VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KANADA

(24-30 TA’ LULJU 2022)

QUDDIESA GĦAR-RIKONĊILJAZZJONI

OMELIJA TAL-PAPA

Santwarju Nazzjonali ta’ Sainte Anne de Beaupré

Il-Ħamis 28 ta’ Lulju 2022

 Il-vjaġġ tad-dixxipli ta’ Għemmaws, fl-għeluq tal-Vanġelu ta’ San Luqa, hu xbieha tal-mixja personali tagħna u ta’ dik tal-Knisja. Fit-triq tal-ħajja, u tal-ħajja tal-fidi, aħna u nħaddnu l-ħolm tagħna, il-proġetti, ix-xewqat u t-tamiet li hemm fil-qalb tagħna, inħabbtu wiċċna wkoll mad-dgħufijiet tagħna, induqu t-telfiet u d-delużjonijiet, u xi drabi nibqgħu lsiera ta’ sens ta’ falliment li jipparalizzana. Il-Vanġelu jħabbrilna li, proprju f’dak il-ħin, m’aħniex waħidna: il-Mulej jiġi jiltaqa’ magħna, jersaq qrib tagħna, jimxi fl-istess triq tagħna bid-diskrezzjoni ta’ vjaġġatur ġentili li jrid jerġa’ jiftħilna għajnejna u jħeġġeġ mill-ġdid lil qalbna. U meta l-falliment jagħmel wisa’ għal-laqgħa mal-Mulej, il-ħajja terġa’ titwieled għat-tama u nistgħu nerġgħu nirrikonċiljaw irwieħna: magħna nfusna, ma’ ħutna u ma’ Alla.

 

Ejjew mela nimxu f’din it-triq li nistgħu nsemmuha: mill-falliment għat-tama.

 

Qabelxejn hemm is-sens tal-falliment, li jgħammar fil-qalb ta’ dawn iż-żewġ dixxipli wara l-mewt ta’ Ġesù. Kienu ġrew b’entużjażmu wara ħolma. F’Ġesù kienu qiegħdu t-tamiet u x-xewqat kollha tagħhom. Issa, wara l-mewt skandaluża tas-salib, huma jagħtu daharhom lil Ġerusalemm biex jerġgħu lura d-dar, għall-ħajja ta’ qabel. Dan tagħhom hu vjaġġ ta’ ritorn, biex bħallikieku jinsew dik l-esperjenza li mliet lil qlubhom bl-imrar, dak il-Messija maqtul bħal kriminal fuq is-salib. Jerġgħu lura d-dar qalbhom maqtugħa, “b’ħarsa ta’ niket” (Lq 24:17): ix-xewqat li kienu kebbsu fihom ġew fix-xejn, it-tamiet li fihom kienu emmnu taru mar-riħ, il-ħolm li xtaqu jwettqu jħalli postu għad-delużjoni u l-imrar.

 

Din hi esperjenza li tmiss ukoll lil ħajjitna u l-istess mixja spiritwali, f’dawk l-okkażjonijiet kollha li fihom ikollna nibdlu x-xewqat tagħna u nħabbtu wiċċna mar-realtajiet ambigwi, mad-dlamijiet tal-ħajja, mad-dgħufijiet tagħna. Tiġrilna kull darba li l-ideali tagħna jiltaqgħu mad-delużjonijiet tal-ħajja u dak li nkunu għamilna f’moħħna jkollna nwarrbuh minħabba d-dgħufijiet tagħna; meta nfasslu proġetti tajbin imma mbagħad ma jkollniex il-ħila nwettquhom (ara Rum 7:18); meta fl-attivitajiet li nagħmlu jew fir-relazzjonijiet tagħna llum jew għada nagħmlu l-esperjenza ta’ xi telfa, ta’ xi żball, ta’ falliment, ta’ waqgħa, waqt li naraw jikkrolla dak li fih inkunu emminna jew ħabrikna għalih, waqt li nħossuna mgħaffġa mid-dnub tagħna u mis-sens ta’ ħtija.

 

U dan hu li ġralhom Adam u Eva, kif smajna fl-Ewwel Qari: id-dnub tagħhom mhux biss begħidhom minn Alla, imma begħidhom ukoll minn xulxin: irnexxielhom biss jakkużaw lil xulxin. U dan narawh ukoll fid-dixxipli ta’ Għemmaws, li n-niket tagħhom għax raw ġej fix-xejn il-proġett ta’ Ġesù jħalli wisa’ biss għal diskussjoni li ma twassal imkien. U dan jista’ jiġri wkoll fil-ħajja tal-Knisja, il-komunità tad-dixxipli tal-Mulej li dawn it-tnejn ta’ Għemmaws jirrappreżentaw. Imqar jekk hi l-komunità tal-Irxoxt, tista’ ssib ruħha tiġġerra mitlufa u deluża quddiem l-iskandlu tal-ħażen u l-vjolenza tal-Kalvarju. U hawn hi ma tista’ tagħmel xejn aktar ħlief tagħfas bejn idejha s-sens ta’ falliment u tistaqsi lilna nfisha: X’ġara? Għaliex ġara hekk? Kif seta’ jiġri dan?

 

Ħuti, dawn huma l-mistoqsijiet li kull wieħed u waħda minna jagħmel lilu nnifsu; u huma wkoll il-mistoqsijiet serji li qed jidwu fil-qalb ta’ din il-Knisja pellegrina fil-Kanada tul mixja xejn ħafifa ta’ fejqan u ta’ rikonċiljazzjoni. Aħna wkoll, quddiem l-iskandlu tal-ħażen u l-Ġisem ta’ Kristu miġruħ fil-laħam tal-indiġendi ħutna, aħna mwaħħla fl-imrar u nistgħu nħossu fuqna t-toqol tal-falliment. Ippermettuli mela ningħaqad spiritwalment ma’ tant pellegrini li jiġu hawn biex jitilqgħu “t-taraġ imqaddes”, li jevoka dik it-telgħa ta’ Ġesù lejn il-pretorju ta’ Pilatu, u nissieħeb magħkom bħala Knisja f’dawn il-mistoqsijiet li jinbtu mill-qalb mimlija niket: Għaliex seħħ dan kollu? Kif seta’ jseħħ dan fil-komunità ta’ dawk li jimxu wara Ġesù?

 

Imma hawn irridu noqogħdu attenti għat-tentazzjoni tal-ħarba, preżenti fiż-żewġ dixxipli tal-Vanġelu: li naħarbu, li nerġgħu lura, li naħarbu mill-post fejn seħħu l-fatti, nippruvaw inneħħuhom, infittxu “post trankwill” bħal Għemmaws biex ninsewhom. Ma hemm xejn agħar, quddiem il-fallimenti tal-ħajja, milli naħarbu biex ma naffrontawhomx. Hija tentazzjoni tal-għadu, li jhedded il-mixja spiritwali tagħna u l-mixja tal-Knisja: irid iġagħalna nemmnu li dak il-falliment issa hu għal dejjem, irid iżommna mwaħħlin fl-imrar u fid-diqa, jikkonvinċina li ma għad fadal xejn li nistgħu nagħmlu u li allura mank ħaqq infittxu triq biex nerġgħu nibdew.

 

Imma l-Vanġelu jurina li proprju fis-sitwazzjonijiet ta’ delużjoni u ta’ niket, proprju meta nduqu mibluha l-vjolenza tal-ħażen u l-mistħija tal-ħtija, meta x-xmara ta’ ħajjitna tixxotta fid-dnub u fil-falliment, meta mneżżgħin minn kollox jidhrilna li ma għad fadlilna xejn, proprju hemm il-Mulej jiġi jiltaqa’ magħna u jimxi magħna. Fit-triq lejn Għemmaws, hu b’mod diskret jersaq qrib biex isieħeb u jaqsam fil-passi rassenjati ta’ dawk id-dixxipli mnikkta. U x’jagħmel? Ma joffrix kliem ġeneriku ta’ inkuraġġiment, espressjonijiet taċ-ċirkostanza jew konsolazzjonijiet ta’ biċ-ċajt, imma, waqt li jikxef mill-Iskrittura Mqaddsa l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu, idawwal l-istorja tagħhom u l-ġrajjiet li huma għexu. Hekk jiftħilhom għajnejhom għal ħarsa ġdida fuq l-affarijiet. Aħna wkoll li qed naqsmu l-Ewkaristija f’din il-Bażilika nistgħu nerġgħu naqraw ħafna ġrajjiet tal-istorja. Fuq din l-istess art kien hemm qabel tliet tempji; u kien hemm dawk li ma ħarbux quddiem id-diffikultajiet, imma reġgħu bdew joħolmu minkejja l-iżbalji tagħhom u ta’ oħrajn; ma ntrebħux mill-ħruq devastanti ta’ mitt sena ilu u, b’kuraġġ u kreattività, bnew dan it-tempju. U dawk kollha li qed jaqsmu f’din l-Ewkaristija mill-Pjanuri ta’ Abraham fil-qrib, jistgħu wkoll iħossu r-ruħ ta’ dawk li ma ħallewx il-mibegħda tal-gwerra, il-qerda u s-swied il-qalb jagħmluhom vittmi tagħhom, imma għarfu mill-ġdid jibnu belt u pajjiż.

 

Fl-aħħar nett, quddiem id-dixxipli ta’ Għemmaws, Ġesù jaqsam il-ħobż, u jiftħilhom mill-ġdid għajnejhom u hekk jerġa’ juri li hu Alla tal-imħabba li jagħti ħajtu għal ħbiebu. B’dan il-mod, jgħinhom jerġgħu jaqbdu l-mixja bil-ferħ, jerġgħu jibdew mill-ġdid, jgħaddu mill-falliment għat-tama. Ħuti, il-Mulej irid jagħmel l-istess anki ma’ kull wieħed u waħda minna u mal-Knisja tiegħu. Kif jistgħu jerġgħu jinfetħu għajnejna, kif tista’ qalbna tħeġġeġ mill-ġdid fina għall-Vanġelu? X’nistgħu nagħmlu waqt li aħna mifnija minn tant provi spiritwali u materjali, waqt li qed infittxu t-triq lejn soċjetà iżjed ġusta u fraterna, waqt li nixtiequ nerġgħu nistejqru mid-delużjonijiet u l-għeja tagħna, waqt li nittamaw li nistgħu nfiqu mill-ġrieħi tal-imgħoddi u nitħabbu mill-ġdid ma’ Alla u bejnietna?

 

Triq waħda biss hemm, triq waħda: hija t-triq ta’ Ġesù, hija t-triq li hu Ġesù (ara Ġw 14:6). Nemmnu li Ġesù jimxi magħna fit-triq, inħalluh jiltaqa’ magħna; inħallu l-Kelma tiegħu tinterpreta l-istorja li qed ngħixu bħala individwi u bħala komunità u turina t-triq biex infiqu u biex nirrikonċiljaw ruħna; naqsmu flimkien bil-fidi l-Ħobż Ewkaristiku, għax madwar dik il-mejda nistgħu nerġgħu niskopru li aħna wlied maħbuba tal-Missier, imsejħin biex inkunu lkoll aħwa. Meta jaqsam il-ħobż, Ġesù jikkonferma dak li d-dixxipli diġà kienu rċivew bħala xhieda min-nisa u li huma ma ridux jemmnu: li huwa kien qam! F’din il-Bażilika, fejn infakkru lill-omm tal-Verġni Marija, u li fiha nsibu wkoll il-kripta ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni, ma nistgħux ma narawx ir-rwol li Alla ried jagħti lill-mara fil-pjan tiegħu tas-salvazzjoni. Sant’Anna, il-Verġni Mqaddsa Marija, in-nisa tal-għodwa tal-Għid juruna triq ġdid ta’ rikonċiljazzjoni: il-ħlewwa materna ta’ tant nisa tista’ sseħibna – bħala Knisja – lejn żminijiet mill-ġdid għammiela, li fihom nistgħu nħallu warajna tant sterilità u tant mewt, u nerġgħu nqiegħdu fiċ-ċentru lil Ġesù, il-Mislub Irxoxt.

 

Fil-fatt, fiċ-ċentru tal-mistoqsijiet tagħna, tat-taħbit li ngħixu ġewwa fina, tal-istess ħajja pastorali, ma nistgħux inqiegħdu lilna nfusna u l-falliment tagħna; jeħtieġ inqiegħdu lilu, il-Mulej Ġesù. Fil-qalba ta’ kollox inqiegħdu l-Kelma tiegħu, li ddawwal il-ġrajjiet u troddilna għajnejn ġodda biex naraw il-preżenza ħabrieka tal-imħabba ta’ Alla u l-possibbiltà tal-ġid imqar fis-sitwazzjonijiet li jidhru mitlufa; inqiegħdu l-Ħobż tal-Ewkaristija, li Ġesù jkompli jaqsam għalina llum, biex jaqsam ħajtu ma’ tagħna, iħaddan id-dgħufijiet tagħna, iwieżen il-passi għajjiena tagħna u jroddilna l-fejqan tal-qalb. U, irrikonċiljati ma’ Alla, mal-oħrajn u magħna nfusna, nistgħu nsiru aħna wkoll strumenti ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi fis-soċjetà li fiha ngħixu.

 

Mulej Ġesù, triq tagħna, qawwa u faraġ tagħna, lejk induru bħad-dixxipli ta’ Għemmaws: “Ibqa’ magħna, Mulej, għax il-jum wasal biex jintemm” (Lq 24:29). Ibqa’ magħna, Mulej, meta tgħib it-tama u jinżel mudlam fuqna l-lejl tad-delużjoni. Ibqa’ magħna għax miegħek, Ġesù, id-direzzjoni tal-mixja tibdel ir-rotta u mill-isqaqien tal-qtigħ il-qalb jinbet mill-ġdid l-istagħġib tal-ferħ. Ibqa’ magħna, Mulej, għax miegħek il-lejl tan-niket jinbidel fl-għodwa mdawla tal-ħajja. Sempliċiment ngħidulek: ibqa’ magħna, Mulej, għax jekk int timxi magħna, il-falliment jinfetaħ għat-tama ta’ ħajja ġdida. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard