VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KANADA

(24 - 30 TA’ LULJU. 2022)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET ĊIVILI,

MAR-RAPPREŻENTANTI TAL-POPOLAZZJONIJIET INDIĠENI

U MAL-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

"Citadelle de Québec"
L-Erbgħa, 27 ta’ Lulju, 2022

 

Sinjura Gvernatur Ġenerali,
S
ur Prim Minnistru,
di
stinti Awtoritajiet ċivili u reliġjużi,
għeżież Rappreżentanti tal-popolazzjonijiet indiġeni,
illustri
Membri tal-Korp Diplomatiku,
Si
njuri!

Insellmilkom min qiegħ qalbi u rrodd ħajr lis-Sinjura Mary Simon u lis-Sur Justin Trudeau, għall-kliem ġentili tagħhom.  Inħossni hieni li qed nindirizzakom, intom li għandkom ir-responsabbiltà li taqdu lill-abitanti ta’ dal-pajjiż kbir li, “minn baħar għal ieħor” joffri patrimonju naturali straordinarju.  Fost il-ħafna sbuħija qed niftakar fil-foresti spettakolari u enormi tas-siġar tal-aġġru tal-pajsaġġ kanadiż uniku u mlewwen għall-aħħar.  Irrid nieħu propju spunt minn das-simbolu per eċċellenza ta’ dawn l-artijiet, il-werqa tal-aġġru, li mill-arma ta’ Québec malajr infirxet sa ma saret l-emblema li tiddomina l-bandiera tal-pajjiż.

Jekk dan seħħ fi żminijiet aktarx riċenti, madankollu, l-aġġri huma kustodji tal-memorja ta’ bosta ġenerazzjonijiet tal-imgħoddi, ferm qabel ma’ l-koloni waslu fuq l-art kanadiża.  Il-popolazzjonijiet nattivi kienu jgħasru minnhom il-linfa li biha kienu jagħmlu ġulepp nutrijenti.  Dan iwassalna naraw kemm kienu ħawtiela, dejjem attenti biex iħarsu l-art u l-ambjent, fidili lejn viżjoni armonjuża tal-ħolqien, ktieb miftuh li lill-bniedem jgħallmu jħobb lill-Ħallieq u jgħix f’armonija mal-ħlejjaq l-oħra kollha li fihom il-ħajja.  Hemm ħafna tagħlim li joħroġ minn dan, mill-ħila li wieħed jagħti widen lil Alla, lill-persuni u lin-natura.  Dan neħtiġuh speċjalment fil-ferneżija bla rażan tad-dinja tal-lum, ikkaratterizzata minn “kollox bil-ġiri”, aspett li jxekkel mhux ftit l-iżvilupp verament uman, sostenibbli u integrali (cfr Enċ Laudato si’, 18), u jispiċċa biex joħloq “soċjetà ta’ persuni għajjenin u illużi”, li jsibuha bi tqila jsibu mill-ġdid il-gost tal-kontemplazzjoni, it-togħma ġenwina tar-relazzjonijiet, il-mistika tal-’flimkien’.  Kemm hemm bżonn nisimgħu lil xulxin u niddjalogaw, biex nitbegħedu mill-individwaliżmu li qed isaltan, mill-ġudizzji bl-addoċċ, mill-aggressività bla rażan, mit-tentazzjoni li nifirdu d-dinja bejn it-tajbin u l-ħżiena!  Il-weraq kbar tal-aġġru, li jixorbu l-arja mniġġsa u jtuna lura l-ossiġinu, jistednuna nistgħaġbu bis-sbuħija tal-maħluq u biex inħallu l-valuri sani li nsibu fil-kulturi indiġeni jiġbduna lejhom: dawn huma ta’ ispirazzjoni għalina lkoll u jistgħu jkuniu kontribut biex ifejqu d-drawwiet ta’ ħsara kbira tal-isfruttament.  Nisfruttaw il-maħluq, ir-relazzjonijiet, iż-żmien u mmexxu l-attivitajiet umani biss skont l-utli u l-qliegħ.

Dan it-tagħlim vitali, madankollu, fl-imgħoddi safa stuprat bi vjolenza.  Qed naħseb fuq kollox fil-politika tal-assimilazzjoni u ħelsien, li kienet tiġbor fiha wkoll is-sistema tal-iskejjel residenzjali, li għamlet ħsara lil bosta familji indiġeni, dgħajfitilhom l-ilsien, il-kultura u l-viżjoni tad-dinja.  Dik is-sistema kundannabbli mmexxija mill-awtoritajiet governattivi ta’ dak iż-żmien, li firdet tant tfal mill-familji tagħhom, kienet tinkludi wkoll diversi istituzzjonijiet kattoliċi lokali; għaldaqstant nesprimi l-mistħija u n-niket, u flimkien mal-Isqfijiet ta’ dal-pajjiż, inġedded it-talba tiegħi għall-maħfra minħabba l-ħsara li tant insara għamlu lill-popolazzjonijiet indiġeni.  Nitlob maħfra ta’ dan kollu.  Hi traġedja meta xi wħud li jemmnu, kif ġara f’dak iż-żmien tal-istorja, jadattaw ruħhom għall-konvenjenzi tad-dinja pjuttost milli għal dawk tal-Evanġelju.  Jekk il-fidi nisranija kellha rwol essenzjali biex tifforma l-aktar ideali għolja tal-Kanada, bix-xewqa li jinbena pajjiż aħjar għal niesu kollha, jeħtieġ, filwaqt li naċċettaw il-ħtijiet tagħna, nimpenjaw ruħna lkoll flimkien biex inwettqu dak li jiena naf li lkoll tixtiequ: li nippromwovu d-drittijiet leġittimi tal-popolazzjonijiet nattivi u niffaċilitaw proċessi ta’ fejqan u rikonċiljazzjoni bejnhom u bejn dawk li mhumiex indiġeni fil-pajjiż.  Dan ikun jidher ċar fl-impenn li twieġbu b’mod xieraq għall-appelli tal-Kummissjoni għall-verità u r-rikonċiljazzjoni, kif ukoll mill-attenzjoni li tagħtu biex tagħtu għarfien lid-drittijiet tal-popli indiġeni.

Is-Santa Sede u l-komunitajiet kattoliċi lokali għandhom ħajja fihom ir-rieda konkreta li jippromwovu l-kulturi indiġeni, b’mixjiet spiritwali speċifiċi u adattati, li jħaddnu fihom wkoll l-attenzjoni lejn it-tradizzjonijiet kulturali, id-drawwiet, l-ilsna u l-proċessi edukattivi propji, fl-ispirtu tad-Dikajarazzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni.  Hi xewqa tagħna nġeddu r-relazzjoni bejn il-Knisja u l-popolazzjonijiet indiġeni tal-Kanada, relazzjoni bit-timbru kemm tal-imħabba li nisslet frott bnin, kif ukoll, sfortunatament, bit-timbru tal-ġrieħi li qed nagħmlu ħilitna biex nifhmuhom u nfejquhom.  Jien grat li ltqajt u smajt rappreżentanti varji tal-popolazzjonijiet indiġeni fix-xhur li għaddew, f’Ruma, u li nista’ nsaħħaħ, hawn fil-Kanada, ir-relazzjonijiet li rbatt magħhom.  Il-mumenti li għexna flimkien ħallew fija marka u xewqa ħerqana li nieħdu fuq spallejna l-inkarigu li nkomplu nsostnu l-għadab u l-mistħija għat-tbatijiet li sofrew l-indiġeni, u mmexxu ‘l quddiem mixja fraterna u paċenzjuża, mixja flimkien mal-kanadiżi kollha, skont il-verità u l-ġustizzja, u nimpenjaw ruħna favur il-fejqan u r-rikonċiljazzjoni, dejjem imqanqlin mit-tama.

Dik l-istorja “ta’ niket u disprezz” li bdiet minn mentalità kolonjalista “mhix se tfieq ħabta w sabta”.  Fl-istess ħin hi twissija dwar il-fatt illi “l-kolonizzazzjoni mhix se tieqaf, pjuttost li f’xi nħawi, tittrasforma ruħha, tilbes maskra u tinħeba” (Eż. App. Querida Amazonia, 16).  Hu l-kas tal-kolonizzazzjonijiet ideoliġiċi.  Jekk żmien ilu l-mentalità kolonjalista injorat il-ħajja konkreta tan-nies, u imponiet mudelli kulturali mfasslin minn qabel, lanqas illum mhuma neqsin il-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li jmorru kontra r-realtà tal-eżistenza, joħonqu r-rabta naturali mal-valuri tal-popli, u jippruvaw iqaċċtu u jeqirdu t-tradizzjonijiet tagħhom, l-istorja u r-rabtiet reliġjużi.  Hija mentalità li, għax jidhrilha li ħalliet warajha “l-paġni mdallma tal-istorja”, qed tagħmel il-wisa għal dik il-”cancel culture” li l-imgħoddi ttih valur biss a bażi ta’ ċerti kategoriji attwali.  B’hekk qed titħawwel moda kulturali li ġġib lil kulħadd l-istess, kollox ugwali, ma tittollerax differenzi u moħħha biss fil-mument ta’ issa, fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-individwi, u spiss tittraskura d-dmirijiet lejn l-aktar dgħajfa u fraġli: foqra, anzjani, morda, trabi fil-ġuf....  Dawn huma minsijin fis-soċjetà affluwenti; huma dawk li fost l-indifferenza ġenerali, huma skartati qieshom weraq niexef li għandu jingħata n-nar.  Iżda r-rikkezza tal-weraq folt u mlewwen tas-siġar tal-aġġru jfakkruna fl-importanza tas-solidarjetà, tal-għaqda, li mmexxu ‘l quddiem komunitajiet umani li mhumiex omologi imma realment miftuħin u inklussivi.  U bħalma kull werqa hi fundamentali biex tagħni l-friegħi, l-istess kull familja, ċellula essenzjali tas-soċjetà, għandha tkun valorizzata, għax “il-futur tal-umanità jgħaddi mill-familja” (San Ġwanni Pawlu II Eż. App. Familiaris consortio, 86).  Hi l-ewwel realtà soċjali konkreta, imma hi mhedda minn ħafna fatturi: vjolenza domestika, ferneżija għax-xogħol, mentalità individwalistika, ġirja bla rażan wara l-karrieri, nuqqas ta’ xogħol, solitudni taż-żgħażagħ, anzjani u morda abbandunati.....  Il-popolazzjonijiet indiġeni għandhom ħafna x’jgħallmuna dwar il-ħarsien u l-protezzjoni tal-familja, fejn sa minn tfal jitgħallmu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, jgħidu l-verità, jaqsmu mal-oħrajn, jikkoreġu l-iżbalji, jerġgħu jibdew, jagħmlu l-qalb lil xulxin, jagħmlu paċi.  Id-deni li sofrew il-popli indiġeni u li issa aħna nistħu minnu, illum għandu jkun għalina ta’ twissija, sabiex il-kura u d-drittijiet tal-familja ma jitwarrbux fil-ġenb f’isem esiġenzi tal-produzzjoni jew ta’ interessi individwali.

Immorru lura issa għall-werqa tal-aġġru.  Fi żmien il-gwerra, is-suldati kienu jużawha bħala faxxa u biex idewwu l-feriti.  Illum, quddiem il-ġenn bla sens tal-gwerra, għandna bżonn intaffu mill-ġdid l-estremiżmi tal-kontrapożizzjoni u ndewwu l-ġrieħi tal-mibegħda.  Waħda mara, xhud tal-vjolenzi traġiċi tal-imgħoddi, reċentement qalet illi “l-paċi għandha sigriet: qatt tobgħod lil ħadd.  Jekk trid tgħix qatt m’għandek tobgħod” (Intervista lil E. Bruck, fil-gażżetta “Avvenire”, 8 ta’ Marzu, 2022).  M’għandniex għalfejn naqsmu d-dinja bejn ħbieb u għedewwa, li nżommu d-distanza jew li narmaw ruħna sa snienna: mhux se tkun il-ġirja għall-armamenti u l-istrateġiji ta’ deterrent li se jġibu l-paċi u s-sigurtà.  M’hemmx għalfejn nistaqsu kif se nkomplu l-gwerer, imma kif se nwaqqfuhom.  U ma nħallux lill-popli jisfaw mill-ġdid ostaġġi tal-morsa tal-gwerer bierda tal-biża’ li għadhom qed jinfirxu.  Hemm bżonn politika kreattiva li tħares ‘il bogħod, li tagħraf toħroġ mill-iskemi tal-partijiet biex tagħti tweġibiet għall-isfidi globali.

Infatti, l-isfidi l-kbar tal-lum, bħalma hi l-paċi, it-tibdil fil-klima, l-effetti tal-pandemija u l-migrazzjonijiet internazzjonali għandhom aspett li jgħaqqadhom flimkien: huma globali, sfidi globali, jolqtu lil kulħadd.  U jekk kulħadd qed jitkellem dwar il-ħtieġa tas-solidarjetà, il-politika ma tistax tibqa lsiera tal-interessi parzjali.  Hemm bżonn nagħarfu nħarsu, kif jgħallimna l-għerf indiġenu, lejn is-seba’ ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, mhux lejn il-konvenjenzi immedjati, lejn id-data tal-elezzjonijiet, lejn is-sapport tal-lobbies.  U nivvalorizzaw ukoll ix-xewqa tal-fraternità, tal-ġustizzja u tal-paċi tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.  Iva, daqskemm hu meħtieġ, biex nirkupraw il-memorja u d-dehen, nisimgħu lill-anzjani, l-istess bħalma, biex ikun xprun u futur, hemm bżonn inħaddnu l-ħolm taż-żgħażagħ.  Huma jixirqilhom futur aħjar minn dak li qed inħejjulhom, jixraq li jkollhom sehem fl-għażliet għall-bini tal-illum u ta’ għada, partikolarment għall-ħarsien tad-dar komuni.  U għal dan huma prezzjużi l-valuri u t-tagħlim tal-popolazzjonijiet indiġeni.  A propożitu ta’ dan, nixtieq nesprimi apprezzament għall-impenn lokali ta’ min ifaħħru, favur l-ambjent.  Kważi nistgħu ngħidu li l-emblemi mnebbħin min-natura, bħalma huma l-ġilju fil-bandiera ta’ dil-Provinċja ta’ Québec u l-werqa tal-aġġru f’dik tal-pajjiż, jikkonfermaw il-vokazzjoni ekoloġika tal-Kanada.

Meta l-Kummissjoni mwaqqfa għal dan il-għan kienet qed teżamina l-eluf ta’ buzzetti li waslulha biex titfassal il-bandiera nazzjonali, ħafna minnhom mibgħutin min-nies komuni, kienet sorpriża kemm minnhom kien fihom rappreżentata propju l-werqa tal-aġġru.  Il-parteċipazzjoni madwar dan is-simbolu li għaqqad, jissuġġerili nisħaq fuq kelma fundamentali għall-kanadiżi: multikulturaliżmu.  Hu l-pedament tal-għaqda u l-ftehim ta’ soċjetà tant imħallta daqskemm huma mlewna b’kuluri differenti l-weraq folt tal-aġġru.  L-istess werqa tal-aġġru, bil-ħafna ponot madwar it-truf  u l-ġnub tagħha tfakkarna f’figura poliedrika u turi li intom poplu bil-ħila li tinkudu, tant illi dawk li jaslu jistgħu jsibu posthom f’dik l-għaqda multiformi u jkunu jistgħu jġibu fiha s-sehem oriġinali tagħhom (cfr Evangeli gaudium, 236).  Il-multikulturaliżmu huwa sfida permanenti: hi li tilqa’ u tħaddan il-membri preżenti, u fl-istess ħin tirrispetta d-diversità tat-tradizzjonijiet u l-kulturi tagħhom, bla ma taħseb li l-proċess intemm darba għal dejjem.  F’das-sens nesprimi apprezzament għall-ġenerożità murija fil-laqgħa li nagħtat lill-immigranti ukraini u afgani.  Meħtieġa wkoll ħidma biex tkun megħluba r-retorika tal-biża’ fil-konfront tal-immigranti u biex tingħatalhom, skont il-possibbiltajiet tal-pajjiż, il-possibbiltà konkreta li jinvolvu ruħhom fis-soċjetà b’mod responsabbli.  Biex dan isir huma indispensabnbli d-drittijiet u d-demokrazija.  Imma hemm bżonn niġġieldu l-mentalità individwalista u niftakru li l-għejxien flimkien jinbena fuq premessi li l-politika waħedha ma tistax tipproduċihom.  F’dan ukoll, il-kultura indiġenia hi ta’ sostenn kbir biex tfakkar fl-importanza tal-valuri tas-soċjalità.  U l-Knisja kattolika wkoll, bid-dimensjoni universali tagħha u l-kura ta’ dawk li huma l-aktar fraġli, bis-servizz leġittimu favur il-ħajja umana mit-tnissil sal-mewt naturali, toffri bil-ferħ is-sehem tagħha.

Dal-ġranet smajt dwar ħafna nies fil-bżonn li jħabbtu l-bibien tal-parroċċi.  F’pajjiż tant żviluppat ukoll bħalma hu l-Kanada, li tagħti attenzjoni kbira lill-għajnuna soċjali, mhumiex ftit in-nies bla saqaf li jorbtu fuq il-knejjes u fuq is-”soup kitchens” biex isibu għajnuna u dak li hu essenzjali, illi – ma ninsewx – mhux biss dak li hu materjali.  Dawn ħutna jġagħaluna nqisu kemm hu urġenti nimpejnaw ruħna biex insibu soluzzjoni għal din l-inġustizzja radikali li tniġġes id-dinja tagħna, li minħabba fiha l-abbundanza tal-ġid hu mqassam b’mod wisq diżugwali.  Hu skandlu li l-ġid iġġenerat mill-iżvilupp ekonomiku ma jkunx ta’ benefiċċju għal kull settur tas-soċjetà.  U hu ta’ swied il-qalb li propju fost in-nattivi spiss hemm ħafna rqajja ta’ faqar, li miegħu jintrabtu indikaturi negattivi oħra, bħalma hu l-livell baxx ta’ skola, li mhux faċli jkollhom djarhom u aċċess għall-għajnuna tas-saħħa. L-emblema tal-werqa tal-aġġru li tidher regolarment fuq it-tikketti tal-prodotti tal-pajjiż, jalla tkun xprun biex kulħadd jagħmel għażliet ekonomiċi u soċjali mmirati lejn il-kondiviżjoni u l-kura ta’ dawk fil-bżonn.

Huwa bil-ħidma ta’ kulħadd flimkien li nistgħu naffrontaw l-isfidi urġenti tal-lum.  Irroddilkom ħajr għall-ospitalità, l-attenzjoni u l-istima, u ngħidilkom b’għożża sinċiera li l-Kanada u niesha huma verament għal qalbi.  

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber