VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KANADA

(24-30 TA’ LULJU 2022)

PARTREĊIPAZZJONI FIL-“LAC ST. ANNE PILGRIMAGE”

U LITURĠIJA TAL-KELMA

OMELIJA TAL-PAPA

Lac Ste. Anne

It-Tlieta 26 ta’ Lulju 2022

 

Għeżież ħuti, âba-wash-did! Tansi! Oki! [il-ġurnata t-tajba]

 

Hu pjaċir tiegħi li ninsab hawn, pellegrin magħkom u f’nofskom. F’dawn il-jiem, speċjalment illum, laqatni l-ħoss tat-tnabar li akkumpanjani kull fejn mort. Dan it-taħbit tat-tnabar kien qisu eku tat-taħbitiet ta’ ħafna qlub: il-qlub li, matul is-sekli, ħabbtu qrib dawn l-ilmijiet; il-qlub ta’ tant pellegrini li flimkien meddew il-pass biex jilħqu din l-“għadira ta’ Alla”! Hawn nistgħu tabilħaqq inħossu t-taħbita korali ta’ poplu pellegrin, ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ li mxew lejn il-Mulej biex iduqu l-opra tiegħu ta’ fejqan. Kemm qlub waslu hawn xewqana u bla nifs, imtaqqla bil-piżijiet tal-ħajja, u qrib dawn l-ilmijiet sabu l-faraġ u l-qawwa biex jibqgħu mexjin ’il quddiem! Hawn ukoll, mgħaddsa fil-ħolqien, hemm taħbita oħra li nistgħu nisimgħu, dik materna tal-art. U kif it-taħbita tat-trabi, sa mill-ġuf, hi f’armonija ma’ dik ta’ ommijiethom, hekk biex nikbru bħala bnedmin għandna bżonn li r-ritmi tal-ħajja nwaħħduhom ma’ dawk tal-ħolqien li jagħtina l-ħajja. Għalhekk illum ejjew nerġgħu mmorru għall-għejun tal-ħajja tagħna: lejn Alla, lejn il-ġenituri u, fil-jum u fid-dar ta’ Sant’Anna, lejn in-nanniet, li nsellmilhom bi mħabba kbira.

 

Imġorrijin minn dawn it-taħbitiet li jagħtuna l-ħajja, ninsabu hawn illum, fis-skiet, nikkontemplaw l-ilmijiet ta’ din l-għadira. Dan jgħinna nerġgħu lura wkoll għall-għejun tal-fidi. Fil-fatt jgħinna nimxu bħala pellegrini idealment sal-imkejjen imqaddsa: nistħajlu lil Ġesù, li wettaq il-parti l-kbira tal-ministeru tiegħu proprju fuq ix-xtut ta’ għadira, l-Għadira tal-Galilija. Hemm hu għażel u sejjaħ lill-Appostli, xandar il-Beatitudnijiet, irrakkonta l-biċċa l-kbira tal-parabboli, wettaq sinjali u mirakli ta’ fejqan. Issa, dik l-għadira kienet il-qalba tal-“Galilija tal-ġnus” (Mt 4:15), żona periferika, ta’ kummerċ, fejn kienu jiltaqgħu flimkien diversi popli, ilewnu r-reġjun bi tradizzjonijiet u kultijiet differenti minn xulxin. Kien l-aktar post imbiegħed, ġeografikament u kulturalment, mis-safa reliġjuż, li kien ikkonċentrat Ġerusalemm, qrib it-Tempju. Allura nistgħu nimmaġinaw dik l-għadira, imsejħa baħar tal-Galilija, bħala ġabra fiċ-ċokon ta’ ħafna differenzi: fuq ix-xtut tagħha kienu jiltaqgħu sajjieda u pubblikani, ċenturjuni u lsiera, Fariżej u foqra, irġiel u nisa tal-iżjed provenjenzi u estrazzjonijiet soċjali varjati. Hemm, proprju hemm, Ġesù xandar is-Saltna ta’ Alla: mhux lil xi għażla ta’ nies reliġjużi, imma lil popli differenti li kienu ġejjin minn bosta nħawi bħal-lum, ipprietka u laqa’ lil kulħadd f’teatru naturali bħal dan. Alla għażel dak il-kuntest poljedriku u eteroġenju biex ixandar lid-dinja xi ħaġa rivoluzzjonarja: ngħidu aħna, “dawru n-naħa l-oħra ta’ ħaddejkom, ħobbu lill-għedewwa tagħkom, għixu bħala aħwa biex tkunu wlied Alla, Missier li jtella’ x-xemx tiegħu sew fuq it-tajbin u fuq il-ħżien u jibgħat ix-xita sew fuq min hu tajjeb u fuq min mhuwiex” (ara Mt 5:38-48). Hekk proprju dik l-għadira, “taħlita ta’ razez differenti”, saret is-sede ta’ aħbar ta’ fraternità li kienet għadha ma nstemgħet qatt qabel; ta’ rivoluzzjoni mingħajr mejtin u midruba, ir-rivoluzzjoni tal-imħabba. U hawn, fuq ix-xtut ta’ din l-għadira, il-ħoss tat-tnabar li jivvjaġġa fis-sekli u jgħaqqad flimkien popli differenti, jeħodna lura sa dak iż-żmien. Ifakkarna li l-fraternità hija vera jekk tgħaqqad flimkien lill-imbiegħda, li l-messaġġ ta’ għaqda li s-Sema jibgħat fuq l-art ma jibżax mid-differenzi u jistedinna għall-komunjoni, għall-komunjoni tad-differenzi, biex nerġgħu nibdew mexjin flimkien, għax ilkoll – ilkoll kemm aħna! – pellegrini f’mixja.

 

Ħuti, pellegrini f’dawn l-ilmijiet, x’nistgħu nixorbu minnhom? Hi l-Kelma ta’ Alla li tgħinna niskopru dan. Il-profeta Eżekjel tenna għal darbtejn li l-ilmijiet li ħarġu mit-Tempju, għall-poplu ta’ Alla, “jagħtu l-ħajja” u “jfejqu” (ara Eżek 47:8-9).

 

Jagħtu l-ħajja. Qed naħseb fin-nanniet li jinsabu hawn magħna, ħafna! Għeżież, il-qlub tagħkom huma għejun li minnhom ħareġ l-ilma ħaj tal-fidi, li bih sqejtu wlied u neputijiet. Jolqotni r-rwol vitali tan-nisa fil-komunitajiet indiġeni: għandhom post importanti bħala għejun imbierka ta’ ħajja mhux biss fiżika, imma anki spiritwali. U, meta naħseb fil-kokum tagħkom, niftakar ukoll fin-nanna tiegħi. Minnha rċivejt l-ewwel xandira tal-fidi u tgħallimt li l-Vanġelu hekk ngħadduh, permezz tal-ħlewwa tal-għożża u tal-għerf tal-ħajja. Il-fidi rarament titwieled aħna u naqraw ktieb waħidna fis-salott, imma tixtered fi klima ta’ familja, tgħaddi fl-ilsien tal-ommijiet, bl-għana ħelu tad-djalett tan-nanniet. Inħoss qalbi titkebbes jiena u nara hawn tant nanniet u bużnanniet. Grazzi! Nirringrazzjakom u nixtieq ngħid lil kull min għandu l-anzjani d-dar, fil-familja: għandkom teżor! Ħarsu bejn il-ħitan tagħkom din l-għajn tal-ħajja; nitlobkom, ħudu ħsiebha, qisha kienet l-aktar wirt prezzjuż li tridu tħobbu u tħarsu.

 

Il-profeta qal li l-ilmijiet, barra li jagħtu l-ħajja, ifejqu. Dan l-aspett jeħodna lura fuq ix-xtut tal-għadira tal-Galilija, fejn Ġesù “fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard” (Mk 1:34). Hemm, “filgħaxija ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda” (v. 32). Illejla ejjew nistħajluna madwar l-għadira flimkien ma’ Ġesù, waqt li hu riesaq lejna, jitbaxxa u, bis-sabar, il-ħniena u t-tjieba kollha, ifejjaq tant morda fil-ġisem u fir-ruħ: imxajtna, imġiddma, magħtuba, għomja, imma anki persuni mħabbtin u mtaqqlin, mitlufin u midrubin. Ġesù ġie u għadu jiġi biex jieħu ħsiebna, biex ifarraġ u jfejjaq l-umanità tagħna li tħossha waħidha u mifnija. Lil kulħadd, anki lilna, jagħmel l-istess stedina: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Jew, bħal fis-silta li għadna kemm smajna llejla: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob” (Ġw 7:37).

 

Ħuti, ilkoll kemm aħna għandna bżonn tal-fejqan ta’ Ġesù, tabib tar-ruħ u tal-ġisem. Mulej, kif in-nies fuq xatt il-baħar tal-Galilija ma beżgħetx tgħajjatlek il-ħtiġijiet tagħha, hekk aħna llejla, Mulej, niġu għandek, bin-niket li hemm ġo fina. Inġibulek in-nixfa tagħna u t-taħbit tagħna, inwasslulek it-trawmi tal-vjolenzi li ġarrbu ħutna l-indiġeni. F’dan il-post imbierek, fejn isaltnu l-armonija u l-paċi, nippreżentawlek in-nuqqas ta’ armonija li hemm fil-ġrajjiet tagħna, l-effetti terribbli tal-kolonizzazzjoni, it-tbatija ta’ tant familji, nanniet u tfal li xejn ma jista’ jħassarha. Mulej, għinna nfiqu mill-ġrieħi tagħna. Nafu li dan jitlob ħafna impenn, għożża u fatti konkreti min-naħa tagħna; imma nafu wkoll, Mulej, li waħidna ma nistgħux naslu. Nintelqu f’idejk u fl-interċessjoni ta’ ommok u ta’ nanntek.

 

Iva, Mulej, nafdaw fl-interċessjoni ta’ ommok u nanntek, għax l-ommijiet u n-nanniet jgħinu biex ifejqu l-ġrieħi tal-qalb. Tul il-ġrajjiet traġiċi tal-konkwista, kienet il-Madonna ta’ Guadalupe li għaddiet il-fidi t-tajba lill-indiġeni, tkellmet bl-ilsien tagħhom, xeddet l-ilbies tagħhom, bla vjolenza u bla impożizzjoni. U ftit wara, bil-wasla tal-istampa, ġew ippubblikati l-ewwel kotba ta’ grammatika u l-ewwel katekiżmi fl-ilsna indiġeni. Kemm ġid għamlu f’dan is-sens il-missjunarji awtentikament evanġelizzaturi biex f’bosta rkejjen tad-dinja jippreservaw il-lingwi u l-kulturi tal-post! Fil-Kanada, din l-“inkulturazzjoni materna” seħħet bil-ħidma ta’ Sant’Anna, li għaqqdet il-ġmiel tat-tradizzjonijiet indiġendi u tal-fidi, u għaġnithom bl-għerf ta’ nanna, li hi omm għal darbtejn. Anki l-Knisja hija mara, anki l-Knisja hija omm. Fil-fatt qatt ma kien hemm mument fl-istorja tagħha li fih il-fidi ma għaddietx fl-ilsien matern, tal-ommijiet u tan-nanniet. Min-naħa l-oħra, parti mill-wirt kiebi li qed naffrontaw ġej mill-impediment li sar lin-nanniet indiġeni li jgħaddu l-fidi fl-ilsien u fil-kultura tagħhom. Dan it-telf hu ċertament traġedja, imma l-preżenza tagħkom hawn hija xhieda ta’ reżiljenza u ta’ tluq mill-ġdid, ta’ pellegrinaġġ lejn il-fejqan, ta’ ftuħ tal-qalb għal Alla li jfejjaqna biex nerġgħu nsiru komunità. Issa aħna lkoll, bħala Knisja, għandna bżonn ta’ fejqan: għandna bżonn li niġu mfejqa mit-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna, li nagħżlu d-difiża tal-istituzzjoni flok it-tiftix tal-verità, li nippreferu l-poter mondan mill-qadi tal-Vanġelu. Għeżież ħuti, ejjew ngħinu lil xulxin biex nagħtu sehemna ħalli bl-għajnuna ta’ Alla nibnu Knisja omm kif iridha hu: kapaċi tgħannaq magħha lil kull iben u bint; miftuħa għal kulħadd u titkellem ma’ kulħadd; li ma tmur kontra ħadd, imma li tiltaqa’ ma’ kull min ikun.

 

Il-folol tal-għadira tal-Galilija jrossu fuq Ġesù kienu magħmula qabelxejn minn nies komuni, nies sempliċi, li kienet tieħu għandu l-bżonnijiet u l-ġrieħi tagħha. Bl-istess mod, jekk irridu nieħdu ħsieb u nfejqu l-ħajja tal-komunitajiet tagħna, ma nistgħux ma nibdewx mill-foqra, mill-aktar imwarrba. Wisq spiss inħallu jmexxuna l-interessi tal-ftit li qegħdin tajjeb huma; hemm bżonn inħarsu iżjed lejn il-periferiji u nagħtu widen għall-karba ta’ dawk li qegħdin fl-aħħar post; hemm bżonn nagħrfu nisimgħu l-uġigħ ta’ dawk li, spiss fis-skiet, fil-bliet iffullati u anonimi tagħna, qed jgħajtu: “Tħalluniex waħidna!”. Hija wkoll il-karba ta’ anzjani li qed jirriskjaw li jmutu waħidhom id-dar jew abbandunati f’xi struttura, jew ta’ morda skomdi li lilhom, flok l-imħabba, jamministrawlhom il-mewt. Hija l-karba fgata ta’ adolexxenti iktar interrogati milli mismugħa, li jiddelegaw il-libertà tagħhom lil mowbajl, waqt li fl-istess toroq tagħhom hemm sħabhom oħra li qed jiġġerrew mitlufa, illuppjati minn xi divertiment, priża ta’ dipendenzi li jimlewhom bid-dwejjaq u jagħmluhom ostili, mhux kapaċi jemmnu fihom infushom, jew iħobbu dak li huma u l-ġmiel tal-ħajja li għandhom. Titilquniex waħidna hija l-karba ta’ min jixtieq dinja aħjar, imma ma jafx mnejn jaqbad jibda.

 

Ġesù, li jfejjaqna u jfarraġna bl-ilma ħaj tal-Ispirtu tiegħu, illejla fil-Vanġelu qed jitlobna li minna wkoll, mill-ġuf ta’ min jemmen, “joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (ara v. 38). U aħna, nafu naqtgħu l-għatx ta’ ħutna? Waqt li nkomplu nitolbu l-faraġ ta’ Alla, nafu wkoll nagħtuh lill-oħrajn? Kemm drabi nistgħu ninħelsu minn tant toqol interjuri, ngħidu aħna milli ma nħossuniex maħbuba u rrispettati, proprju billi nibdew inħobbu lill-oħrajn b’xejn! Fis-solitudni u n-nuqqas ta’ sabar tagħna, Ġesù jimbuttana biex noħorġu, jimbuttana biex nagħtu, jimbuttana biex inħobbu. U allura, nistaqsi: x’qed nagħmel jien għal min għandu bżonni? Meta nħares lejn il-popli indiġeni, naħseb fl-istejjer tagħhom u fit-tbatija li ġarrbu, x’qed nagħmel jien għalihom dawn il-popli indiġeni? Nisma’ b’xi ftit kurżità mondana u niskandalizza ruħi għal dak li seħħ fil-passat, jew nagħmel xi ħaġa konkreta għalihom? Nitlob, niltaqa’, naqra, niddokumenta, inħalli l-istorja tagħhom tmissni? U, meta nħares lejja nnifsi, jekk insib ruħi fit-tbatija, nisma’ lil Ġesù li jrid joħroġni barra miċ-ċint tan-nuqqas ta’ sabar tiegħi u jistedinni nerġa’ nibda, immur lil hemm, inħobb? Xi drabi, mod sabiħ kif ngħinu persuna oħra hu billi ma nagħtuhiex mill-ewwel dak li qed titlob, imma nimxu magħha, nistednuha tħobb, issir don għall-oħrajn. Għax hu b’dan il-mod li, permezz tal-ġid li tista’ tagħmel lill-oħrajn, tiskopri x-xmajjar tagħha ta’ ilma ħaj, tiskopri t-teżor uniku u prezzjuż li hi.

 

Għeżież ħuti, ġejt pellegrin anki biex ngħidilkom kemm intom prezzjużi għalija u għall-Knisja. Nixtieq li l-Knisja tkun minsuġa bejnietna, daqskemm b’saħħithom u magħquda huma l-ħjut tal-faxex imlewna li lebsin ħafna minnkom. Il-Mulej jgħinna nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-proċess tal-fejqan, lejn ġejjieni dejjem iżjed imfejjaq u mġedded. Nemmen li din hi wkoll ix-xewqa tan-nanniet tagħkom, tan-nanniet tagħna. In-nanniet ta’ Ġesù, il-qaddisin Ġwakkin u Anna, ibierku l-mixja tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard