VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-KANADA

(24 - 30
TA’ LULJU. 2022)

LAQGĦA MAL-POPOLAZZJONIJIET INDIĠENI
FIRST NATIONS, MÉTIS
U INUIT

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Maskwacis
It-Tnejn, 25 ta’ Lulju, 2022

 

Sinjura Gvernatur Ġenerali,
S
ur Prim Ministru,
għeżież popolazzjonijiet indiġeni minn Maskwacis u minn din l-art Kanadiża,
għeżież ħuti!

 

Kelli ħerqa kbira biex niġi fostkom.  Huwa minn hawn, minn dan il-post ta’ fakra mnikkta li rrid nibda nistqarr dak li għandi f’qalbi: pellegrinaġġ penitenzjali.  Ġejt f’artijiet twelidkom biex personalment ngħidilkom li nħossni mnikket ħafna, biex nitlob maħfra lil Alla, fejqan u rikonċiljazzjoni. Biex nurikom il-qrubija tiegħi, biex nitlob għalikom u magħkom.

Niftakar fil-laqgħat li kellna f’Ruma erba’ xhur ilu.  Dakinhar kont mogħti żewġ pari papoċċi bħala rahan, sinjal tat-tbatija li sofrew it-tfal indiġeni, partikolarment dawk li sfortunatament qatt ma reġgħu lura d-dar mill-iskejjel residenzjali.  Kont intlabt irrodd lura dawn iż-żraben meta nasal il-Kanada; ġibthom miegħi u se nagħmel dal-ġest kif intemm dan id-diskors, u minnhom irrid nieħu spunt propju mit-tifsira tagħhom, li tul l-aħħar xhur qanqlu fija niket, rabja u mistħija.  Il-fakra ta’ dawk it-tfal tnissel għali u hi xprun biex nagħtu sehemna ħalli kull tifel/tifla jkunu ttrattati bl-imħabba, bil-ġieħ u bir-rispett.  Imma dawk il-papoċċi jkellmuna wkoll dwar mixja, triq li nixtiequ nagħmlu flimkien ħalli t-tbatijiet tal-imgħoddi jagħmlu wisa għal ġejjieni ta’ ġustizzja, fejqan u rikonċiljazzjoni.

Din hi r-raġuni għala l-ewwel waqfa tal-pellegrinaġġ tiegħi fostkom qed isseħħ f’dar-reġjun li minn żmien twil ilu ra fih il-preżenza ta’ popli indiġeni.  Hu territorju li jkellimna, li jippermettielna nġeddu l-memorja.

Inġeddu l-memorja: ħuti, intom ilkom tgħejxu f’din l-art għal eluf ta’ snin bi stili ta’ ħajja li kienu jirrispettaw lill-art infisha. Wirt tal-ġenerazzjonijiet imgħoddija u ndukrata għal dawk tal-ġejjieni.  Qistuha u ġibtu ruħkom magħha bħala don tal-Ħallieq li jinqasam mal-oħrajn u jkun maħbub f’armonija ma’kulma jeżisti, f’rabta reċiproka mdawla bejn il-ħlejjaq kollha li għandhom il-ħajja.  Hekk intom tgħallimtu ssaħħu sens ta’ familja u ta’ komunità u żviluppajtu rabtiet sodi bejn il-ġenerazzjonijiet bil-ġieħ lill-anzjani u l-kura taż-żgħar.  Kemm drawwiet, tagħlim immirat biex jagħti attenzjoni lill-oħrajn u mħabba lejn il-verità, (mibni) fuq il-kuraġġ u r-rispett, fuq l-umiltà u l-onesta, fuq l-għerf tal-ħajja!

Imma jekk dawn kienu l-ewwel passi f’dawn it-territorji, il-memorja teħodna b’niket lejn dak li ġara wara.  Il-post fejn ninsabu, jqanqal fija għajta ta’ tbatija, għajta fgata li baqgħet tidwi ġo fija tul dawn ix-xhur.  Niftakar mill-ġdid fid-dramm li għaddew minnu tant minnkom, il-familji tagħkom, il-komunitajiet tagħkom; (niftakar) f’dak li ftaħtu qlubkom dwaru miegħi, dwar it-tbatijiet li sofrejtu fl-iskejjel residenzjali.  Huma trawmi li, f’ċertu sens, jerġgħu ifiġġu kull darba li tiftakru fihom u jien konxju li l-laqgħa tagħna llum tista’ wkoll tnissel fikom tifkiriet u tifatħ ġrieħi u li bosta minnkom jistgħu jħossuhom f’diffikultà waqt li qed inkellimkom.  Imma hu sewwa li nġeddu l-memorja, għax jekk ninsew nistgħu nsiru indifferenti u, kif intqal, “il-maqlub tal-imħabba mhix il-mibegħda, hija l-indifferenza.... il-maqlub tal-ħajja mhix il-mewt, imma l-indiferenza lejn il-ħajja jew lejn il-mewt” (E. Wiesel).  Il-memorja tal-esperjenzi qerrieda li seħħew fl-iskejjel residenzjali tolqotna, tixxukkjana, tnikkitna, imma jeħtieġ li nżommuha ħajja.

Jeħtieġ nibqgħu niftakru li l-politika tal-assimilazzjoni u ħelsien mill-jasar, li kienet tgħodd ukoll għall-iskejjel residenzjali, ġabet qerda kbira fost in-nies ta’ dawn l-artijiet.  Meta l-koloni ewropej waslu hawn għall-ewwel darba, kienet opportunità kbira biex titfassal laqgħa għammiela bejn il-kulturi, it-tradizzjonijiet u l-ispiritwalità.  Imma fil-biċċa l-kbira dan ma seħħx.  U qed jerġgħu jiġuni f’moħħi l-istejjer li rrakkuntajtuli intom: dwar kif il-politika ta’ assimilazzjoni spiċċat biex sistematikament twarrab fil-ġenb lill-popli indiġeni; dwar kif anki permezz tas-sistema tal-iskejjel residenzjali, l-ilsna tagħkom, il-kulturi tagħkom spiċċaw immaqdrin u aboliti; u kif it-tfal ġarrbu abbużi fiżiċi u verbali, psikoloġiċi u spiritwali; dwar kif inġarrew ‘il barra minn djarhom meta kienu għadhom żgħar ħafna u kif dan ħalla effett li ma jistax jitaħassar fuq ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u wliedhom, in-nanniet u n-neputijiet.

Jien irroddilkom ħajr li tajtuni ċ-ċans nidħol fil-qalba ta’ dan kollu, talli berraħtu l-piżijiet tqal li ġġorru ġewwa fikom, talli qsamtu miegħi din il-memorja li tnixxi d-demm.  Illum ninsab hawn, f’din l-art illi, flimkien ma’ memorja antika, hi kustodju taċ-ċikatriċi ta’ ġrieħi li għadhom miftuħin.  Ninsab hawn għax l-ewwel pass ta’ dal-pellegrinaġġ penitenzjali fostkom qed nagħmlu bl-għan li nġeddilkom mill-ġdid it-talba għall-maħfra u biex ngħidilkom, b’qalbi kollha, li jien imnikket għall-aħħar: nitlob maħfra għall-modi kollha li bihom, sfortunatament, bosta nsara appoġġjaw il-mentalità kolonjalista tal-qawwiet li għakksu lill-popli indiġeni.  Jien imnikket ħafna.  Nitlob maħfra, partikolarment, għall-mod kif ħafna membri tal-Knisja u tal-komunitajiet reliġjużi ikkoperaw, anki  għax indifferenti, f’dawk il-proġetti ta’ qerda kulturali u assimilazzjoni forzata tal-gvernijiet ta’ dak iż-żmien, li laħqu l-aqwa tagħhom fl-iskejjel residenzjali.

Minkejja li l-karità nisranija xorta waħda kienet preżenti u l-każi eżemplari ta’ dedikazzjoni lejn it-tfal ma kinux ftit, il-konsegwenzi kumplessivi tal-politika dwar l-iskejjel residenzjali kienu katastrofiċi.  Dak li tgħidilna l-fidi nisranija hu li dak kien żball qerriedi, li xejn ma jaqbel mal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.  Dejjem jibqa ta’ niket tkun taf li dik l-art kompatta ta’ valuri, ilsien u kultura, li lill-popolazzjonijiet tagħkom tathom sens ġenwin ta’ identità, hu ta’ niket tkun taf li spiċċa mnawwar, u li l-effetti tagħhom għadkom tħallsu għalihom intkom.  Quddiem dal-ħażen li jixxokkja, il-Knisja tinżel għarkuptejha quddiem Alla u titlob maħfra għad-dnubiet ta’ wliedha (cfr S. Giovanni Paolo II, Bolla Incarnationis mysterium [29 ta’ Novembru, 1998], 11: AAS 91 [1999], 140).  Irrid intenni dan b’mistħija u ċarezza: umilment nitlob maħfra għall-ħsara li għamlu tant insara lill-popolazzjonijiet indiġeni.

Għeżież ħuti, ħafna minnkom u mir-rappreżentanti tagħkom affermaw li meta titlob skuża tkun għadek ma wasalt imkien.  Naqbel perfettament: l-iskuża hi biss l-ewwel pass, il-punt tat-tluq.  Jien konxju wkoll li “meta nħarsu lejn l-imgħoddi qatt mhu se jkun biżżejjed kulma jsir biex tintalab maħfra u biex infittxu li nsewwu l-ħsara li saret”, u li, “bil-ħarsa lejn il-ġejjieni, qatt mhu se jkun ftit kulma jsir biex tingħata ħajja lil kultura bil-ħila li tevita li sitwazzjonijiet bħal dawn mhux biss ma jittennewx, iżda li lanqas biss isibu wisa’” (Ittra lill-Poplu t’Alla, 20 ta’ Awwissu, 2018).  Parti importanti ta’ dal-proċess hu li ssir riċerka serja dwar il-verità tal-imgħoddi u li dawk li ħelsuha mill-iskejjel residenzjali jkollhom l-għajnuna biex jibdew mixjiet ta’ fejqan mit-trawmi li ġarrbu.

Nitlob u nittama li l-insara u s-soċjetà ta’ din l-art isaħħu l-ħila li jilqgħu u jirrispettaw l-identità u l-esperjenza tal-popolazzjonijiet indiġeni.  Nawgura li  jinstabu toroq konkreti biex ikunu magħrufin u apprezzati, biex kulħadd jitgħallem jimxi lkoll flimkien.  Min-naħa tiegħi, se nkompli nagħmel kuraġġ lill-impenn tal-Kattoliċi kollha favur il-popli indiġeni.  Għamlit dan f’okkażjonijiet oħra u f’postijiet differenti, permezz ta’ laqgħat, appelli u wkoll permezz ta’ Eżortazzjoni Appostolika.  Naf li kollox irid iż-żmien u l-paċenzja: huma proċessi li jridu jinfdu l-qlub u l-preżenza tiegħi hawn flimkien mal-impenn tal-Isqfijiet kanadiżi huma xhieda tar-rieda li nibqgħu nterrqu dil-mixja.

Għeżież ħbieb, dal-pellegrinaġġ se jdum xi jiem u se jmiss postijiet bogħod minn xulxin, madankollu mhux se jħallini nissodisfa l-bosta stediniet biex inżur ċentri bħalma huma Kamloops, Winnipeg, siti varji fis-Saskatchewan, fil-Yukon u fit-territorji tal-Majjistral.  Anki jekk dan mhux possibbli, kunu afu li intom ilkoll tinsabu fi ħsibijieti u fit-talb tiegħi.  Kunu afu li jien nifhem is-sofferenza, it-trawmi u l-isfidi tal-popli indiġeni fir-reġjuni kollha ta’ dal-pajjiż.  Il-kliem li se ngħid tul dil-mixja penitenzjali huma indirizzti lejn il-komunitajiet kollha u l-persuni nattivi li nħaddan miegħi minn qalbi.

F’din l-ewwel waqfa ridt nagħmel wisa ‘ għall-memorja.  Illum ninsab hawn biex infakkar l-imgħoddi, biex nibki magħkom, biex fis-skiet inħares lejn l-art u nitlob fuq l-oqbra.  Inħallu s-skiet jgħinna biex dan in-niket imissilna qlubna.  Silenzju.  U talb: quddiem il-ħażen nitolbu lill-Mulej tal-ġid; quddiem il-mewt  nitolbu lil Alla tal-ħajja.  Il-Mulej Ġesù Kristu il-qabar għamlu punt tat-tluq għat-tama li quddiemha kien għeb il-ħolm kollu u kien baqa’ biss biki, niket u rassenjazzjoni. Il-qabar għamlu mkien ta’ twelid ġdid, ta’ qawmien, li minnu bdiet storja ta’ ħajja ġdida u rikonċiljazzjoni universali.  Iżda l-isforzi tagħna mhumiex biżżejjed għall-fejqan u r-rikonċiljazzjoni, hemm bżonn il-Grazzja tiegħu: hemm bżonn l-għerf manswet u qawwi tal-Ispirtu, it-tenereza tal-Farraġ.  Ħalli jkun Hu li jimla l-qlub b’din l-istennija.  Ħalli jkun Hu li jmexxina minn idejna.  Ħalli jkun Hu dak li bih aħna nimxu flimkien.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber