralkom li bis-smigħ ta’ dak li għandhom x’jgħidulkom l-anzjani u mix-xorb mill-għajn tar-rikkezza tat-tradizzjonijiet tagħkom u tal-libertà tagħkom, tħaddnu l-Evanġelju mħares u mgħoddi lilkom mill-antenati tagħkom u li tiltaqgħu mal-wiċċ Inuk ta’ Ġesù Kristu.  Inberikkom min qalbi u ngħidilkom: qujannamiik! (grazzi)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber