VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU             FIL-KANADA

 (24 - 30 LULJU 2022)

LAQGĦA MAL-POPLI INIĠENI U MAL-MEMBRI TAL-KOMUNITÀ PARROKKJALI

DISKORS TAL-PAPA

Fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù f’Edmonton
It-Tnejn, il-25 ta’ Lulju 2022

Ħuti għeżież, il-lejla t-tajba!

Inħossni ferm kuntent li ninsab fostkom u li nista’ nerġa’ nara l-uċuħ ta’ diversi rappreżentanti indiġeni li ftit xhur ilu ġew iżuruni ġewwa Ruma.  Dik iż-żjara fissret ħafna għalija: issa jmiss lili li niġi hawn f’darkom, bħala ħabib u pellegrin.  Ġejt f’artkom, u fil-knisja fejn tiltaqgħu biex tfaħħru lil Alla bħala aħwa.  F’Ruma, wara li smajtkom, kont għidtilkom li “biex ikun hemm proċess effikaċi ta’ fejqan, jeħtieġ azzjonijiet konkreti” (Diskors lid-delegazzjonijiet tal-popli indiġeni tal-Kanada, 1 ta’ April 2022). Ninsab kuntent li qed nara li, f’din il-parroċċa li fiha jiltaqgħu nies minn diversi komunitajiet tal-First Nations, tal- Métis u tal- Inuit, flimkien ma’ nies li mhumiex indiġeni u li jgħixu fil-qrib, kif ukoll diversi aħwa immigrati, dan il-proċess diġà ingħata bidu.  Din hija id-dar ta’ kulħadd, miftuħa u inklussiva, hekk kif għandha tkun il-Knisja, familja ta’ wlied Alla fejn l-ospitalità u l-akkoljenza, valuri tipiċi tal-kultura indiġena, huma importanti: fejn kulħadd iħossu milqugħ, kienu x’kienu l-esperjenzi tal-passat, u kienu x’kienu l-esperjenzi individwali tal-ħajja. U rrid ngħidilkom grazzi anke talli intom tkunu daqshekk qrib, b’mod konkret, għal tant fqar – u dan lili jolqotni ħafna – il-fqar li mhumiex ftit anke f’dan il-pajjiż sinjur. Dan tagħmluh permezz tal-karità: dan huwa dak li jixtieq Ġesù, li qalilna, u li jgħdilna spiss fil-Vanġelu: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost ħuti, tkunu għamiltuh miegħi stess.”  (Mt 25,40). Huwa Ġesù preżenti.

U fl-istess ħin ma rridux ninsew li anke fil-Knisja, flimkien mal-qamħ it-tajjeb, issib ukoll is-sikrana. Anke fil-Knisja.  U kien proprju minħabba din is-sikrana li jiena xtaqt nagħmel dan il-pellegrinaġġ penitenzjali, u nibdih proprju dalgħodu billi ftakarna fit-tbatija li għaddew minnha l-popli indiġeni tort ta’ tant insara, u tlabt maħfra ta’ dan kollu. Tweġġagħni ħafna meta naħseb kif diversi kattoliċi taw sehemhom biex ikun hemm politika ta’ assimilazzjoni li biha injettaw sens ta’ inferjorità, u serqu mill-komunitajiet u mill-persuni l-identità kulturali u spiritwali tagħhom, qaċċtulhom għeruqhom u ppromovew atteġġamenti ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni kontihom, u dan kollu sar f’isem edukazzjoni hekk imsejħa nisranija. L-edukazzjoni trid dejjem tibda mir-rispett u l-promozzjoni tat-talenti li diġà jinsabu fil-persuna. L-edukazzjoni mhijiex u ma tista’ tkun qatt bħal xi pakkett lest li jiġi impost fuq l-oħrajn, għax l-edukazzjoni hija l-avventura li inti tfittex u tiskopri flimkien ma’ oħrajn il-misteru tal-ħajja.  Nirringrazzjaw lil Alla, f’parroċċi bħal ma hi din, permezz tal-laqgħa tagħkom flimkien, qed jinbena jum wara l-ieħor il-pedament tal-fejqan u r-rikonċiljazzjoni. Fejqan u rikonċiljazzjoni. U issa rrid ngħid xi ħaġa li mhijiex miktuba hawnhekk. Irrid nirringrazzja b’mod speċjali lill-Isqfijiet għax-xogħol li għamlu biex jiena stajt niġi hawn, u biex intom stajtu tiġu Ruma. Meta Konferenza Episkopali tkun magħquda, tagħmel ġesti kbar u tagħti ħafna frott. Għalhekk grazzi ħafna lill-Konferenza Episkopali!

Rikonċiljazzjoni: fuq din il-kelma xtaqt illejla naqsam magħkom xi riflessjonijiet.  X’jissuġġerielna Ġesù meta jkellimna dwar ir-rikonċiljazzjoni?  Jew meta jispirana biex ngħixuha? Xi tfisser għalina llum ir-rikonċiljazzjoni? Għeżież ħbieb, ir-rikonċiljazzjoni li ġabilna Ġesù mhijiex xi tip ta’ ftehim biex ikun hemm paċi esterna, xi tip ta’ kompromess fejn kulħadd ikun kuntent. U lanqas kienet xi paċi li waqgħet mis-sema, u li ġiet imposta fuqna, jew billi naħa assimilat lill-oħra. L-Appostlu Pawlu jispjega li Ġesù jirrikonċiljana billi jgħaqqadna flimkien, u minn żewġ realtajiet differenti jagħmel realtà waħda, ħaġa waħda, poplu wieħed. U kif jagħmel hekk? Permezz tas-salib (cfr Ef 2,14). Huwa Ġesù nnifsu li jgħaqqadna bejnietna permezz tas-salib, fuq dik is-siġra tal-ħajja, kif kienu jsejħulu l-ewwel insara. Is-Salib, is-siġra tal-ħajja.

U intom, għeżież ħuti indiġeni, għandkom ħafna x’tgħallmuna fuq is-sinifikat vitali tas-siġra li, magħquda mal-art permezz tal-għeruq, tagħti l-ossiġnu permezz tal-weraq, u tmantnina permezz tal-frott tagħha.  Huwa verament sabiħ tara dan is-simboliżmu tas-siġra kif rappreżentata fl-arkitettura ta’ din il-knisja,  fejn zokk ta’ siġra jgħaqqad l-art mal-artal li fuqu Ġesù jgħaqqadna flimkien fl-Ewkaristija, “att ta’ imħabba kożmika” li “jgħaqqad is-sema u l-art, u jħaddan il-ħolqien kollu” (Ara Laudato si’, 236). Dan is-simboliżmu liturġiku jfakkarni f’kelma sabiħa li qal San Ġwanni Pawlu II f’dan l-istess pajjiż: “Kristu janima ċ-ċentru stess ta’ kull kultura, u għalhekk il-Kristjaneżmu mhux biss jaffettwa l-popli Indjani kollha, imma Kristu, fil-membri ta’ ġismu, hu nnifsu huwa Indjan” Liturġija tal-Kelma mal-Indjani tal-Kanada, 15 Settembru 1984). U huwa Hu li fuq is-salib jirrikonċilja, jgħaqqad flimkien dak li deher impossibbli u li ma jistax jinħafer, iħaddan lil kulħadd u kollox. Kulħadd u kollox: il-popli indiġeni jattribwixxu tifsira kożmika qawwija lill-punti kardinali, mifhuma mhux biss bħala punti ġeografiċi ta’ referenza iżda wkoll bħala dimensjonijiet li jħaddnu r-realtà kollha u juru wkoll il-mod kif din titfejjaq, rappreżentata mill-hekk imsejħa “ir-rota tal-mediċina”. Dan it-tempju jadotta din is-simboliżmu ta’ dawn il-punti kardinali u jagħtihom tifsira kristoloġika. Ġesù, mill-erbat itruf tas-salib tiegħu, iħaddan il-punti kardinali u jiġbor il-popli l-aktar imbiegħda, Ġesù ġab il-fejqan u l-paċi f’kollox (ara Ef 2,14). Hemmhekk wettaq il-pjan ta’ Alla: “li jirrikonċilja kollox” (ara Kol 1,20).

Ħuti, xi jfisser dan kollu għal min qed iġorr ġrieħi tant koroh ġewwa fih? Nimmaġina kemm hi diffiċli tara xi xaqq ta’ rikonċiljazzjoni, speċjalment f’dawk li batew l-iktar minħabba nies  li suppost kellhom jagħtu xhieda tal-ħajja Nisranija. Xejn ma jista’ jħassar id-dinjità mkissra, il-ħażen li ġarrabtu u l-fiduċja traduta. Xejn m’għandu jħassar il-mistħija tagħna, li nemmnu. Imma jeħtieġ li nerġgħu nibdew mill-ġdid u Ġesù ma joffrilniex kliem sabiħ jew ħsibijiet sbieħ, imma joffrilna s-salib, dik l-imħabba skandaluża li tħalli lilha nnifisha tittaqqab minn saqajh u mill-polz bl-imsiemer, kif ukoll rasu bil-kuruna tax-xewk. Din hi t-triq li rridu nieħdu: inħarsu lejn Kristu flimkien, Hu li Hu imħabba traduta u msallab għalina; inħarsu lejn Ġesù, msallab f’ħafna tfal fl-iskejjel residenzjali. Jekk irridu nirrikonċiljaw bejnietna u ġewwa fina, irridu nirrikonċiljaw ruħna mal-passat, mal-ħażin li ġarrabna u mal-memorja feruta, ma’ ġrajjiet trawmatiċi li l-ebda konsolazzjoni umana ma tista’ tfejjaq. Jekk irridu nirrikonċiljaw tassew, il-ħarsa tagħna trid tmur ʼil fuq lejn Ġesù msallab, il-paċi rridu nġibuha mill-artal tiegħu. Għax propju fuq is-siġra tas-salib li l-uġigħ jinbidel f’imħabba, il-mewt f’ħajja, id-diżappunt f’tama, l-abbandun f’komunjoni, id-distanza f’għaqda. Ir-rikonċiljazzjoni mhix tant xogħol tagħna, imma huwa don, don li joħroġ mill-Kurċifiss, hija paċi li ġejja mill-Qalb ta’ Ġesù, hija grazzja li trid tintalab. Ir-rikonċiljazzjoni hija grazzja li trid tintalab.

Hemm aspett ieħor tar-rikonċiljazzjoni li nixtieq naqsam magħkom. L-Appostlu Pawlu jispjega li Ġesù, permezz tas-salib, jgħaqqadna f’ġisem wieħed (ara Ef 2,14). Fuq liema ġisem qed jitkellem? Tkellem dwar il-Knisja: il-Knisja hija dan il-ġisem ħaj ta’ rikonċiljazzjoni. Iżda, jekk noqogħdu naħsbu fuq it-tbatija li seħħet f’dawn il-postijiet minn tant nies f’istituzzjonijiet tal-knisja, jiġina li nħossu biss ir-rabja, il-mistħija. Dan seħħ għax kien hemm insara li saru nies tad-dinja, u, minflok ħadmu għar-rikonċiljazzjoni, imponew il-mudell kulturali tagħhom stess. Din l-attitudni, ħuti, bil-mod biex tmut, anke mil-lat reliġjuż. Fil-fatt, huwa iktar faċli li timponi lil Alla fuq in-nies, milli tgħin lin-nies jersqu qrib lejn Alla. Din hija kontradizzjoni, u qatt ma taħdem. Għax il-Mulej ma jimxix hekk: ma jimponix, ma jġiegħelx u ma jgħassarx. Anzi, huwa dejjem iħobb, jeħles, u jħallina liberi. Hu ma jagħtix l-Ispirtu tiegħu lil dawk li jiddominaw fuq l-oħrajn, lil dawk li jħawdu l-Evanġelju tar-rikonċiljazzjoni mal-proselitiżmu. Għax wieħed ma jistax ixandar lil Alla b’mod kuntrarju għal dak li jrid Alla! Iżda din kemm-il darba ġrat fl-istorja! Filwaqt li Alla jurina lilu nnifsu b’mod sempliċi u umli, aħna dejjem għandna t-tentazzjoni li nimponuh u nimponu lilna nfusna f’ismu. Hija t-tentazzjoni tad-dinja li ġġiegħlu jinżel minn fuq is-salib biex juri lilu nnifsu bħala wieħed qawwi. Imma Ġesù jgħaqqadna flimkien fuq is-salib, ma jinżel qatt mis-salib. Taħt is-salib, kien hemm min ħaseb fih innifsu u ttanta lil Kristu billi qallu biex isalva lilu nnifsu (ara Lq 23,35.36), mingħajr ma jaħseb fl-oħrajn. Ħuti, f’isem Ġesù, jalla dan ma jibqax jiġri fil-Knisja. Jalla Ġesù jitħabbar kif jixtieq Hu, fil-libertà u fil-karità. Jalla li f’kull persuna msallba li niltaqgħu magħha ma narawx każ ieħor li rridu nsolvu, imma nara lil ħija li rrid inħobb, il-Ġisem ta’ Ġesù li rrid inħobb. Jalla l-Knisja, il-Ġisem ta’ Kristu, tkun ġisem ħaj ta’ rikonċiljazzjoni!

Il-kelma stess rikonċiljazzjoni hija prattikament sinonima mal-Knisja. Il-kelma, fil-fatt, tfisser “nagħmlu konċilju (ftehim) mill-ġdid”: rikonċiljazzjoni, li jkun hemm għaqda ġdida. Il-Knisja hija d-dar fejn nistgħu nerġgħu nirrikonċiljaw, fejn nistgħu ningħaqdu flimkien biex naqsmu u nikbru flimkien. Huwa l-post fejn nieqfu naħsbu fuqna nfusna bħala individwi u nagħrfu lilna nfusna bħala aħwa billi nħarsu fl-għajnejn tal-oħrajn, nilqgħu l-esperjenzi u l-kultura tal-oħrajn, inħallu l-mistika tal-flimkien, li tant togħġob lill-Ispirtu s-Santu, biex tmexxi ʼl quddiem il-fejqan tal-memorja feruta. Dan hu l-mod: li ma niddeċiedix għall-oħrajn, li ma ndaħħalx lil kulħadd f’kategoriji li jkolli f’moħħi,  imma li npoġġi lili nnifsi quddiem il-Kurċifiss u quddiem ħija biex nitgħallmu nimxu flimkien. Din hi l-Knisja u dejjem hekk għandha tkun - post fejn ir-realtà hija dejjem aqwa mill-idejat. Din hi l-Knisja u hekk għandha dejjem tkun –  mhux sett ta’ ideat u liġijiet li ddaħħal f’moħħ in-nies; il-Knisja hija dar li tilqa’ għal kulħadd! Din hi l-Knisja u dejjem hekk għandha tkun –  tempju bil-bibien dejjem miftuħin, kif smajna mingħand dawn iż-żewġt ħutna, li din il-parroċċa hi ​​hekk: knisja bil-bibien dejjem miftuħin, fejn ilkoll, tempji ħajjin tal- Spirtu, jiltaqgħu flimkien, jaqdu lil xulxin u jirrikonċiljaw flimkien. Għeżież ħuti, il-ġesti u ż-żjarat jistgħu jkunu importanti, iżda ħafna mill-kliem u mill-għemejjel ta’ rikonċiljazzjoni jsiru fuq livell lokali, f’komunitajiet bħal din, fejn in-nies u l-familji jimxu ħdejn xulxin, jum wara jum. It-talb flimkien, l-għajnuna flimkien, il-qsim tal-esperjenzi tal-ħajja, il-ferħ u d-diffikultajiet komuni jiftħu l-bieb għall-ħidma ta’ rikonċiljazzjoni ta’ Alla.

Hemm xi ħaġa tal-aħħar li tista’ tgħinna. F’din il-knisja, fuq l-artal u t-tabernaklu, naraw erba’ arbli ta’ tinda indiġena tipika, li jien naf li tissejjaħ tepee. It-tinda għandha sinifikat bibliku kbir. Meta Iżrael mexa fid-deżert, Alla kien jgħammar f’tinda li kienet tittella’ kull darba li l-poplu kien jieqaf: kienet it-Tinda tal-Laqgħa. It-tepee tfakkarna li Alla jimxi magħna fil-vjaġġ tagħna u jħobb jiltaqa’ magħna  flimkien, f’assemblea. U meta jsir bniedem, l-Evanġelju litteralment jgħid li “waqqaf t-tinda tiegħu fostna” (ara Ġw 1,14). Alla hu Alla tal-qrubija, f’Ġesù jgħallimna l-lingwaġġ tal-kompassjoni u t-tenerezza. Dan għandu jinftiehem kull darba li niġu fil-knisja, fejn Hu preżenti fit-tabernaklu, kelma li litteralment tfisser tinda. Alla għalhekk iwaqqaf it-tinda tiegħu fostna, jakkumpanjana fid-deżerti tagħna: ma jgħix fil-palazzi tas-sema, imma fil-Knisja tagħna, li jixtieq li tkun dar ta’ rikonċiljazzjoni.

O Ġesù, imsallab u rxuxtat, inti li tgħammar hawn f’nofs dan il-poplu li hu tiegħek, inti tixtieq li l-glorja tiegħek tiddi permezz tal-komunitajiet tagħna u fil-kulturi tagħna. Ġesù, aqbdilna jdejna, u, anke fid-deżerti tal-istorja, imexxi l-passi tagħna fit-triq tar-rikonċiljazzjoni. Ammen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes