VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU

PAPA FRANĠISKU FIL-KANADA

24 – 30 LULJU 2022

IT-TALBA TAL-GĦASAR MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, DJAKNI, PERSUNI KONSAGRATI, SEMINARISTI U OPERATURI PASTORALI

OMELIJA TAL-PAPA

Katidral ta’ Notre Dame,  Québec
Il-Ħamis, 28 ta’ Lulju 2022

 

Għeżież ħuti Isqfijiet, saċerdoti u djakni, irġiel u nisa kkonsagrati, seminaristi u operturi pastorali, il-lejla t-tajba!

Nirringrazzja lil Monsinjur Poisson tal-kliem ta’ merħba li għamilli u nsellem lilkom ilkoll, speċjalment lil dawk li kellhom triq twila biex waslu s’hawn: id-distanzi f’pajjiżkom huma tassew kbar! Allura, grazzi! Ninsab kuntent li qed niltaqa’ magħkom.

Huwa sinifikanti li ninsabu fil-Bażilika ta’ Notre-Dame ta’ Québec, il-katidral ta’ din il-Knisja lokali u s-sede primazjali tal-Kanada, li l-ewwel Isqof tagħha, San Franġisk de Laval, fetaħ is-seminarju fl-1663 u matul il-ministeru kollu tiegħu ħa ħsieb il-formazzjoni tas-saċerdoti. Il-qari qasir li għadna kemm smajna tkellem dwar l-“ix-xjuħ”, jiġifieri s-saċerdoti. San Pietru ħeġġiġna: “Irgħu l-merħla ta’ Alla li hija fdata f’idejkom, ħudu ħsiebha, mhux bil-fors, imma bil-qalb” (1 Pt 5,2). Filwaqt li aħna miġbura hawn bħala l-Poplu ta’ Alla, ejjew niftakru li Ġesù hu r-Ragħaj ta’ ħajjitna, li jieħu ħsiebna għax tassew iħobbna. Aħna, rgħajja tal-Knisja, hu mitlub minna din l-istess ġenerożità biex nirgħu l-merħla, u dan biex jintwera kemm Ġesu jieħu ħsieb kulħadd, u kemm tiġih ħniena mill-feriti ta’ kull persuna.

U propju għax aħna sinjal ta’ Kristu, l-Appostlu Pietru jħeġġiġna: irgħu l-merħla, iggwidawha, tħalluhiex tintilef filwaqt li ħsiebkom ikun fuq l-affarijiet tagħkom.  Ħudu ħsiebha b’dedikazzjoni u tenerezza. U – iżid jgħid – għamlu dan “b’mod spontanjament”, mhux bilfors, mhux bħala dmir, mhux bħala reliġjużi b’salarju jew bħala funzjonarji, imma bil-qalb ta’ rgħajja, b’entużjażmu. Jekk inħarsu lejh, ir-Ragħaj it-Tajjeb, qabel ma nħarsu lejna nfusna, niskopru li hu jħarisna bil-ħlewwa, u nħossu lil Alla qrib tagħna. Minn hawn jiġi l-ferħ tal-ministeru u, qabel dan, il-ferħ tal-fidi; mhux biex naraw x’kapaċi nagħmlu, imma biex inkunu nafu li Alla hu qrib tagħna , li hu ħabbna l-ewwel u jimxi magħna kuljum.

Dan, ħuti, hu l-ferħ tagħna; Mhux ferħ irħis, dak li ħafna drabi toffrilna d-dinja, li jeċitana għal ftit bħalma jagħmel il-logħob tan-nar; dan il-ferħ mhuwiex marbut mal-flus u s-sigurtà; lanqas mhu marbut mal-persważjoni li l-ħajja se tkun dejjem ħanina magħna, mingħajr slaleb jew problemi. Il-ferħ nisrani, mill-banda l-oħra, huwa marbut ma’ esperjenza ta’ paċi li tibqa’ fil-qalb anke meta nkunu mdawrin bil-provi u t-tbatija, għax nafu li m’aħniex waħedna, imma akkumpanjati minn Alla li qatt ma jkun indifferenti għalina. Bħal meta l-baħar ikun imqalleb, fil-wiċċ jaf ikun hemm maltempata imma fil-qiegħ jibqa’ seren u kalm. Dan hu l-ferħ nisrani: rigal mogħti b’xejn, iċ-ċertezza li nafu li aħna maħbubin, mgħejjunin, imħaddnin minn Kristu f’kull sitwazzjoni tal-ħajja. Għax huwa Hu li jeħlisna mill-egoiżmu u mid-dnub, mid-dwejjaq tas-solitudni, mill-vojt interjuri u mill-biża’, jagħtina ħarsa ġdida lejn il-ħajja, ħarsa ġdida lejn l-istorja: “Ma’ Ġesù Kristu, il-ferħ dejjem jitwieled u jerġa’ jitwieled mill-ġdid.” (Eżort. apost. Evangelii gaudium, 1).

U allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: kif inhu l-ferħ tagħna? Kif inhu l-ferħ tiegħi? Il-Knisja tagħna qegħda tikkomunika l-ferħ tal-Vanġelu? Fil-komunitajiet tagħna, hemm fidi li tiġbed oħrajn, minħabba li l-ferħ jittieħed?

Jekk irridu naffaċċjaw dawn il-mistoqsijiet mill-għeruq tagħhom, ma nistgħux ma nirriflettux fuq dak li, fir-realtà ta’ żmienna, jipperikola l-ferħ tal-fidi u anke jasal biex jitfieh, u hekk l-esperjenza tal-ħajja nisranija tispiċċa fi kriżi. Jiġini mill-ewwel f’moħħi s-sekularizzazzjoni, li issa ilha żmien twil tibdel l-istil ta’ ħajja tan-nisa u l-irġiel tal-lum, u tħalli lil Alla fil-ġenb. Bħallikieku Alla għeb minn quddiemna, u jidher li l-Kelma tiegħu m’għadhiex il-fus li fuqha nsawru ħajjitna u l-għażliet fundamentali tagħna u r-relazzjonijiet umani u soċjali tagħna. Imma jeħtieġ niċċaraw xi ħaġa bla telf ta’ żmien: meta nosservaw il-kultura li ninsabu mgħaddsa ġo fiha, il-lingwaġġi tagħha u s-simboli tagħha, irridu noqogħdu attenti li ma nkunux vittmi tal-pessimiżmu u r-riżentiment, u mill-ewwel nibdew niġġudikaw b’mod negattiv, jew inkella li jibda jkollna xi nostalġija bla sens. Aħna nistgħu nħarsu lejn id-dinja b’żewġ modi: jew b’ħarsa negattiva jew b’ħarsa ta’ dixxerniment.

L-ewwelnett, il-ħarsa negattiva, ħafna drabi toħroġ minn fidi li, meta tkun attakkata, tibda tħares lejn il-fidi bħallikieku kienet xi “tarka” biex tiddefendik mid-dinja. B’din il-ħarsa negattiva jkollna ħafna qrusa u nibdew ngħidu li “d-dinja saret ħażina, li qed jirrenja d-dnub”, u hekk tirriskja li tidħol “fi spirtu ta’ kruċjata”.  Noqogħdu attenti minn dan, għax dan mhux spirtu nisrani; fil-fatt dan mhux il-mod kif jaħdem Alla li – kif ifakkarna l-Vanġelu – “tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3: 16). Il-Mulej, li jobgħod dak li hu tad-dinja, imma li għandu ħarsa ta’ tjieba lejn id-dinja. Hu jbierek ħajjitna, jitkellem tajjeb dwarna u dwar ir-realtà tagħna, jinkarna lilu nnifsu fis-sitwazzjonijiet tal-istorja mhux biex jikkundanna, imma biex ikabbar iż-żerriegħa tas-Saltna preċiżament fejn id-dlam jidher li rebaħ. Jekk nieqfu fuq il-ħarsa negattiva,  nispiċċaw biex niċħdu l-inkarnazzjoni, naħarbu mir-realtà minflok inħalluha tinkarna fina hi. Ningħalqu fina nfusna, nibku fuq dak li tlifna, u nispiċċaw noqogħdu ngergru l-ħin kollu u naqgħu fid-dwejjaq u l-pessimiżmu: id-dwejjaq u l-pessimiżmu qatt ma jiġu minn Alla. Minflok, aħna msejħin biex ikollna ħarsa tixbaħ lil dik ta’ Alla, li jiddixxerni dak li hu tajjeb u jfittxu b’mod persistenti. Din mhijiex ħarsa ta’ min hu “fidil” imma ħarsa li tiddixxerni r-realtà.

Biex nirfinaw id-dixxerniment tagħna fuq id-dinja sekularizzata, ejjew inħallu lilna nfusna niġu ispirati minn dak li kiteb il-Papa San Pawl VI f’Evangelii Nuntiandi, Eżortazzjoni Appostolika li għadha rilevanti għal kollox illum: għalih is-sekularizzazzjoni hi “dak l-isforz, fih innifsu ġust u leġittmu, u li jista’ joqgħod mal-fidi u mar-reliġjon” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi, 55), biex niskopru l-liġijiet tar-realtà u tal-ħajja tal-bniedem stess kif stabbiliti mill-Ħallieq. Fil-fatt, Alla ma jridniex ilsiera, imma wlied, ma jridx jiddeċiedi Hu għalina, u lanqas jgħaffiġna b’xi setgħa sagra ta’ dinja mmexxija minn liġijiet reliġjużi. Le, ħalaqna ħielsa u jridna nġibu ruħna ta’ adulti, nies responsabbli fil-ħajja u fis-soċjetà. Ħaġa oħra, San Pawl VI iddistingwa s-sekularizzazzjoni mis-sekulariżmu, li hu kunċett ta’ ħajja li jiċħad għal kollox li hemm xi rabta mal-Ħallieq, u hekk Alla jsir “żejjed u ta’ tfixkil”, u dan jiġġenera forom ġodda u forom differenti ta’ ateiżmu b’mod sottili.  F’soċjetà tal-konsum, l-edoniżmu jiġi elevat għal valur suprem, bħalma hi x-xewqa għall-poter u l-ħakma.  Hawnhekk, bħala Knisja, fuq kollox bħala ragħajja tal-Poplu ta’ Alla, bħala rġiel u nisa kkonsagrati, bħala seminaristi u bħala operaturi pastorali, huwa f’idejna li nkunu nafu kif nagħmlu dawn id-distinzjonijiet, billi niddixxernu. Jekk inċedu għall-ħarsa negattiva u niġġudikaw b’mod superfiċjali, nirriskjaw li ngħaddu l-messaġġ b’mod ħażin, bħallikieku wara l-kritika tas-sekularizzazzjoni kien hemm min-naħa tagħna n-nostalġija għal dinja sagra, għal soċjetà ta’ żminijiet oħra li fiha l-Knisja u l-ministri tagħha kellhom aktar poter u rilevanza soċjali. U din hija perspettiva ħażina.

Għall-kuntrarju, kif jinnota studjuż kbir ta’ dawn it-temi, il-problema vera tas-sekularizzazzjoni, għalina l-insara, m’għandhiex tkun li l-Knisja tilfet l-importanza soċjali, jew li tilfet il-ġid materjali u l-privileġġi; anzi, jistedinna biex nirriflettu fuq il-bidliet fis-soċjetà li affettwaw il-mod kif in-nies jaħsbu u jorganizzaw ħajjithom.  Jekk noqogħdu naħsbu fuq dan l-aspett, nindunaw li mhijiex il-fidi li tinsab fi kriżi, imma ċerti forom u metodi li permezz tagħhom inħabbru l-fidi. U, għalhekk, is-sekularizzazzjoni hija sfida għall-immaġinazzjoni pastorali tagħna, hija “opportunità biex nirristrutturaw il-ħajja spiritwali f’forom ġodda u b’metodi ġodda”. (C. Taylor, A Secular Age, Cambridge 2007, 437) . Għalhekk il-ħarsa li tiddixxerni, filwaqt li turina d-diffikultajiet li għandna inwasslu l-ferħ tal-fidi, fl-istess ħin tistimulana biex niskopru mill-ġdid passjoni ġdida għall-evanġelizzazzjoni, biex infittxu lingwaġġ ġdid, biex nibdlu xi prijoritajiet pastorali, u biex immorru għal dak li hu essenzjali.

Għeżież ħuti, hemm bżonn li nxandru l-Evanġelju biex in-nies tal-lum jiskopru l-ferħ tal-fidi. Iżda din it-tħabbira ma ssirx fuq kollox bil-kliem, imma permezz ta’ xhieda mfawra b’ imħabba gratwita, kif jagħmel Alla magħna. Hija tħabbira li titlob li tiġi inkorporata fi stil ta’ ħajja personali u ekkleżjali li tista’ tqajjem mill-ġdid ix-xewqa tal-Mulej, iddaħħal it-tama, tittrasmetti fiduċja u kredibbiltà. U fuq dan, ippermettuli, biex fi spirtu ta’ aħwa, insemmielkom tliet sfidi, li jistgħu jsawru t-talb tagħkom u s-servizz pastorali tagħkom.

L-ewwel sfida: li Ġesu jkun magħruf. Fid-deżerti spiritwali ta’ żmienna, maħluqa  mis-sekulariżmu u l-indifferenza, jeħtieġ li nerġgħu lura għat-tħabbira tal-bidu. Nirrepeti: jeħtieġ li nerġgħu mmorru lura għat-tħabbira tal-bidu. Ma nistgħux naħsbu  li nistgħu nikkomunikaw il-ferħ tal-fidi billi nippreżentaw aspetti sekondarji lil dawk li għadhom ma ħaddnux lill-Mulej f’ħajjithom, jew inkella billi noqogħdu nirrepetu xi drawwiet jew billi nirreplikaw forom pastorali tal-passat. Jeħtieġ li nsibu modi ġodda biex inħabbru l-qalb tal-Evanġelju lil dawk li għadhom ma ltaqgħux ma’ Kristu. Dan jippresupponi kreattività pastorali biex tilħaq lin-nies fejn jgħixu, mhux tistenniehom jiġu huma: mur int fejn jgħixu, oħolqilhom okkażjonijiet biex jisimgħu, biex jiddjalogaw u biex jiltaqgħu. Jeħtieġ li nerġgħu lura għall-essenzjal, irridu nerġgħu lura għall-entużjażmu tal-Atti tal-Appostli, għall-ġmiel li nħossu lilna nfusna bħala  strumenti tal-frott tal-Ispirtu llum. Jeħtieġ immorru lura lejn il-Galilija. Dan kien l-appuntament ma’ Ġesù Rxoxt: morru lejn il-Galilija biex – ippermettuli l-espressjoni – nibdew mill-ġdid wara l-falliment. Erġa’ lura lejn il-Galilija. U kull wieħed minna għandu l-“Galilija” tiegħu, dik tal-ewwel tħabbira. Ftakar din il-ġrajja!

Imma biex tħabbar l-Evanġelju jeħtieġ ukoll li tkun kredibbli. U din hija t-tieni sfida: ix-xhieda. L-Evanġelju jitħabbar b’mod effettiv meta tkun il-ħajja stess li titkellem waħedha, u tikxef dik il-libertà li kapaċi teħles lill-oħrajn, dik il-kompassjoni li ma tistenna xejn lura, dik il-ħniena li titkellem dwar Kristu mingħajr ma tuża kliem. Il-Knisja fil-Kanada, wara li ġiet feruta u meqruda mill-ħażen li wettqu wħud minn uliedha, qabdet triq ġdida. Qed naħseb b’mod partikolari fuq l-abbuż sesswali li sar fuq minorenni u persuni vulnerabbli, reati li jeħtieġu azzjoni qawwija u rriversibbli. Nixtieq, flimkien magħkom, nerġa' nitlob skuża mal-vittmi kollha. L-uġigħ u l-mistħija li nesperjenzaw għandhom ikunu okkażjoni ta’ konverżjoni. Qatt aktar! U, waqt li naħsbu fuq it-triq tal-fejqan u r-rikonċiljazzjoni mal-aħwa indiġeni, il-komunità Nisranija qatt ma tista’ tħalli lilha nnifisha terġa’ tiġi kontaminata mill-idea li hemm kultura superjuri għall-oħrajn u li huwa leġittimu li tuża mezzi ta’ theddid kontra oħrajn. Ejjew niskopru mill-ġdid il-ħeġġa missjunarja tal-ewwel isqof tagħkom, San Franġisk de Laval, li ħadha kontra dawk kollha li ppruvaw ibaxxu lill-indiġeni billi ġiegħluhom jixorbu xi xorb ħalli mbagħad iqarrqu bihom. Ejjew ma nħallu l-ebda ideoloġija tbiegħed u tħawwad l-istili u l-modi ta’ ħajja tal-popli tagħna biex tipprova tkissirhom u tiddominahom. Jalla l-progress tal-bniedem jkun assimilat fl-identità kulturali tagħhom.

Imma biex din il-kultura ta’ esklużjoni tispiċċa darba għal dejjem, jeħtieġ li nibdew aħna: ir-rgħajja, li ma nħossuniex bħala nies aħjar mill-aħwa tal-Poplu ta’ Alla; li l-persuni konsagrati jgħixu l-fraternità u l-libertà tal-ubbidjenza fil-komunità; is-seminaristi jkunu lesti li jkunu qaddejja doċili u disponibbli u l-operaturi pastorali ma jħarsux lejn is-servizz li jagħtu bħala xi dritt jew poter. Nibdew minn hawn. Intom il-protagonisti u l-bennejja ta’ Knisja differenti: kunu umli, mimlijin ħlewwa u ħniena, Knisja li takkumpanja, li taħdem b’mod deċiż u seren fl-inkulturazzjoni, li tagħti valur lil kull persuna u lil kull diversità kulturali u reliġjuża. Ejjew nagħtu din ix-xhieda!

Fl-aħħarnett, it-tielet sfida, il-fraternità. Tliet sfidi: l-ewwel, li Ġesù jkun magħruf; it-tieni, ix-xhieda; it-tielet, il-fratellanza. Il-Knisja tkun xhieda kredibbli tal-Evanġelju meta l-membri tagħha jgħixu aktar il-komunjoni, meta toħloq opportunitajiet u spazji biex kull min jersaq lejn il-fidi isib komunità li tilqgħu, li tkun taf tisma’, li tkun taf tidħol fi djalogu, u li tippromwovi relazzjonijiet ta’ kwalità. Hekk qal il-qaddis isqof tagħkom lill-missjunarji: “Ħafna drabi kelma iebsa, nuqqas ta’ paċenzja, ħarsa li timbuttak, ikissru f’sekonda dak li tkun ilek tibni għal żmien twil.” (Tagħrif lill-missjunarji, 1668)

Hawn qed nitkellmu dwar li ngħixu bħala komunità nisranija li ssir skola ta’ umanità, fejn nitgħallmu nħobbu lil xulxin bħala aħwa, lesti li naħdmu flimkien għall-ġid komuni. Fil-fatt, fiċ-ċentru tat-tħabbira tal-Evanġelju hemm l-imħabba ta’ Alla, li tibdilna u tagħmilna kapaċi nidħlu f’komunjoni ma’ kulħadd u nkunu ta’ servizz għal kulħadd. Teologu Kanadiż kiteb: “L-​imħabba li jagħtina Alla tfawwar f’imħabba fuq l-oħrajn […] hija dik l-imħabba li ġġiegħel lis-​Samaritan it-​tajjeb biex jieqaf u jieħu ħsieb il-​vjaġġatur misruq mill-​ħallelin. Hija imħabba li ma tafx bi fruntieri, li tfittex is-saltna ta’ Alla […] li hija universali” (B. Lonergan, “The Future of Christianity”, f’A Second Collection: Papers by Bernard F.J. Lonergan S.J., London 1974, 154 ). Il-Knisja hi msejħa biex tħaddan din l-imħabba bla fruntieri, biex tibni l-ħolma li Alla għandu għall-umanità: li nkunu lkoll aħwa. Ejjew nistaqsu lilna nfusna: fiex aħna fil-fraternità ta’ bejnietna? L-isqfijiet bejniethom u mas-saċerdoti, is-saċerdoti bejniethom u mal-Poplu ta’ Alla. Aħna aħwa jew għedewwa maqsumin f’partiti? U, kif inhuma r-relazzjonijiet tagħna ma’ dawk li mhumiex “tagħna”, ma’ dawk li ma jemmnux, ma’ dawk li għandhom tradizzjonijiet u drawwiet differenti minn tagħna? Dan hu l-mod: li nippromwovu r-relazzjonijiet ta’ fraternità ma’ kulħadd, ma’ l-aħwa indiġeni, ma’ kull min niltaqgħu miegħu, għax il-preżenza ta’ Alla turi ruħha fil-wiċċ ta’ kull persuna.

Ħuti għeżież, dawn huma biss ftit mill-isfidi. Ma ninsewx li aħna nistgħu naħdmu dwarhom biss permezz tal-qawwa tal-Ispirtu, li rridu nitolbu dejjem fit-talb tagħna. Imma ejjew ma nħallux l-ispirtu tas-sekulariżmu jidħol fina, u naħsbu li aħna nistgħu noħolqu proġetti li jaħdmu waħedhom, bil-forzi umani waħedhom, mingħajr Alla. Din hija idolatrija, l-idolatrija ta’ proġetti mingħajr Alla. U jekk jogħġobkom, ejjew ma ningħalqux fina nfusna billi noqogħdu nħarsu lura. Ejjew nimxu ʼl quddiem bil-ferħ!

Ejjew inpoġġu fil-prattika dawn il-kelmiet li se nindirizzaw lil San Franġisk de Laval:

Int kont il-bniedem li taqsam kollox mal-oħrajn, li żżur il-morda,

tlibbes il-fqar, tiġġieled għad-dinjità tal-popolazzjonijiet tal-bidu,

issostni lill-missjunarji għajjenin,

dejjem lest li tgħin lil min kien agħar minnek.

Kemm-il darba l-proġetti tiegħek spiċċaw tfarrku!

U kull darba terġa’ tibda mill-ġdid.

Inti fhimt li x-xogħol ta’ Alla mhuwiex xogħol magħmul mill-ġebel,

u li f’din id-dinja ta’ qtigħ il-qalb

kien hemm bżonn ta’ bennej tat-tama.

Nirringrazzjakom għal dak kollu li tagħmlu u nberikkom minn qalbi. U, jekk jogħġobkom, komplu itolbu għalija.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes