Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU

GĦAS-36 JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

21 ta’ Novembru 2021

 

“Qum! Nagħmlek xhud tad-dehra li fiha rajtni!” (ara  Atti  26:16)

Għeżież żgħażagħ!

Nixtieq għal darb’oħra naqbadkom minn idejkom u nkompli nimxi magħkom il-pellegrinaġġ spiritwali li jwassalna għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona fl-2023.

Il-messaġġ tas-sena l-oħra, li jiena ffirmajt eżatt qabel il-firxa tal-pandemija, kellu bħala tema: “Żagħżugħ, qed ingħidlek, qum!” (ara  Lq  7:14). Fil-providenza tiegħu, il-Mulej diġà ried iħejjina għall-isfida iebsa ħafna li konna se ngħixu.

Madwar id-dinja kollha, batejna t-telfa ta’ tant nies għeżież għalina, u ħabbattna wiċċna mal-iżolament soċjali. L-emerġenza tas-saħħa kellha effett fuqkom iż-żgħażagħ ukoll – li min-natura tagħkom ħajjitkom hija iktar immirata ʼl barra: l-iskola, l-università, ix-xogħol, attivitajiet soċjali... Sibtu ruħkom f’sitwazzjonijiet diffiċli, li ma kontux imdorrijin bihom. Dawk li sabuha iktar iebsa jew li ma sabux appoġġ,  ħassewhom diżorjentati. Żdiedu l-problemi fil-familji, il-qgħad, id-depressjoni, is-solitudni u vizzji. Biex ma nsemmux l-istress li beda jiżdied, it-tensjonijiet, ir-rabja u ż-żieda fil-vjolenza.

Imma nirringrazzjaw ʼl Alla din kienet naħa waħda biss tal-munita. Jekk din l-esperjenza urietna d-dgħufijiet tagħna, wrietna wkoll il-virtujiet tagħna, inkluża l-predispożizzjoni tagħna biex nuru solidarjetà. F’kull parti tad-dinja rajna ħafna nies, inkluż ħafna żgħażagħ, jgħinu biex isalvaw il-ħajjiet tan-nies, jiżirgħu t-tama, jiddefendu l-libertà u l-ġustizzja, ikunu dawk li jagħmlu l-paċi u l-bennejja ta’ pontijiet.

Meta żagħżugħ jaqa’, f’ċertu sens taqa’ l-umanità kollha. Imma huwa veru wkoll li meta żagħżugħ iqum, bħallikieku tqum id-dinja kollha. Għeżież żgħażagħ, x’potenzjal kbir għandkom f’idejkom! X’saħħa kbira hemm f’qalbkom!

Illum ukoll. Alla qed jgħid lil kull wieħed u waħda minnkom: “Qumu!”. Nittama b’qalbi kollha li dan il-messaġġ jgħinna nippreparaw għal żminijiet ġodda, għal paġna ġdida fl-istorja tal-umanità. Imma ma nistgħux nibdew mill-ġdid mingħajrkom, għeżież żgħażagħ. Biex id-dinja terġa’ tqum mill-ġdid, teħtieġ is-saħħa tagħkom, l-entużjażmu tagħkom, il-passjoni tagħkom. Huwa f’dan is-sens li nixtieq nimmedita magħkom is-silta mill-Atti tal-Appostli  li fiha Ġesù jgħid lil Pawlu: “Qum! Nagħmlek xhud  tad-dehra li fiha rajtni”. (ara  Atti  26:16).

Pawlu xhud quddiem is-sultan

Il-vers li nebbaħ it-tema tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2021 huwa meħud mix-xhieda ta’ Pawlu quddiem ir-Re Agrippa, waqt li kien il-ħabs. Hu, li darba kien għadu u persekutur tal-Insara, issa huwa qed ikun iġġudikat preċiżament minħabba l-fidi tiegħu fi Kristu. Wara madwar ħamsa u għoxrin sena, l-Appostlu jirrakkonta l-istorja tiegħu u l-episodju fundamentali tal-laqgħa tiegħu ma’ Kristu.

Pawlu jistqarr li fl-imgħoddi hu kien jppersegwita lill-Insara, sa dik il-ġurnata li waqt li hu kien sejjer lejn  Damasku biex jarresta lil xi wħud minnhom, dawl “iktar qawwi mid-dawl tax-xemx” idda fuqu u fuq sħabu li kienu jivjaġġaw miegħu (ara  Atti  26:13), imma kien hu biss li sema’ “leħen”: Ġesù tkellem miegħu u sejjaħlu b'ismu.

“Sawl, Sawl!”

Ejjew nesploraw dan l-avveniment flimkien. Sejjaħlu b’ismu. Il-Mulej jagħmilha ċara lil Sawl li lilu jafu personalment. Bħallikieku kien qed jgħidlu: “ Jien naf min int, naf x’qed tagħmel, imma madankollu qed nitkellem direttament miegħek”. Huwa jsejjaħlu għal darbtejn, bħala sinjal ta’ sejħa speċjali u importanti ħafna, bħalma għamel ma’ Mosè (ara    3 , 4) u ma’ Samwel (ara 1  Sam  3, 10). Meta waqa’ mal-art, Sawl jinduna li huwa xhud ta’ manifestazzjoni divina, rivelazzjoni qawwija, li tħawdu mingħajr ma teqirdu. Minflok, hu jsib ruħu msejjaħ b’ismu.

Hija biss laqgħa personali ma’ Kristu – li mhijiex laqgħa anonoma – li tibdlilna ħajjitna. Ġesù juri li jaf lil Sawl sew, li “jafu minn ġewwa u minn barra”. Anki jekk Sawl huwa persekutur, anke jekk f’qalbu hemm mibegħda għall-Insara, Ġesù jaf li dan huwa dovut għall-injoranza u jrid jurih l-ħniena tiegħu. U hija proprju din il-grazzja, din l-imħabba bla ebda kundizzjoni, li se tkun id-dawl li se tibdel mill-qiegħ il-ħajja ta’ Sawl.

"Min int, Mulej?"

Quddiem din il-preżenza misterjuża li sejħitlu b’ismu, Sawl jistaqsi: “Min int, Mulej?” ( Atti  26:15). Din il-mistoqsija hija importanti ħafna u lkoll għandna nistaqsuha illum jew għada fil-ħajja tagħna. Mhux biżżejjed li tkun smajt dwar Kristu minn ħaddieħor, huwa meħtieġ li titkellem miegħu personalmen         t. Fil-verità dan huwa t-talb veru. Li titkellem direttament ma’ Ġesù, anke jekk qalbna tkun għadha mħawda, jew moħħna jkun għadu mimli dubji jew saħansitra jkollna stmerrija lejn Kristu u lejn l-Insara. Nittama li kull żagħżugħ, minn qalbu, jasal biex jistaqsi din il-mistoqsija: “Min int, Mulej?”

Ma nistgħux nassumu li kulħadd jaf lil Ġesù, anke fl-era tal-internet. Il-mistoqsija li ħafna nies jistaqsu lil Ġesù u lill-Knisja hija preċiżament din: “Min int?”. Fl-istorja kollha tal-vokazzjoni ta’ San Pawl, din hija l-unika darba li huwa jitkellem. U għall-mistoqsija tiegħu, il-Mulej iwieġeb minnufih: “Jiena Ġesù, li int qed tippersegwita.” ( ibid. )

“Jiena Ġesù, li int qed tippersegwita!"

Permezz ta’ din it-tweġiba, il-Mulej Ġesù juri lil Sawl misteru kbir: li hu jidentifika ruħu mal-Knisja, mal-Insara. Sa dakinhar, Sawl ma kien għadu ra xejn minn Kristu ħlief lil dawn l-insara li hu kien tefa’ l-ħabs (ara  Atti  26:10), u li hu kien jaqbel mal-qtil tagħhom ( ibid .). U hu kien ra kif l-Insara wieġbu għall-ħażen bit-tajjeb, għall-mibegħda bl-imħabba, kif issaportew l-inġustizzji, il-vjolenza, il-kalunniji u l-persekuzzjonijiet minħabba Kristu. Allura, b’xi mod, bla ma kien jaf, Sawl kien diġà ltaqa’ ma’ Kristu: kien iltaqa’ miegħu fl-Insara!

Kemm-il darba smajna min igħid: “Ġesù iva, il-Knisja le”, bħallikieku waħda tista’ tkun alternattiva għall-oħra. Ma tistax tkun taf lil Ġesù jekk ma tkunx taf lill-Knisja. Wieħed ma jistax ikun jaf lil Ġesù ħlief permezz tal-aħwa tal-komunità tiegħu. Ma nistgħux nissejħu insara għal kollox jekk ma ngħixux id-dimensjoni ekkleżjali tal-fidi.

“Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża!” (Atti 26,14)

Dawn huma l-kliemiet li l-Mulej jgħid lil Sawl wara li jaqa’ fl-art. Imma bħallikieku għal xi żmien kien ilu jirrepetilu dan il-kliem misterjuż lil Sawl, biex jipprova jiġbdu lejh. Sawl irreżista. Il-Mulej jgħid din l-istess “ċanfira” ħelwa lil kull żagħżugħ li jabbandunah: “Kemm se ddum taħrab minni? Għaliex ma tismagħnix insejjaħlek? Qed nistenniek tiġi lura”. Bħall-profeta Ġeremija, xi drabi ngħidu: “Ma naħsibx fih iktar” (Ġer 20: 9  ). Imma fil-qalb ta’ kulħadd hemm bħal nar jaqbad: anke jekk nippruvaw inżommuh, ma nistgħux, għax huwa aktar b’saħħtu minna.

Il-Mulej jagħżel wieħed li kien qed jippersegwitah, wieħed li kien għal kollox kontrih u kontra s-segwaċi tiegħu. Naraw li, f’għajnejn Alla, ħadd mhu mitluf. Permezz tal-laqgħa personali miegħu, huwa dejjem possibbli li terġa’ tibda mill-ġdid. L-ebda żagħżugħ mhu ʼl bogħod mill-grazzja u l-ħniena ta’ Alla. Ħadd ma jista’ jgħid: issa mort wisq ʼil bogħod ... issa tard wisq ... Kemm żgħażagħ jopponu b’qalbhom kollha u jmorru kontra l-kurrent, filwaqt li fil-fond ta’ qalbhom iħossu l-bżonn li jimpenjaw ruħhom, li jħobbu b’qalbhom kollha, li jkollhom missjoni f’ħajjithom! biex tħobb bis-saħħa kollha tagħhom, biex tidentifika ruħek ma 'missjoni! Ġesù, fiż-żagħżugħ Sawl, ra eżattament dan kollu.

Ammetti li inti għama

Nistgħu nobsru li, qabel il-laqgħa tiegħu ma’ Kristu, Sawl kien f’ċertu sens “mimli bih nnifsu”, iqis lilu nnifsu “kbir” minħabba l-integrità morali tiegħu, iż-żelu tiegħu, it-trobbija tiegħu u l-kultura tiegħu. Ċertament kien konvint li kellu raġun. Iżda, meta l-Mulej jurih lilu nnifsu, Sawl “jaqa’ mal-art” u jsib ruħu għama. F’daqqa waħda ma seta’ jara xejn, mhux biss fiżikament imma wkoll spiritwalment. Iċ-ċertezzi tiegħu jitheżhżu. F’qalbu jħoss li l-passjoni kollha żelu li kellu li joqtol lill-insara, kienet xi ħaġa ħażina għall-aħħar. Huwa jirrealizza li hu m’għandux il-verità kollha, anzi ʼl bogħod minn hekk. Iċ-ċertezzi u l-kburija tiegħu jisfaw fix-xejn, u f’daqqa waħda jsib ruħu mitluf, dgħajjef u “ċkejken”.

Din l-umiltà – li hi l-għarfien tal-limiti tagħna stess – hija fundamentali! Dawk li jaħsbu li jafu kollox dwarhom infushom, dwar l-oħrajn u anke dwar il-veritajiet reliġjużi jsibuha diffiċli biex jiltaqgħu ma’ Kristu. Sawl, wara li spiċċa għama, tilef l-iktar affarijiet għeżież li kellu. Waqt li kien waħdu fid-dlam, l-uniċi affarijiet ċari għalih kienu d-dawl li ra u l-vuċi li sema’. X’paradoss: huwa preċiżament meta nitilfu d-dawl, li nibdew naraw!

Wara l-esperjenza qawwija ħafna li kellu fit-triq għal Damasku, Sawl jippreferi li jibda jissejjaħ Pawlu, kelma li tfisser “ċkejken”. Dan mhuwiex xi laqam  jew xi isem ivvintat, li llum il-ġurnata saru tant popolari. Il-laqgħa ma’ Kristu bidlitlu ħajtu, ġiegħlitu jħoss ruħu verament “ċkejken”, u kissret il-ħajt li ma kienx iħallih ikun jaf verament lilu nnifsu. Jgħidilna hu nnifsu: “Għax jien l-iżgħar fost l-appostli kollha u m’inix denju li nissejjaħ appostlu għax jien ippersegwitajt il-Knisja ta’ Alla" ( 1 Kor 15:  9).

Santa Tereża ta’ Lisieux, bħal qaddisin oħra, kienet tħobb tirrepeti li l-umiltà hija l-verità. Illum il-ġurnata aħna nimlew il-ħin tagħna, l-iktar fuq il-midja soċjali, permezz ta’ “stejjer”, ħafna drabi magħmula b’mod artistiku b’ħafna  xeni sbieħ, kameras, u effetti speċjali. Kulma mmorru nixtiequ li l-attenzjoni tkun fuqna, b’ritratti sbieħ, biex inkunu nistgħu nuru lill-“ħbieb” u lil dawk li jsegwuna stampa tagħna nfusna li kultant ma tkunx tirrifletti l-verità ta’ min verament aħna. Kristu, ix-xemx ta’ nofsinhar, jiġi biex idawwalna u jirrestawra l-awtentiċità tagħna, u jeħlisna minn kull maskra. Huwa jurina b’mod ċar dak li aħna, għax iħobbna kif aħna.

Nibdlu l-perspettiva

Fil-konverżjoni tiegħu, Pawlu ma marx lura għal dak li kien qabel, imma infetħet għalih triq għalkollox ġdida. Fil-fatt, huwa jkompli l-vjaġġ tiegħu lejn Damasku, imma issa Pawlu m’għadux dak li kien qabel, imma persuna differenti (ara Atti 22,10). Nistgħu nikkonvertu u niġġeddu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, billi nagħmlu l-affarijiet li soltu nagħmlu, imma b’qalb ġdida u b’motivazzjonijiet differenti. Imma f’dan il-każ, Ġesù jitlob speċifikament lil Pawlu biex imur Damasku, fejn kien proprju sejjer. Pawlu jobdi, imma issa l-iskop u l-perspettiva tal-vjaġġ tiegħu nbidlu radikalment. Minn issa ʼl quddiem, jibda jara r-realtà b’għajnejn ġodda, mhux iktar bħala  persekutur u eżekutur, imma bħala dixxiplu u xhud. F’Damasku, Ananija għammdu u introduċieh fil-komunità Nisranija. Fis-skiet u t-talb, Pawlu japprofondixxi l-esperjenza tiegħu stess u l-identità l-ġdida mogħtija lilu mill-Mulej Ġesù.

Taħlix is-saħħa u l-passjoni taż-żgħażagħ

L-attitudni ta’ Pawlu qabel il-laqgħa ma’ Ġesù rxoxt mhix daqshekk stramba għalina. Kemm saħħa u passjonijiet hemm f’qalbkom, għeżież żgħażagħ! Biss, jekk id-dlam fikom u madwarkom ma jħallikomx taraw sew, tirriskjaw li tintilfu fi ġlidiet bla sens, li jistgħu jsiru anke vjolenti. U sfortunatament, l-ewwel vittmi tkunu intom stess u dawk li jkunu qrib tagħkom. Hemm ukoll il-periklu li tiġġieldu għal kawżi li għall-bidu jkunu jiddefendu kawżi ġusti, imma mbagħad jispiċċaw fl-estrem, f’idejoloġiji  distruttivi. Kemm żgħażagħ illum, forsi mmexxija mill-konvinzjonijiet politiċi jew reliġjużi tagħhom stess, jispiċċaw isiru strumenti ta’ vjolenza u qerda fil-ħajja ta’ tant nies! Uħud, li jħossuhom komdi fid-dinja  diġitali, jużaw ir-rejaltà virtwali u l-midja soċjali bħala l-kamp ta’ battalja l-ġdid, u bla skruplu ta’ xejn jużaw l-arma tal-aħbarijiet foloz  biex ixerrdu l-velenu u jxejnu lill-avversarji tagħhom.

Meta l-Mulej daħal fil-ħajja ta’ Pawlu, ma ħassarx il-personalità li hu kellu, lanqas ma ħassar iż-żelu u l-passjoni tiegħu, imma uża dawn il-kwalitajiet biex għamlu l-evanġelizzatur il-kbir sa truf l-art.

Appostlu tal-Ġnus

Iktar ʼil quddiem Pawlu se jkun magħruf bħala “l-Appostlu tal-Ġnus”: hu, li kien Fariżew skrupluż u li osserva l-Liġi! Araw paradoss ieħor: il-Mulej ipoġġi l-fiduċja tiegħu preċiżament f’dak li ppersegwitah. Bħal Pawlu, kull wieħed minna jista’ jisma’ fil-fond ta’ qalbu dan il-leħen jgħidlu: “Jiena nafdak. Naf l-istorja tiegħek u, flimkien miegħek, neħodha f’idejja. Anke jekk spiss inti kont kontrija, jien nagħżel lilek u nagħmlek xhud tiegħi”. Il-loġika divina tista’ tagħmel mill-agħar persekutur xhud kbir.

Id-dixxiplu ta’ Kristu huwa msejjaħ biex ikun “id-dawl tad-dinja” (Mt  5:14). Pawlu issa jrid jixhed għal dak li ra, imma għalissa hu jinsab għama. Erġajna lura għall-paradoss! Imma preċiżament permezz ta’ din l-esperjenza personali tiegħu, Pawlu jkun jista’ jidentifika ruħu ma’ dawk li l-Mulej jibgħatlu. Għal din ir-raġuni l-Mulej għamlu xhud “biex tiftħilhom għajnejhom, u jerġgħu lura mid-dlam għad-dawl” (Atti  26:18).

“Qum u kun xhieda!”

Meta nħaddnu l-ħajja l-ġdida mogħtija lilna fil-magħmudija, aħna nirċievu wkoll missjoni mill-Mulej: “Int tkun ix-xhud tiegħi!”. Hija missjoni importanti u li tibdel lil ħajjitna.

Illum l-istedina ta’ Kristu lil Pawlu hija indirizzata lil kull wieħed u waħda minnkom iż-żgħażagħ: Qum! Ma tistax tibqa’ mal-art tibki lilek innifsek. Hemm missjoni tistenniek! Int ukoll tista’ tara dak li Ġesù beda jaħdem fik. Għalhekk, f’isem Kristu, ngħidlek:

- Qum u kun xhud ta’ l-esperjenza tiegħek bħala bniedem għama li ra d-dawl, li ra l-ġid u s-sbuħija ta’ Alla fih innifsu, fl-oħrajn u fil-komunjoni tal-Knisja li tegħleb kull solitudni.

- Qum u kun xhud li huwa possibbli li jkun hemm imħabba u rispett fir-relazzjonijiet umani, fil-ħajja tal-familja, fid-djalogu bejn il-ġenituri u t-tfal, bejn iż-żgħar u l-kbar.

- Qum u ddefendi l-ġustizzja soċjali, il-verità  u t-tjieba, id-drittijiet tal-bniedem. Aqbeż għal min hu persegwitat, fqir u vulnerabbli, għal min m’għandu l-ebda vuċi fis-soċjetà, l-immigranti.

- Qum u kun xhud tal-mod ġdid kif tħares lejn l-affarijiet, li ġġiegħlek tara l-ħolqien b’għajnejn mimlijin stagħġib, li ġġiegħlek tara d-Dinja bħala d-dar komuni tagħna u li jkollok il-kuraġġ li tiddefendi l-ekoloġija integrali.

- Qum u kun xhud li nies li jħossuhom falluti jistgħu jerġgħu jinbnew, li nies li diġà mejtin spiritwalment jistgħu jerġgħu jqumu, li dawk imjassrin jistgħu jkunu ħielsa mill-ġdid, li l-qlub mimlijin dwejjaq jistgħu jsibu tama.

- Qum u bil-ferħ kollu kun xhud li Kristu għadu ħaj! Xerred il-messaġġ tiegħu ta’ mħabba u salvazzjoni fost sħabek, fl-iskola, fl-università, fuq ix-xogħol, fid-dinja diġitali, kullimkien.

Il-Mulej, il-Knisja u l-Papa jafdawkom u jaħtrukom biex tkunu xhieda fost ħafna żgħażagħ oħra li tiltaqgħu magħhom fit-“toroq ta’ Damasku” ta' żmienna. Tinsewx: “jekk wieħed tabilħaqq għamel esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li jsalvah, m’għandux bżonn ta’ wisq żmien biex joqgħod iħejji ruħu ħalli jmur iħabbarha, ma jistax jistenna li jingħata ħafna lezzjonijiet jew istruzzjonijiet fit-tul.  Kull Nisrani hu missjunarju skont kemm kienet kbira l-laqgħa tiegħu mal-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù”. (Eżortazzjoni Appostolika  Evangelii gaudium ,  120).

Qumu u ċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Knejjes lokali!

Inġedded lilkom ilkoll, żgħażagħ tad-dinja, l-istedina biex tieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ spiritwali li se jwassalna biex niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona fl-2023. Biss, l-appuntament li jmiss huwa fil-Knejjes lokali tagħkom, fid-diversi djoċesijiet tad-dinja, fejn, nhar is-solennità ta’ Kristu Re, jiġi ċelebrat lokalment il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2021.

Nittama li lkoll kemm aħna nistgħu ngħixu dawn il-mumenti bħala pellegrini veri u mhux bħala “turisti reliġjużi”! Ejjew inkunu miftuħin biex nilqgħu s-sorpriżi ta’ Alla, li jrid iħalli d-dawl tiegħu jiddi fit-triq tagħna. Jalla nkunu dejjem iktar lesti biex nisimgħu leħnu, anke meta jkellimna permezz ta’ ħutna. B’hekk  ngħinu lil xulxin biex inqumu flimkien, u f’dan il-mument diffiċli fl-istorja tagħna  nsiru profeti ta’ żminijiet ġodda, mimlijin tama! Jalla l-Verġni Mbierka Marija tinterċedi għalina.

Ruma, San Ġwann Lateran, 14 ta’ Settembru 2021, Festa ta’ l-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.

FRANĠISKU

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.