VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KANADA

 (24 - 30 TA’ LULJU. 2022)

LAQGĦA MA’ DELEGAZZJONI TA’ INDIĠENI PREŻENTI FI  QUÉBEC

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Québec, Palazz Arċiveskovili
Il-Ġimgħa, 29 ta’ Lulju, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Insellmilkom minn qiegħ qalbi u rroddilkom ħajr li ġejtu hawn minn diversi nħawi.  Il-firxa kbira ta’ din l-art tfakkarna fit-tul tal-mixja ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni li qed naffrontaw flimkien.  Infatti, il-kelma li baqgħet takkumpanjana minn Marzu ‘l hawn, minn mindu d-delegati indiġeni ġew iżuruni f’Ruma, u li hija l-karatteristika taż-żjara tiegħi hawn fostkom, hija Camminare insieme: Walking together/Marcher ensemble/ Nimxu flimkien.

Ġejt il-Kanada bħala ħabib biex nitlaqa’ magħkom, biex nara, nisma’, nitgħallem, napprezza kif jgħixu l-popolazzjonijiet indiġeni f’dal-pajjiż.  Ma ġejtx bħala turist, ġejt bħala ħukom, biex personalment niskopri l-frott tajjeb u ħażin li jipproduċu l-membri tal-familja lokali tul is-snin.  Ġejt bi spirtu penitenzjali, biex nistqarrilkom in-niket li bħala Knisja qed inġorru fi qlubna għad-deni li għamlulkom għadd sew ta’ kattoliċi li appoġġjaw il-politika oppressiva u inġusta dwarkom.  Ġejt bħala pellegrin, bil-possibiltajiet fiżiċi limitati tiegħi, biex immidd aktar passi ‘l quddiem magħkom u għalikom: sabiex it-tiftix għall-verità ma jehdix, sabiex isir progress fil-mixjiet ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni, ħalli nkomplu niżirgħu t-tama għall-ġenerazzjonijiet indiġeni u mhux indiġeni tal-ġejjieni, li jixtiequ jgħixu flimkien fraternament, fl-armonija.

Iżda nixtieq ngħidilkom, lejn tmiem dan il-pellegrinaġġ mimli daqs bajda, li jekk ġejt imqanqal minn dax-xewqat, se nerġa’ lura aktar għani, għax f’qalbi qed inġorr it-teżor bla paragun li sibt f’dawn il-persuni u l-popolazzjonijiet li ħallew marka fuqi; uċuħ, tbissim u kliem li jibqgħu fija u se jibqgħu miegħi dejjem.  Nażżarda ngħid, jekk tippermettuli, li issa, f’ċertu sens, jien ukoll inħossni nagħmel sehem mill-familja tagħkom, u dan hu unur għalija.  It-tifkira tal-festa ta’ Sant’ Anna, li għext flimkien ma’ diversi ġenerazzjonijiet u tant familji indiġeni, se jibqa’ f’qalbi bla qatt jitħassar.  F’dinja li, sfortunatament, tant spiss hi individwalista, kemm hu prezzjuż dak is-sens ta’ familjarità u ta’ komunità li hu tant ġenwin fostkom!  U kemm hi importanti li wieħed jikkultiva sew ir-rabta bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, u jindokra r-relazzjoni sana u armonjuża mal-ħolqien kollu!

Għeżież ħbieb, irrid inħalli f’idejn il-Mulej dak kollu li għexna tul dal-ġranet u wkoll il-bqija tal-mixja li qed tistenniena; u nħallihom ukoll f’idejn il-kura attenta ta’ min jaf iħares dak li jgħodd fil-ħajja: qed naħseb fin-nisa, u fi tliet nisa partikolari.  Qabel kollox Sant’Anna, li ġarrabt it-tenerezza u l-protezzjoni tagħha jien u nqimha flimkien ma’ poplu t’Alla li jagħraf u jagħti ġieħ lin-nanniet.  It-tieni, qed naħseb fl-Omm Qaddisa ta’ Alla: ebda kreatura ma tista’ tissejjaħ ‘pellegrina’ aktar minnha għax dejjem u llum ukoll, hi tinsab miexja: itterraq bejn is-Sema u l-art, biex tieħu ħsiebna f’isem Alla u biex tmexxina minn idejna lejn Binha.  U fl-aħħar, talbi u ħsiebi, dal-ġranet kienu spiss fit-tielet mara ta’ preżenza mansweta u li l-fdal tagħha jinsab ikkonservat mhux bogħod minn hawn: qed nireferi għal santa Kateri Tekakwitha.  Aħna nqimuha minħabba l-ħajja qaddisa tagħha, iżda ma nistgħux ukoll nimmaġinaw li l-qdusija tagħha, ittimbrata b’dedikazzjoni eżemplari għat-talb u x-xogħol, kif ukoll għall-ħila li bil-paċenzja u l-ħlewwa ġarrbet tant provi, kienet possibbli wkoll minħabba ċerti karatteristiċi nobbli u virtwużi li wirtet mill-komunità tagħha u mill-ambjent indiġenu li trabbiet fih?

Dawn in-nisa jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex flimkien nerġgħu nibdew ninsġu r-rikonċiljazzjoni li tiggarantixxi d-drittijiet ta’ min hu bla difiża u tkun tħares lejn l-istorja mingħajr rankur jew nisi.  Tnejn minnhom, il-Verġni Mqaddsa u Santa Kateri rċevew proġett ta’ ħajja mingħand Alla, u bla ma talbu xejn lil ebda raġel, qalu “iva” bil-kuraġġ.  Dawn in-nisa setgħu wieġbu b’mod ħażin li kulmin kien kontra dal-proġett, inkella setgħu baqgħu sudditi tan-normi patrijarkali ta’ żmienhom u jirrassenjaw ruħhom, bla ma jitqabdu favur il-ħolm li Alla nnifsu kien ittimbralhom fi qlubhom.  M’għamlux din l-għażla, imma bil-manswetudni u rieda soda, bi kliem profetiku u ġesti deċiżi fetħu t-triq u wettqu dak li talbet minnhom is-sejħa li kellhom.  Jalla huma jbierku l-mixja tagħna flimkien, jinterċedu għalina, għal din l-opra kbira ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni tant apprezzata minn Alla.  Jien inberikkom minn qalbi.  U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex tkomplu titolbu għalija.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber