VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KANADA

(24-30 TA’ LULJU 2022)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA

Festa ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna

Commonwealth Stadium f’Edmonton

It-Tlieta 26 ta’ Lulju 2022

 

Illum hija l-festa tan-nanniet ta’ Ġesù; il-Mulej ried li niltaqgħu hekk ħafna fil-għadd proprju f’din l-okkażjoni hekk għażiża għalikom, kif inhi għalija. Fid-dar ta’ Ġwakkin u Anna ċ-ċkejken Ġesù sar jaf lill-anzjani tiegħu u daq il-qrubija, il-ħlewwa u l-għerf tan-nanniet. Ejjew naħsbu aħna wkoll fin-nanniet tagħna u nirriflettu fuq żewġ aspetti importanti.

 

L-ewwel: aħna wlied ta’ storja li rridu nħarsu. Ma aħniex individwi iżolati, ma aħniex gżejjer, ħadd ma jiġi fid-dinja maħlul mill-oħrajn. L-għeruq tagħna, l-imħabba li stennietna u li aħna rċivejna meta ġejna fid-dinja, l-ambjenti tal-familji li fihom kbirna, jagħmlu parti minn storja unika, li ġiet qabilna u nisslitna. Ma għażilnihiex aħna, imma rċivejnieha b’don; u huwa don li aħna msejħin inħarsu. Għax, kif fakkarna l-Ktieb ta’ Bin Sirak, aħna “nisel” dawk li ġew qabilna, aħna “sebħhom” (Sir 44:11-13). Aħna wirt li, lil hemm mill-qlubija jew mill-awtorità ta’ xi wħud, mill-intelliġenza jew mill-kreattività ta’ oħrajn fl-għana jew fil-poeżija, għandu ċ-ċentru tiegħu fil-ġustizzja, fil-fedeltà lejn Alla u lejn ir-rieda tiegħu. U dan hu li għaddewlna. Biex nilqgħu tabilħaqq min aħna u kemm aħna prezzjużi, għandna bżonn nassumu fina lil dawk li minnhom ġejjin, dawk li ma ħasbux biss fihom infushom, imma għaddewlna t-teżor tal-ħajja. Aħna ninsabu hawn grazzi għall-ġenituri, imma grazzi wkoll għan-nanniet li ġagħluna nħossuna milqugħa fid-dinja. Spiss kienu huma li ħabbewna bla riservi u bla ma stennew xejn lura minna: huma qabdulna jdejna meta konna mbeżżgħin, żgurawna fid-dalma tal-lejl, qawwewlna qalbna meta fid-dawl tax-xemx kellna naffrontaw l-għażliet tal-ħajja. Grazzi għan-nanniet irċivejna żegħila min-naħa tal-istorja li ġiet qabilna: tgħallimna li t-tjieba, il-ħlewwa u l-għerf huma għeruq sodi tal-umanità. Fid-dar tan-nanniet ħafna minna xammejna l-fwieħa tal-Vanġelu, il-qawwa ta’ fidi li għandha t-togħma tad-dar. Grazzi għalihom skoprejna fidi fil-familja, fidi tad-dar; iva, hekk hu, għax il-fidi tgħaddi essenzjalment b’dan il-mod, nikkomunikawha “bid-djalett”, ngħadduha bl-imħabba u l-inkuraġġiment, l-għożża u l-qrubija.

 

Din hi l-istorja tagħna li rridu nħarsu, l-istorja li tagħha aħna werrieta: aħna wlied għax aħna neputijiet. In-nanniet ħallew fina t-timbru oriġinali tal-mod kif huma jgħixu, tawna dinjità, fiduċja fina nfusna u fl-oħrajn. Huma għaddewlna xi ħaġa li ma tista’ qatt titħassar minn ġo fina u, fl-istess waqt, ippermettewlna nkunu persuni uniċi, oriġinali u ħielsa. Hekk, proprju min-nanniet fhimna li l-imħabba qatt ma hi xi ħaġa mġiegħla, ma ċċaħħad qatt lill-ieħor mil-libertà interjuri tiegħu. Ġwakkin u Anna hekk ħabbewha lil Marija u hekk ħabbewh lil Ġesù; u Marija hekk ħabbitu lil Ġesù, bi mħabba li qatt ma fgatu jew żammitu għaliha, imma seħbitu biex iħaddan il-missjoni li għaliha kien ġie fid-dinja. Ħa nfittxu li nitgħallmu dan bħala individwi u bħala Knisja: qatt ma għandna nifgaw il-kuxjenza tal-oħrajn, qatt ma għandna nżommu fil-ktajjen il-libertà ta’ min għandna quddiemna, u, fuq kollox, qatt ma għandna nonqsu mill-imħabba u r-rispett lejn il-persuni li ġew qabilna u ġew fdati f’idejna, teżori prezzjużi li jħarsu storja ikbar minnhom.

 

Inħarsu l-istorja li nisslitna – jgħidilna mill-ġdid il-Ktieb ta’ Bin Sirak – ifisser ma nifgawx “il-glorja” tal-antenati tagħna: ma nwarrbux il-memorja tagħhom, ma ninsewx l-istorja li wellditilna ħajjitna, niftakru dejjem f’dawk l-idejn li żiegħlu bina u ħaddnuna fihom, għax hu f’din l-għajn li nsibu faraġ fil-waqtiet ta’ taqtigħ il-qalb, dawl fid-dixxerniment, kuraġġ biex naffrontaw l-isfidi tal-ħajja. Imma li nħarsu l-istorja li nisslitna jfisser ukoll nerġgħu dejjem lura f’dik l-iskola, fejn tgħallimna u għexna l-imħabba. Ifisser, quddiem l-għażliet li rridu nieħdu llum, li nistaqsu lilna nfusna x’kienu jagħmlu li kienu flokna l-anzjani iżjed għorrief li ltqajna magħhom, x’pariri jagħtuna jew kienu jagħtuna n-nanniet u l-bużnanniet tagħna.

 

Għeżież ħuti, mela ejjew nistaqsu lilna nfusna: Aħna wlied u neputijiet li jafu jħarsu l-għana li rċivew? Qed nagħmlu memorja tat-tagħlim tajjeb li writna? Nitkellmu mal-anzjani tagħna, nagħmlu ħin biex nisimgħuhom? U mill-ġdid, fid-djar tagħna, dejjem iżjed mgħammra, moderni u funzjonali, nafu nsibu spazju xieraq biex inżommu t-tifkiriet tagħhom, post apposta, sakrarju ċkejken tal-familja li, permezz ta’ xbihat u oġġetti għeżież, jippermettilna wkoll li nerfgħu l-ħsieb tagħna u t-talb għal min ġie qabilna? Żammejnieha l-Bibbja u l-kuruna tar-rużarju tal-antenati tagħna? Nitolbu għalihom u f’għaqda magħhom, niddedikaw ħin biex nagħmlu memorja, inħarsu l-wirt li ħallewlna: fiċ-ċpar tat-tnessija li qed jogħla fuq iż-żminijiet imbandla tagħna, ħuti, hu fundamentali nieħdu ħsieb tal-għeruq. Hekk li tikber is-siġra, hekk li jinbena l-futur.

 

U hekk niġu biex nirriflettu fuq it-tieni aspett: barra li aħna wlied ta’ storja li rridu nħarsu, aħna artiġjani ta’ storja li rridu nibnu. Kull wieħed jista’ jagħraf li hu dak li hu, bid-dwal u d-dlamijiet tiegħu, skont l-imħabba li rċieva jew ma rċiviex. Il-misteru tal-ħajja umana hu dan: aħna lkoll ulied xi ħadd, imnisslin u magħġunin minn xi ħadd, imma meta nsiru adulti aħna msejħin ukoll innisslu, inkunu missirijiet, ommijiet u nanniet ta’ xi ħadd ieħor. U allura,  meta nħarsu lejn min aħna llum, xi rridu nagħmlu minna nfusna? In-nanniet li minnhom ġejjin, l-anzjani li ħolmu, ittamaw u ssagrifikaw ruħhom għalina, qed jagħmlulna mistoqsija fundamentali: x’soċjetà rridu nibnu? Irċivejna tant minn idejn min ġie qabilna: xi rridu nħallu b’wirt lil ta’ warajna? Fidi ħajja jew superfiċjali, soċjetà msejsa fuq il-profitt tal-individwi jew fuq il-fraternità, dinja fil-paċi jew fi gwerra, ħolqien imġarraf jew dar li tilqa’ mill-ġdid?

 

U ma ninsewx li dan il-moviment li jagħti l-ħajja jgħaddi mill-għeruq għall-friegħi, għall-weraq, għall-fjuri, għall-frott tas-siġra. It-tradizzjoni vera tesprimi ruħha f’din id-dimensjoni vertikali: minn isfel għal fuq. Noqogħdu attenti li ma naqgħux fil-karikatura tat-tradizzjoni, li ma timxix f’linja vertikali – mill-għeruq għall-frott – imma f’linja orizzontali – ’il quddiem/lura – li twassalna għall-kultura tal-“indjetriżmu” bħala kenn egoistiku; u li ma tagħmilx għajr tpoġġi l-preżent ġo kaxxa u żżommu mwaħħal fil-loġika ta’ “dejjem hekk sar”.

 

Fil-Vanġelu li smajna, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li huma henjin għax jistgħu jaraw u jisimgħu dak li ħafna profeti u nies ġusti setgħu biss jixtiequ (ara Mt 13:16-17). Fil-fatt, ħafna kienu emmnu fil-wegħda ta’ Alla dwar il-miġja tal-Messija, kienu ħejjew it-triq għalih, kienu ħabbru l-wasla tiegħu. Imma issa li l-Messija wasal, dawk li jistgħu jarawh u jisimgħuh huma msejħin jilqgħuh u jħabbruh.

 

Ħuti, dan jgħodd ukoll għalina. Dawk li ġew qabilna għaddewlna passjoni, qawwa u xewqa, nar li issa aħna rridu nżommuh ħaj; mhux tal-irmied irridu nieħdu ħsieb, imma rridu nżommu mkebbes in-nar li huma qabbdu. In-nanniet tagħna u l-anzjani tagħna xtaqu jaraw dinja iżjed ġusta, iżjed fraterna, iżjed solidali, u tqabdu biex setgħu jagħtuna futur. Issa jmiss lilna ma niddeluduhomx. Imiss lilna nieħdu fuqna din it-tradizzjoni li rċivejna, għax it-tradizzjoni hija l-fidi ħajja tal-mejtin tagħna. Nitlobkom, ma nibdluhiex fi tradizzjonaliżmu, li hu l-fidi mejta tal-ħajjin, kif qal wieħed ħassieb. Imwieżna minnhom, minn missirijietna, li huma l-għeruq tagħna, imiss lilna issa nagħmlu l-frott. Aħna l-friegħi li jridu jwarrdu u jixħtu żerriegħa ġdida fl-istorja. U allura, ejjew nagħmlu mistoqsija konkreta: quddiem l-istorja tas-salvazzjoni li minnha nagħmel parti u quddiem min ġie qabli u ħabbni, jien x’qed nagħmel? Għandi rwol uniku u insostitwibbli fl-istorja: x’marka qed inħalli warajja fit-triq tiegħi, x’qed nagħmel, x’qed inħalli lil min jiġi warajja, x’qed nagħti minni nnifsi? Ħafna drabi nkejlu l-ħajja skont il-flus li naqilgħu, il-karriera li nagħmlu, is-suċċess u kemm jagħtu kasna n-nies. Imma dawn mhumiex kriterji li jagħtu l-ħajja. Il-kwistjoni hi: qed innissel? Qed nagħti ħajja? Qed nixħet fl-istorja mħabba ġdida u mġedda? Qed inħabbar il-Vanġelu fejn insib ruħi ngħix, qed naqdi lil xi ħadd b’xejn, l-istess kif min ġie qabli għamel miegħi? X’qed nagħmel għall-Knisja tiegħi, għall-belt tiegħi u s-soċjetà tiegħi? Ħuti, faċli nikkritikaw, imma l-Mulej ma jridniex biss kritiċi tas-sistema, ma jridniex magħluqa, ma jridx li nkunu “indjetristi”, minn dawk li jerġgħu lura, kif jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud (ara 10:39), imma jrid li nkunu artiġjani ta’ storja ġdida, nissieġa tat-tama, bennejja tal-futur, operaturi tal-paċi.

 

Ġwakkin u Anna jinterċedu għalina: jgħinuna nħarsu l-istorja li nisslitna u nibnu storja li tnissel. Ifakkruna fl-importanza spiritwali li nagħtu ġieħ lin-nanniet tagħna u l-anzjani tagħna, li nagħmlu teżor mill-preżenza tagħhom biex nibnu ġejjieni aħjar. Ġejjieni fejn l-anzjani ma jiġux mormija għax funzjonalment “ma jiswewx iżjed”; ġejjieni li ma jiġġudikax il-valur tal-persuni biss minn kemm jipproduċu; ġejjieni li ma hux indifferenti lejn min, issa mdaħħal fiż-żmien, għandu bżonn ta’ iżjed ħin, smigħ u attenzjoni; ġejjieni li fih għal ħadd ma tirrepeti ruħha l-istorja ta’ vjolenza u emarġinazzjoni li ġarrbu ħutna l-indiġeni. Hu ġejjieni possibbli jekk, bl-għajnuna ta’ Alla, ma nfarrkux ir-rabta tagħna ma’ min ġie qabilna u nseddqu d-djalogu ma’ min ġej warajna: żgħażagħ u anzjani, nanniet u neputijiet, flimkien. Ejjew nibqgħu mexjin flimkien, noħolmu flimkien u ma ninsewx il-parir ta’ Pawlu lid-dixxiplu tiegħu Timotju: “Ftakar f’ommok u f’nanntek” (ara 2 Tim 1:5).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard