VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KANADA

(24-30 TA’ LULJU 2022)

KONFERENZA STAMPA TAL-Q.T. IL-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

Titjira Papali

Il-Ġimgħa 29 ta’ Luju 2022

 

Matteo Bruni

Il-lejla t-tajba lil kulħadd. Santità, kienu jiem ta’ pellegrinaġġ u ta’ penitenza f’diversi tappi b’tant laqgħat, ġesti – dan l-aħħar wieħed, f’Iqualit, imisslek qalbek. Dawn il-jiem – dan għidtu inti stess – ma jagħlqux aħna u nħallu din l-art, u anki f’dan is-sens niġu għal din il-laqgħa mal-ġurnalisti. Imma forsi int tixtieq tgħidilna xi ħaġa qabel ma nibdew…

 

Il-Papa Franġisku

Il-lejla t-tajba u grazzi tal-akkumpanjament tagħkom, tal-ħidma tagħkom hawn. Naf li ħdimtu ħafna, qaluli kemm tħabattu. U grazzi anki tal-kumpanija. Grazzi.

 

Matteo Bruni

L-ewwel mistoqsija, illejla, hi ta’ Jessica Ka’Nhehsíio DEER, ġurnalista Kanadiża ta’ oriġni Inuit.

 

Jessica Ka’Nhehsíio DEER (CBC RADIO - CANADA INDIGENOUS)

Bħal dixxendenta ta’ wieħed minn dawk l-istudenti ta’ skola residenzjali, naf li dawk li għaddew minn hemm u l-familji tagħhom jixtiequ jaraw azzjonijiet konkreti li jsegwu t-talbiet ta’ maħfra li għamilt int, inkluż ir-rifjut tad-“duttrina tal-iskoperta”. Meta wieħed iqis li din għadha mdaħħla fil-Kostituzzjoni u fis-sistemi legali fil-Kanada u l-Istati Uniti, fejn il-popli indiġeni qed ikomplu jiġu mċaħħda illeċitament mill-artijiet tagħhom u mill-poter, ma kinitx okkażjoni mitlufa li ma saritx dikjarazzjoni f’dan is-sens matul il-vjaġġ tiegħek fil-Kanada?

 

Il-Papa Franġisku

Fuq l-aħħar ħaġa, m’iniex nifhem il-problema…

 

Jessica Ka’Nhehsíio DEER

Hi l-fatt li l-popli indiġeni sal-lum għadhom imċaħħda minn artijiet u poter, minħabba dawk il-Bolli Papali u dan il-kunċett tad-duttrina tal-iskoperta.

 

Meta nitkellem ma’ persuni indiġeni, huma jgħiduli li meta l-persuni ġew u kkolonizzaw l-Amerika, kien hemm din id-duttrina tal-iskoperta li b’xi mod kienet issaħħaħ l-idea li l-popli indiġeni tal-pajjiżi ġodda kienu inferjuri għall-Kattoliċi. Dan hu l-mod kif il-Kanada u l-Istati Uniti saru “Pajjiżi”.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi tal-mistoqsija tiegħek. Nemmen li din hi problema ta’ kull kolonjaliżmu. Illum ukoll: il-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi tal-lum għandhom l-istess skema. Min ma jidħolx f’din it-triq, hu inferjuri. Imma rrid nagħmel pass iktar, dwar dan. Mhux biss kienu meqjusa inferjuri: xi teologu naqra miġnun kien jistaqsi għandhomx ruħ. Meta Ġwanni Pawlu II mar l-Afrika, fil-bieb fejn l-ilsiera kienu jiġu imbarkati [fil-Gżira ta’ Gorée, il-bieb ta’ bla ritorn], ta sinjal biex aħna stajna naslu biex nifhmu t-traġedja, it-traġedja kriminali: dawk in-nies kienu jiġu imbuttati għal fuq il-ġifen, f’kundizzjonijiet diżastrużi, u mbagħad kienu jispiċċaw ilsiera fl-Amerika. Huwa minnu li kien hemm ilħna li jitkellmu ċar, bħal Bartilmew de las Casas, ngħidu aħna, Pedro Claver, imma kienu l-minoranza. Il-kuxjenza dwar l-ugwaljanza umana waslet ftit ftit. U ngħid il-kuxjenza, għax fl-inkonxju għad hemm xi ħaġa… Aħna dejjem għandna – ippermettuli ngħidha – bħal atteġġjament kolonjalista li nirriduċu l-kultura tagħhom għal tagħna. Hi ħaġa li ġejja mill-mod żviluppat ta’ kif aħna ngħixu, tagħna, u xi drabi nitilfu valuri li huma għandhom.

 

Ngħidu aħna: il-popli indiġeni għandhom valur kbir li hu l-armonija mal-Ħolqien, u tal-inqas xi wħud li naf jien dan jesprimuh fil-kelma tgħix tajjeb [bien vivir]. Din il-kelma ma tfissirx, kif nifhmuha aħna tal-Punent, tgħaddiha tajjeb jew tgħix ħajja komda, le. Tgħix tajjeb ifisser tħares l-armonija. U dan għalija hu l-valur kbir tal-popli indiġeni. L-armonija. Aħna mdorrijin nirriduċu kollox għar-ras: imma l-popli indiġeni – qed nitkellem b’mod ġenerali – jafu jesprimu ruħhom fi tliet lingwaġġi: dak tar-ras, dak tal-qalb u dak tal-idejn. Imma lkoll flimkien, jafu jibnu dan il-lingwaġġ mal-ħolqien.

 

Imbagħad, dan il-progressiżmu mgħaġġel tal-iżvilupp xi ftit esaġerat, xi ftit nevrotiku li għandna aħna, mhux veru? Mhux qed nitkellem kontra l-iżvilupp: l-iżvilupp hu tajjeb. Imma mhux tajjeb bl-ansjetà tal-iżvilupp, żvilupp, żvilupp… Araw, waħda mill-affarijiet li tilfet iċ-ċiviltà tagħna soprażviluppata, kummerċjali, hi l-ħila tal-poeżija: il-popli indiġeni għandhom din il-ħila poetika. M’iniex nidealizza.

 

Imbagħad, din id-duttrina tal-kolonizzazzjoni: huwa minnu, hi ħażina, inġusta. Illum ukoll tintuża, l-istess, b’ingwanti tal-ħarir, imma tintuża, illum. Ngħidu aħna, xi isqfijiet ta’ xi pajjiż qaluli: “Pajjiżna, meta jitlob il-flus mingħand organizzazzjoni internazzjonali, jagħmlulna xi kundizzjonijiet, anki leġislattivi, kolonjalisti. Biex jisilfuk il-flus iġagħluk tibdel xi ftit il-mod ta’ kif tgħix”. Lura għall-kolonizzazzjoni tagħna tal-Amerika, dik tal-Ingliżi, tal-Franċiżi, tal-Ispanjoli, tal-Portugiżi: huma erbgħa [potenzi kolonjali] li għalihom dejjem kien hemm dak il-periklu, anzi, dik il-mentalità ta’ “aħna superjuri u dawn l-indiġeni ma jiswewx”, u din hi ħaġa gravi. Għalhekk irridu naħdmu fuq dak li qed tgħid int: nerġgħu lura u nfejqu, ħa ngħidu hekk, dak li sar ħażin, bl-għarfien li llum ukoll jeżisti l-istess kolonjaliżmu. Aħseb, ngħidu aħna, f’każ, li hu universali u ppermettuli nsemmih: qed naħseb fil-każ tar-Rohingya, f’Myanmar: ma għandhomx dritt għaċ-ċittadinanza, huma ta’ livell inferjuri. Illum ukoll. Thank you very much.

 

Matteo Bruni

It-tieni mistoqsija, Santità, ġejja minn ġurnalista oħra Kanadiża, Brittany Hobson.

 

Brittany HOBSON (THE CANADIAN PRESS)

Il-lejla t-tajba, Papa Franġisku. Jisimni Brittany Hobson, mill-Canadian Press. Int spiss għidt li hemm bżonn nitkellmu b’mod ċar, onest, dirett u b’parresia. Int taf li l-Kummissjoni Kanadiża għall-verità u r-rikonċiljazzjoni fissret is-sistema tal-iskejjel residenzjali bħala ġenoċidju kulturali, u din l-espresjoni ġiet ikkoreġuta għal sempliċiment ġenoċidju. Il-persuni li fil-ġimgħa li għaddiet semgħu l-kliem tiegħek ta’ maħfra lmentaw fuq il-fatt li ma ntużax it-terminu ġenoċidju. Int kieku tużaha din il-kelma u tirrikonoxxi li membri tal-Knisja pparteċipaw f’dan il-ġenoċidju?

 

Il-Papa Franġisku

Veru, ma użajtx il-kelma għax ma ġitnix f’moħħi, imma fissirt il-ġenoċidju u tlabt skuża, maħfra għal dan ix-xogħol li hu ġenoċida. Ngħidu aħna, ikkundannajt dan ukoll: tneħħi t-tfal, tibdel il-kultura, tibdel il-moħħ, tibdel it-tradizzjonijiet, tibdel razza, ħa ngħidu hekk, kultura sħiħa. Iva, hi kelma teknika – ġenoċidju – imma jien ma użajthiex għax ma ġitnix f’moħħi. Imma fissirt li kien veru, iva, kien ġenoċidju, iva, iva, serraħ rasek. Int għid li jiena għidt li, iva, kien ġenoċidju. Thank you.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija l-oħra ġejja minn Valentina Alazraki – tafha tajjeb minn Televisa.

 

Maria Valentina ALAZRAKI CRASTICH (TELEVISA)

Papa Franġisku, il-lejla t-tajba. Nissupponu li dan il-vjaġġ fil-Kanada kien anki test, prova għal saħħtek, għal dawk li int dalgħodu sejjaħtilhom “limitazzonijiet fiżiċi”. Allura xtaqna nafu: wara din il-ġimgħa, x’tista’ tgħidilna fuq il-vjaġġi futuri tiegħek? Trid tibqa’ tivvjaġġa hekk? Se jkun hemm vjaġġi li ma tistax tagħmel minħabba dawn il-limitazzjonijiet, jew inkella wara ġimgħa bħal din taħseb li l-operazzjoni fl-irkoppa tista’ ssolvi iżjed is-sitwazzjoni u tivvjaġġa b’mod… bħal qabel?

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi. Ma nafx… Ma naħsibx li nista’ nibqa’ sejjer bl-istess ritmu tal-vjaġġi ta’ qabel. Nemmen li fl-età tiegħi u b’dawn il-limitazzjonijiet irrid innaqqas xi ftit biex nista’ naqdi lill-Knisja jew, bil-maqlub, naħseb fil-possibbiltà li nwarrab għall-ġenb. Dan qed ngħidu bl-onestà kollha. Mhijiex katastrofi, il-Papa jista’ jinbidel, jista’ jinbidel, mhijiex problema! Imma nemmen li jkolli nillimita xi ftit ruħi b’dawn l-isforzi. L-intervent kirurġiku fl-irkoppa ma jaqbilx, ma jaqbilx fil-każ tiegħi. It-tekniċi jgħidu li iva, imma hemm il-problema kollha tal-anestesija: jien għaxar xhur ilu għamilt sitt sigħat taħt anestesija u għadni nħoss l-effetti. Ma tilgħabx, ma tiċċajtax mal-anestesija. U għalhekk jidhirli li mhix għalkollox konvenjenti. Imma jien se nfittex li nkompli nagħmel il-vjaġġi u nkun qrib tan-nies, għax nemmen li dan hu mod kif naqdi, il-qrubija. Imma iżjed minn hekk ma nafx x’naqbad ngħid. Nittamaw… Fil-Messiku mhux previst… għalissa!

 

Maria Valentina ALAZRAKI

U l-Kazakhstan? U jekk tmur il-Kazakhstan, m’għadekx trid tmur l-Ukrajna l-ewwel, forsi, jekk ħa tmur il-Kazakhstan?

 

Il-Papa Franġisku

Jiena għidt li nixtieq immur l-Ukrajna. Issa nara xi nsib meta mmur id-dar. Il-Kazakhstan, għalissa, nixtieq immur: huwa vjaġġ trankwill, mingħajr ħafna moviment, hu kungress ta’ reliġjonijiet. Imma għalissa, kollox jibqa’. Irrid immur ukoll fis-Sudan ta’ Isfel qabel il-Kongo, għax dak hu Vjaġġ mal-Arċisqof ta’ Canterbury u mal-Isqof tal-Knisja tal-Iskozja, it-tlieta li aħna flimkien, kif it-tlieta li aħna flimkien għamilna l-irtir ta’ sentejn ilu. Imbagħad il-Kongo. Imma s-sena d-dieħla, għax hemm l-istaġun tax-xita… Naraw. Jiena għandi r-rieda tajba kollha, imma nara sieqi xi tgħid.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li jmiss, Santità, hi ta’ Caroline Pigozzi, minn Paris Match.

 

Caroline Pigozzi

Il-lejla t-tajba, Santità. Dalgħodu int iltqajt fil-Palazz tal-Arċisqof, bħal kull darba li żżur pajjiż, mal-membri lokali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, il-familja tiegħek. Disa’ snin ilu, lura mill-JDŻ fil-Brażil, kont staqsejtek, fit-28 ta’ Lulju 2013, jekk għadekx tħossok Ġiżwita. It-tweġiba kienet iva. Fl-4 ta’ Diċembru li għadda int fissirt, wara li f’Ateni ltqajt mal-Ġiżwiti tal-Greċja: “Meta wieħed jibda proċess irid iħallih jiżviluppa, biex opra tikber, u mbagħad iwarrab. Kull Ġiżwita għandu jagħmel hekk, ebda opra ma hi tiegħu għax hija tal-Mulej”. Santità, din id-dikjarazzjoni tista’ wkoll jum wieħed tgħodd għal Papa Ġiżwita?

 

Il-Papa Franġisku

Nemmen li iva, iva.

 

Caroline Pigozzi

Trid tgħid li tista’ tirtira bħall-Ġiżwiti?

 

Il-Papa Franġisku

Iva, iva, hija vokazzjoni.

 

Caroline Pigozzi

Li tkun Papa jew li tkun Ġiżwita?

 

Il-Papa Franġisku

Dak li jgħid il-Mulej. Il-Ġiżwita jfittex – ifittex, mhux dejjem jagħmel hekk, ma jistax, ifittex – li jagħmel ir-rieda tal-Mulej, anki l-Papa Ġiżwita jrid jagħmel l-istess. Meta l-Mulej jitkellem, jekk il-Mulej jgħidlek “imxi”, int trid timxi; jekk il-Mulej jgħidlek “mur hemm”, tmur hemm. Imma huwa l-Mulej li…

 

Caroline Pigozzi

Imma dak li qed tgħid ifisser li sa dakinhar tkun qed tistenna l-mewt…

 

Il-Papa Franġisku

Imma kollha kemm aħna qed nistennew il-mewt!

 

Caroline Pigozzi

Le, li rrid ngħid hu, ma tirtirax qabel…

 

Il-Papa Franġisku

Dak li jgħid il-Mulej. Il-Mulej jista’ jgħidlek: “Irriżenja”. Huwa l-Mulej li jikkmanda. Ħaġa dwar Sant’Injazju, din importanti: meta wieħed kien ikun għajjien, marid, kien jgħid lil Sant’Injazju: “Jien ma nistax nitlob”, u hu kien jiddispensah mit-talb. Imma qatt ma kien jiddispensah mill-eżami tal-kuxjenza: darbtejn kuljum tħares lejn dak li ġara… Mhix kwistjoni ta’ dnubiet jew mhux dnubiet, le: “Liema spirtu qanqalni llum?”. Il-vokazzjoni tagħna tgħid: fittex x’ġara llum. Jekk jien – din hi ipoteżi – nara li l-Mulej qed jgħidli dan, ispirazzjoni ta’ dan jew dik il-ħaġa, irrid nagħmel dixxerniment biex nara x’qed jitlob minni l-Mulej. U jista’ jkun li l-Mulej irid jibgħatni hemm, din ħaġa tiegħu, hu li jikkmanda. Nemmen li dan huwa l-mod reliġjuż kif għandu jgħix Ġiżwita: ikun f’dixxerniment spiritwali biex jieħu d-deċiżjonijiet, biex jagħżel toroq ta’ xogħol u anki jagħżel l-impenji tiegħu. Id-dixxerniment hu muftieħ fil-vokazzjoni tal-Ġiżwita. Dan importanti. Sant’Injazju f’dan kien sod ħafna, għax kienet l-esperjenza tiegħu tad-dixxerniment spiritwali li wasslitu għall-konverżjoni. U l-Eżerċizzi Spiritwali huma tabilħaqq skola ta’ dixxerniment. Hekk, il-Ġiżwita b’vokazzjoni għandu jkun bniedem ta’ dixxerniment, jgħarbel is-sitwazzjonijiet, jgħarbel il-kuxjenza tiegħu, jgħarbel x’deċiżjonijiet għandu jieħu. U għalhekk għandu jkun miftuħ għal kull ħaġa li l-Mulej jitlob minnu. Din hi xi ftit jew wisq l-ispiritwalità tagħna.

 

Caroline Pigozzi

Imma int issa tħossok iżjed Papa jew iżjed Ġiżwita?

 

Il-Papa Franġisku

Qatt ma kejjilt hekk! Qatt! Jiena nħossni qaddej tal-Mulej, bi drawwiet ta’ Ġiżwita, għax ma teżistix spiritwalità papali, dik ma teżistix. Kull Papa għandu l-ispiritwalità tiegħu. Aħseb fi Ġwanni Pawlu II, b’dik l-ispiritwalità sabiħa Marjana li kellu, kellu qabel u kellu bħala Papa. Aħseb f’tant Papiet li kellhom l-ispiritwalità tagħhom. Il-papat mhux spiritwalità, huwa ħidma, huwa funzjoni, huwa servizz, imma kull wieħed jgħixu bl-ispiritwalità tiegħu, bil-grazzi tiegħu, bil-fedeltà tiegħu u anki bid-dnubiet tiegħu. Imma ma hemmx spiritwalità papali għax din it-tieni waħda ma teżistix. Fhimt? Grazzi, grazzi.

 

Matteo Bruni

Mistoqsija oħra, Santità, ġejja minn ġurnalista Ġermaniża, Severina Bartonitschek, mill-Aġenzija Stampa Kattolika Ġermaniża.

 

Severina Elisabeth BARTONITSCHEK (CIC)

Il-lejla t-tajba. Santità, ilbieraħ int tkellimt ukoll fuq il-fraternità tal-Knisja, fuq komunità li taf tisma’ u tidħol fi djalogu, li tippromovi kwalità tajba tar-relazzjonijiet. Imma xi ġranet ilu kien hemm id-dikjarazzjoni tas-Santa Sede fuq il-Mixja Sinodali tal-Ġermanja, bla firma. Taħseb li dan il-mod ta’ komunikazzjoni jgħin jew ifixkel id-djalogu?

 

Il-Papa Franġisku

Qabelxejn, dak il-komunikat għamlitu s-Segreterija tal-Istat, kien żball li ma ssemmiex isfel… Suppost intqal: “Komunikat tas-Segreterija tal-Istat”, imma m’iniex ċert. Imma kien żball li ma ffirmawx bħala Segreterija tal-Istat, żball ta’ uffiċċju, mhux ta’ rieda ħażina. Din fuq l-aħħar ħaġa. U fuq is-sogenannter synodaler Weg, fuq il-mixja sinodali, jiena ktibt ittra – waħdi għamiltha, wara xahar ta’ talb, riflessjoni, konsultazzjonijiet –, u għidt dak kollu li kelli ngħid fuq il-Mixja Sinodali, iktar minn hekk mhux ħa ngħid. Dak hu l-Maġisteru Papali fuq il-Mixja Sinodali, dik l-ittra li ktibt sentejn [tliet snin] ilu. Qbiżt il-Kurja, għax ma kkonsultajt ma’ ħadd, xejn. Għamilt bħal mixja tiegħi, anki bħala ragħaj għal Knisja li qed tfittex mixja, bħala ħu, bħala missier, bħala bniedem ta’ fidi, għamiltha hekk. U dan huwa l-messaġġ tiegħi. Naf li mhuwiex faċli, imma hemmhekk hemm kollox, f’dik l-ittra. Grazzi.

 

Matteo Bruni

Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Ignazio Ingrao minn Raiuno.

 

Ignazio Ingrao (RAI - TG1)

L-Italja għaddejja minn mument diffiċli li jqajjem preokkupazzjoni anki fuq livell internazzjonali. Hemm il-kriżi ekonomika, il-pandemija, il-gwerra u issa sibna ruħna bla gvern ukoll. Inti l-Primat tal-Italja: fit-telegramma lill-President Mattarella għal għeluq sninu tkellimt fuq pajjiż milqut minn diversi diffikultajiet u msejjaħ għal għażliet kruċjali. Kif ħadtha l-waqgħa ta’ Draghi?

 

Il-Papa Franġisku

Qabelxejn ma rridx nindaħal fil-politika interna Taljana. It-tieni: Ħadd ma jista’ jgħid li l-President Draghi ma kienx bniedem ta’ kwalità għolja internazzjonali. Kien president tal-Bank Ċentrali Ewropew, karriera tajba, ħa ngħidu hekk. U mbagħad għamilt biss mistoqsija waħda lil wieħed mill-kollaboraturi tiegħi: “Għidli, kemm gvernijiet kellha l-Italja f’dan is-seklu?”. U qalli: “20”. Din hi t-tweġiba tiegħi.

 

Ignazio Ingrao

Imma int x’appell tagħmel lill-forzi politiċi fid-dawl ta’ dawn l-elezzjonijiet diffiċli?

 

Il-Papa Franġisku

Responsabbiltà. Responsabbiltà ċivika.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Grazzi, Ignazio. U l-mistoqsija li jmiss hi ta’ Claire Giangravè, mir-Religion News Service, ġurnalista.

 

Claire Giangravè (RELIGION NEWS SERVICE)

Insellimlek, Santità, il-lejla t-tajba. Ħafna Kattoliċi, imma wkoll ħafna teologi, jemmnu li hemm bżonn ta’ żvilupp fit-tagħlim tal-Knisja dwar il-kontraċettivi. Donnu anki l-predeċessur tiegħek, Ġwanni Pawlu I, kien jaħsibha li projbizzjoni totali forsi ta’ min jerġa’ jikkunsidraha. Int x’taħseb fuq hekk, fis-sens: int miftuħ, f’kelma waħda, għal rivalutazzjoni f’dan is-sens? Jew teżisti possibbiltà għal koppja li tikkunsidra l-kontraċettivi?

 

Il-Papa Franġisku

Fhimtek, din hi ħaġa puntwali ħafna. Tafu li d-domma, il-morali, hi dejjem fit-triq tal-iżvilupp, imma żvilupp fl-istess sens. Biex ninqdew b’ħaġa li hi ċara, nemmen li din għidtha drabi oħra hawnhekk, għall-iżvilupp ta’ kwistjoni morali, żvilupp teoloġiku, biex ngħidu hekk, jew dommatiku, hemm regola ċarissma u li tista’ ddawwalna, din għidtha drabi oħra: dak li għamel Vinċenz ta’ Lérins, fis-seklu 5, dan kien Franċiż. Jgħid li d-duttrina vera, biex timxi ’l quddiem, ma għandhiex tkun kwieta, imma tiżviluppa ut annis consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur ætate. Jiġifieri tissaħħaħ maż-żmien, titwessa’ u tissaħħaħ u ssir iżjed soda imma dejjem timxi ’l quddiem. Huwa għalhekk li d-dmir tat-teologi hu t-tiftix, ir-riflessjoni teoloġika. Ma tistax tagħmel teoloġija b’“le” quddiemek. Imbagħad ikun il-Maġisteru li jgħid: “Le, ġrejt wisq, dur lura”. Imma l-iżvilupp teoloġiku għandu jkun miftuħ, it-teologi għalhekk qegħdin. U l-Maġisteru għandu jgħinna nifhmu l-limiti. Fuq il-problema tal-kontraċettivi, naf li ħarġet pubblikazzjoni, fuq din it-tema u temi oħra taż-żwieġ. Huma l-atti ta’ kungress u fil-kungress hemm il-“ponenze”, imbagħad jiddiskutu bejniethom u jagħmlu l-proposti. Irridu nkunu ċari: dawn li għamlu dan il-kungress wettqu dmirhom, għax fittxew li jimxu ’l quddiem fid-duttrina, imma f’sens ekkleżjali, mhux barra, kif għidt b’din ir-regola ta’ Vinċenz ta’ Lérins. Imbagħad il-Maġisteru jgħid: “Tajjeb” – “Mhux tajjeb”.

 

Imma hemm ħafna argumenti fin-nofs. Aħseb ngħidu aħna fl-armamenti atomiċi: illum iddikjarajt uffiċjalment li l-użu u l-pussess tal-armamenti atomiċi hu immorali. Aħseb fil-piena tal-mewt: qabel il-piena tal-mewt, iva… Issa nista’ ngħid li qegħdin qrib l-immoralità, għax il-kuxjenza morali żviluppat tajjeb…

 

Biex inkun ċar: tajjeb li d-domma u l-morali jiżviluppaw, imma f’dik id-direzzjoni, bit-tliet regoli ta’ Vinċenz ta’ Lérins. Nemmen li din hi ħaġa ċara ħafna: Knisja li ma tiżviluppax il-ħsieb tagħha f’sens ekkleżjali, hija Knisja li sejra lura. U din hi l-problema tal-lum, ta’ tant li jsejħu lilhom infushom “tradizzjonali”. Le, ma humiex tradizzjonali, huma “indjetristi”, sejrin lura, bla għeruq. Dejjem sar hekk, fis-seklu li għadda hekk sar. U l-“indjetriżmu” huwa dnub, għax ma jimxix pass pass mal-Knisja. Imma t-tradizzjoni – kien jgħid xi ħadd, naħseb għidtha f’waħda mid-diskorsi –, it-tradizzjoni hi l-fidi ħajja tal-mejtin. Waqt li għal dawn l-“indjetristi” li jsejħu lilhom infushom tradizzjonalisti, hija l-fidi mejta tal-ħajjin. It-tradizzjoni hija sewwasew l-għerq ta’ ispirazzjoni biex nimxu ’l quddiem fil-Knisja. U din dejjem hi ħaġa vertikali. L-“indjetriżmu” jfisser tmur lura, hu dejjem magħluq. Importanti li nifhmu tajjeb ir-rwol tat-tradizzjoni, li hi dejjem miftuħa, bħall-għeruq tas-siġra, u s-siġra allura tikber… Mużiċista kellu frażi sabiħa ħafna, Gustav Mahler qal: it-tradizzjoni f’dan is-sens hija l-garanzija tal-futur, hija l-garanzija, mhijiex biċċa mużew. Jekk int tara t-tradizzjoni bħala ħaġa magħluqa, din mhijiex tradizzjoni Nisranija. Huwa dejjem is-sugu tal-għeruq li jmexxik ’il quddiem, ’il quddiem, ’il quddiem… Għalhekk, fuq dak li qed tgħid int, irridu naħsbu u mmexxu ’l quddiem il-fidi u l-morali, u sakemm nimxu fid-direzzjoni tal-għeruq, tas-sugu, tajjeb. B’dawn it-tliet regoli ta’ Vinċenz ta’ Lérins li semmejt.

 

Matteo Bruni

Għad fadal mistoqsija minn Eva Fernandez ta’ Cope.

 

Eva Fernandez (Cadena Cope)

Santità, fi tmiem Awwissu għandna Konċistorju. Dan l-aħħar ħafna staqsewk jekk ħsibtx li tirriżenja. Tinkwetax, did-darba mhux se nsaqsuhielek, imma aħna kurjużi, Santità: qatt ħsibt liema karatteristiċi tixtieq li jkollu s-suċċessur tiegħek?

 

Il-Papa Franġisku

Dan xogħol l-Ispirtu s-Santu, tafx! Jiena ma nindenja qatt naħseb… L-Ispirtu s-Santu dan jaf jagħmlu aħjar minni, hu aħjar minna kollha. Għax hu jnebbaħ lill-Papa bid-deċiżjonijiet, dejjem inebbaħ. Għax hu ħaj fil-Knisja, ma tistax timmaġina l-Knisja mingħajr l-Ispirtu s-Santu, huwa Dak li jagħmel id-differenzi, jagħmel ukoll l-istorbju – aħseb ftit fl-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin – imma mbagħad jagħmel l-armonija. Importanti nitkellmu fuq “armonija” iżjed milli fuq “unità”. Unità, imma armonija, mhux bħala ħaġa wieqfa. L-Ispirtu s-Santu jagħtik armonija li hi progressiva, li timxi ’l quddiem. Jogħġobni dak li San Bażilju jgħid dwar l-Ispirtu s-Santu: “Ipse armonia est”, Hu l-armonija”. Hu armonija għax l-ewwel jagħmillek l-istorbju bid-differenza tal-kariżmi. Inħalluh f’idejn l-Ispirtu s-Santu dan ix-xogħol. Fuq ir-riżenja tiegħi, nixtieq ngħid grazzi għal artiklu sabiħ li għamlet waħda minnkom, fuq is-sinjali kollha li jistgħu jwasslu għal riżenja u s-sinjali kollha li qed jidhru. Dan hu xogħol tajjeb ta’ ġurnalista, ġurnalista li mbagħad fl-aħħar tagħti opinjoni. Naraw ukoll is-sinjali, mhux biss id-dikjarazzjonijiet; dak il-lingwaġġ ta’ taħt il-qoxra li jagħti wkoll is-sinjali. Nagħrfu naqraw is-sinjali jew tal-inqas nagħmlu sforz ta’ interpretazzjoni li tista’ tkun din jew dik il-ħaġa, dan hu xogħol tajjeb tagħkom u nirringrazzjakom ħafna.

 

Matteo Bruni

Allura, forsi l-aħħar mistoqsija minn Phoebe Natanson ta’ ABC.

 

Phoebe Natanson (ABC NEWS)

Skużani, Santità, naf li kellek ħafna mistoqsijiet ta’ dan it-tip, imma ridt nistaqsik, f’dan il-perjodu, bid-diffikultajiet tas-saħħa u kollox, ħabtet ma’ moħħok l-idea li forsi dan hu l-mument li tirtira? Kellek problemi li ġagħluk taħseb f’dan? Kien hemm mumenti diffiċli li ġagħluk taħseb f’dan?

 

Il-Papa Franġisku

Il-bieb miftuħ, hi waħda mill-għażliet normali, imma sa issa għadni ma ħabbattx fuq dak il-bieb, ma għidtx: “Ħa nidħol f’din il-kamra”. Ma ħassejtx il-bżonn li naħseb f’din il-possibbiltà. Imma forsi dan ma jfissirx li pitgħada ma nibdiex naħseb, le? Imma bħalissa sinċerament le. Anki dan il-vjaġġ kien xi ftit bħal test… Huwa veru li ma tistax tagħmel vjaġġi f’dan l-istat, forsi nibdel xi ftit l-istil, innaqqas, nagħmel il-kontijiet mal-vjaġġi li għad iridu jsiru, nirranġa xi ftit… Imma tal-Mulej hi l-kelma. Il-bieb hu miftuħ, dan hu minnu.

 

U mbagħad, qabel inħallikom, nixtieq nitkellem fuq ħaġa li għalija hi importanti ħafna. Il-vjaġġ hawn fil-Kanada kien marbut ħafna mal-figura ta’ Sant’Anna. Għidt xi affarijiet fuq in-nisa, imma fuq kollox fuq l-anzjani, fuq l-ommijiet u n-nanniet. U sħaqt fuq ħaġa li hi ċara: il-fidi tgħaddi “bid-djalett”, u d-djalett – din għidtha ċara – matern, id-djalett tan-nanniet. Aħna rċivejna l-fidi f’dik l-għamla djalettali femminili, u dan hu importanti ħafna: ir-rwol tal-mara fit-trasmissjoni tal-fidi u fl-iżvilupp tal-fidi. Huma l-omm u n-nanna li jgħallmuna nitolbu, huma l-omm u n-nanna li jfissru l-ewwel affarijiet li t-tfal żgħar ma jifhmux mill-fidi. U jien nissogra ngħid li din it-trasmissjoni “djalettali” tal-fidi hi femminili. Xi ħadd forsi jgħidli: imma teoloġikament kif tispjegaha din? U ngħidlu: għax dik li tittrasmetti l-fidi hija l-Knisja u l-Knisja hija mara, il-Knisja hi għarusa; il-Knisja mhix raġel, il-Knisja hija mara. U aħna rridu nidħlu f’dan il-ħsieb tal-Knisja mara, tal-Knisja omm, li hu iżjed importanti minn kull fantasija ministerjali maskilista jew kull poter maskilista. Il-Knisja mater, il-maternità tal-Knisja. Dik hi l-figura ta’ Omm il-Mulej. F’dan is-sens hu importanti nagħfsu fuq l-importanza fit-trasmissjoni tal-fidi ta’ dan id-djalett matern. Skoprejtu dan jiena u naqra ngħidu aħna l-martirju tal-Makkabej (ara 2 Mak 7): għal darbtejn jew tlieta jgħid li l-omm kienet tagħmlilhom kuraġġ bid-djalett matern. Il-fidi tgħaddi bid-djalett. U dak id-djalett jitkellmuh in-nisa. Dan huwa l-ferħ kbir tal-Knisja, għax il-Knisja hija mara, il-Knisja hi għarusa. Dan ridt ngħidu b’mod ċar jiena u naħseb f’Sant’Anna. Grazzi, grazzi tal-paċenzja. Grazzi tas-smigħ, issa strieħu u l-vjaġġ it-tajjeb. Grazzi!

 

Matteo Bruni

Grazzi lilek, Santità, grazzi lilek.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard