IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bitħa ta’ San Damasu

L-Erbgħa 16 ta’ Settembru 2020

 

Katekeżi “Infejqu d-dinja”:

7. L-għożża tad-dar komuni u l-atteġġjament kontemplattiv

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Biex noħorġu minn pandemija, hemm bżonn nieħdu ħsieb tagħna nfusna kif ukoll ta’ xulxin. U hemm bżonn inwieżnu lil min qed jieħu ħsieb tal-iżjed dgħajfa, tal-morda u tal-anzjani. Drajna nwarrbu lill-anzjani, nabbandunawhom: kemm hi ħaġa kerha din. Dawn il-persuni – imfissra tajjeb mit-terminu Spanjol “cuidadores”, dawk li jieħdu ħsieb tal-morda – jiżvolġu rwol essenzjali fis-soċjetà tal-lum, anki jekk spiss ma jirċivux ir-rikonoxximent u r-rimunerazzjoni li jimmeritaw. Li nieħdu ħsieb tal-oħrajn hija regola tad-deheb tagħna tal-bnedmin, u magħha ġġib saħħa u tama (ara Enċiklika Laudato si’, 70). Nieħdu ħsieb ta’ min hu marid, ta’ min hu fil-bżonn, ta’ min twarrab għall-ġenb: dan hu għana uman u anki Nisrani.

 

Din l-għożża għandu jkollna wkoll għad-dar komuni tagħna: għall-art u għal kull ħlejqa. Ix-xejriet kollha ta’ ħajja huma marbuta ma’ xulxin (ara ibid., 137-138), u s-saħħa tagħna tiddependi minn dik tal-ekosistemi li Alla ħalaq u li qabbadna biex nieħdu ħsiebhom (ara Ġen 2:15). Imma meta nabbużaw minnhom inkunu nagħmlu dnub serju li jagħmel ħsara, li jweġġa’ u li jmarrad (ara LS, 8; 66). L-aħjar mediċina kontra dan l-użu żbaljat tad-dar komuni tagħna hija l-kontemplazzjoni (ara ibid., 85; 214). Imma kif? Ma hemmx vaċċin għal dan, għall-għożża tad-dar komuni, biex ma nwarrbuhiex għall-ġenb? Liema hi l-mediċina kontra l-marda ta’ min ma jiħux ħsieb tad-dar komuni? Hija l-kontemplazzjoni: “Jekk ma nitgħallmux nieqfu u nogħxew u napprezzaw is-sabiħ, ma neħduhiex bi kbira li kull ħaġa tinbidel f’oġġett ta’ użu u abbuż bla skrupli” (ibid., 215). Saħansitra f’oġġett “uża u armi”. Madankollu, id-dar komuni tagħna, il-ħolqien, mhux xi sempliċi “riżorsa”. Il-ħlejjaq għandhom valur fihom infushom u “jirriflettu, kull waħda, skont il-manjiera tagħha, raġġ tal-għerf u t-tjieba bla qies ta’ Alla” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 339). Dan il-valur u dan ir-raġġ ta’ dawl divin għandna niskopruh, u, biex niskopruh, għandna bżonn li nisktu, għandna bżonn nisimgħu, għandna bżonn nikkontemplaw. Anki l-kontemplazzjoni tfejjaq ir-ruħ.

 

Mingħajr kontemplazzjoni, faċli naqgħu f’atropoċentriżmu skwilibrat u supperv, il-“jien” fiċ-ċentru ta’ kollox, li jonfoħ iżżejjed ir-rwol tagħna ta’ essri umani, u jpoġġina bħala ħakkiema assoluti fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha. Interpretazzjoni mgħawġa tat-testi Bibliċi fuq il-ħolqien wasslet għal din il-ħarsa żbaljata, li twassalna biex nisfruttaw l-art sakemm nifgawha. Nisfruttaw il-ħolqien: dan huwa dnub. Nemmnu li aħna fiċ-ċentru, nippretendu li nistgħu nieħdu post Alla u hekk nirvinaw l-armonija tal-ħolqien, l-armonija tal-pjan ta’ Alla. Insiru predaturi, u ninsew il-vokazzjoni tagħna ta’ ħarriesa tal-ħajja. Daż-żgur, nistgħu u għandna naħdmu l-art biex ngħixu u niżviluppaw. Imma x-xogħol mhuwiex sinonimu għal sfruttament, u hu dejjem imsieħeb mill-għożża: naħartu u nħarsu, naħdmu u nieħdu ħsieb… Din hi l-missjoni tagħna (ara Ġen 2:15). Ma nistgħux nippretendu li nkomplu nikbru fuq livell materjali, mingħajr ma nieħdu ħsieb tad-dar komuni li qed tilqagħna. Ħutna l-iżjed foqra u ommna l-art qed jokorbu minħabba fil-ħsara u l-inġustizzja li ġibna u jriduna naqbdu rotta oħra. Qed jistennew minna konverżjoni, bidla fit-triq: nieħdu ħsieb ukoll tal-art, tal-ħolqien.

 

Mela, importanti nirbħu lura d-dimensjoni kontemplattiva, jiġifieri nħarsu lejn l-art, lejn il-ħolqien bħala don, mhux bħala ħaġa li nistgħu nisfruttawha għall-profitt tagħna. Meta nikkontemplaw, niskopru fl-oħrajn u fin-natura xi ħaġa ħafna ikbar mill-utilità tagħhom. Hawn hi l-qalba tal-problema: nikkontemplaw ifisser immorru lil hemm minn kemm tista’ sservina ħaġa. Nikkontemplaw is-sabiħ ma jfissirx nisfruttawh: il-kontemplazzjoni hi gratwità. Niskopru l-valur intrinsiku li ta Alla lill-ħwejjeġ. Kif għallmuna tant mgħallma spiritwali, is-sema, l-art, il-baħar, kull ħlejqa għandha din il-ħila ikonika, din il-ħila mistika li twassalna għal għand il-Ħallieq u għall-komunjoni mal-ħolqien. Ngħidu aħna, Sant’Injazju ta’ Loyola, lejn tmiem l-Eżerċizzi spiritwali tiegħu, jistedinna nagħmlu l-“Kontemplazzjoni biex naslu għall-imħabba”, jiġifieri nqisu kif Alla jħares lejn il-ħlejjaq tiegħu u jifraħ magħhom; biex niskopru l-preżenza ta’ Alla fil-ħlejjaq tiegħu u, b’libertà u grazzja, inħobbuhom u nieħdu ħsiebhom.

 

Il-kontemplazzjoni, li twassalna għal atteġġjament ta’ għożża, ma tfissirx inħarsu lejn in-natura minn barra, bħallikieku aħna ma konniex mgħaddsa fiha. Għax aħna qegħdin ġon-natura, aħna parti min-natura. Pjuttost issir billi nitilqu minn ġewwa, inħossu li aħna parti mill-ħolqien, insiru protagonisti u mhux sempliċi spettaturi ta’ realtà bla forma preċiża li naraw biss kif ħa nisfruttaw. Min jikkontempla b’dan il-mod iġarrab sens ta’ stagħġib mhux biss għal dak li jara, imma wkoll għax iħossu parti integrali minn dan il-ġmiel; u jħossu wkoll imsejjaħ iħarsu, jipproteġih. U hemm ħaġa li ma rridux ninsew: min ma jafx jikkontempla n-natura u l-ħolqien, ma jafx jikkontempla l-persuni fl-għana tagħhom. U min jgħix biex jisfrutta n-natura, jispiċċa biex jisfrutta l-persuni u jittrattahom ta’ lsiera. Din hija liġi universali: jekk int ma tafx tikkontempla n-natura, ħa ssibha bi tqila ħafna biex tagħraf tikkontempla l-persuni, il-ġmiel tal-persuni, ta’ ħuk, ta’ oħtok.

 

Min jaf jikkontempla, sa jsibha eħfef biex ixammar il-kmiem ħalli jibdel dak li jipproduċi l-qerda u l-ħsara lis-saħħa. Sa jħabrek biex jeduka u jippromovi drawwiet ġodda ta’ produzzjoni u konsum, biex jikkontribwixxi b’risq mudell ġdid ta’ tkabbir ekonomiku li jiggarantixxi r-rispett għad-dar komuni u r-rispett għall-persuni. Il-bniedem kontemplattiv f’azzjoni aktarx se jfittex li jkun ħarries tal-ambjent: kemm hi ħaġa sabiħa din! Kull wieħed u waħda minna għandu jkun ħarries tal-ambjent, tas-safa tal-ambjent, u jfittex li jorbot flimkien l-għerf tal-missirijiet ġej minn kulturi millenarji mal-għarfien ġdid tax-xjenzi, biex l-istil ta’ ħajjitna jsir dejjem iżjed sostenibbli.

 

Fl-aħħar nett, nikkontemplaw u nieħdu ħsieb: dawn huma żewġ atteġġjamenti li juruna t-triq biex nikkoreġu u nerġgħu nibbilanċjaw ir-relazzjoni tagħna ta’ bnedmin mal-ħolqien. Kemm drabi r-relazzjoni tagħna mal-ħolqien tidher qisha relazzjoni bejn l-għedewwa: neqred il-ħolqien għall-vantaġġ tiegħi; nisfrutta l-ħolqien għall-vantaġġ tiegħi. Ma ninsewx li dan se nħallsu qares għalih; ma ninsewx dak il-qawl Spanjol: “Alla jaħfer dejjem; aħna naħfru xi kultant; in-natura ma taħfirha qatt”. Illum kont qed naqra fuq il-gazzetta dwar dawk iż-żewġ glaċieri kbar tal-Antartiku, qrib il-Baħar ta’ Amundsen: waslu biex jaqgħu. Tkun ħaġa terribbli, għax il-livell tal-baħar se jogħla u dan sa jġib tant, tant diffikultajiet u tant ħsara. U għaliex? Minħabba t-tisħin żejjed, għax m’aħniex nieħdu ħsieb tal-ambjent, għax m’aħniex inħarsu d-dar komuni. Mill-banda l-oħra, meta jkollna din ir-relazzjoni – ippermettuli l-kelma – “fraterna” fis-sens figurattiv mal-ħolqien, insiru ħarriesa tad-dar komuni, ħarriesa tal-ħajja u ħarriesa tat-tama, inħarsu l-wirt li fdalna Alla f’idejna biex jistgħu jgawdu minnu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. U forsi hawn min jgħid: “Imma jien għaddej kif jien”. Imma l-problema mhix kif int għaddej illum – dan kien jgħidu teologu Ġermaniż, Protestant, bravu: Bonhoeffer – il-problema mhix kif qed tgħaddiha int, illum; il-problema hi: x’sa jkun il-wirt, il-ħajja tal-ġenerazzjoni futura? Ejja naħsbu fi wliedna, fin-neputijiet: x’se nħallu, lilhom, jekk aħna nisfruttaw il-ħolqien? Inħarsu din il-mixja u hekk insiru “ħarriesa” tad-dar komuni, ħarriesa tal-ħajja u ħarriesa tat-tama. Inħarsu l-wirt li Alla fdalna, biex jistgħu jgawdu minnu l-ġenerazzjonijiet futuri. Qed naħseb b’mod speċjali fil-popli indiġeni, li lejhom ilkoll għandna dejn ta’ rikonoxxenza – anki ta’ penitenza, biex insewwu d-deni li għamilnielhom. Imma qed naħseb ukoll f’dawk il-movimenti, għaqdiet, gruppi popolari, li jħabirku biex iħarsu t-territorju tagħhom bil-valuri naturali u kulturali tiegħu. Dawn ir-realtajiet soċjali mhux dejjem huma apprezzati, xi drabi anki jsibu l-bsaten fir-roti, għax dawn ma jipproduċux flus; imma fir-realtà qed jagħtu ħafna b’risq rivoluzzjoni paċifika, nistgħu nsejħulha r-“rivoluzzjoni tal-għożża”. Nikkontemplaw biex nieħdu ħsieb, nikkontemplaw biex inħarsu, inkunu aħna li nħarsu, il-ħolqien, lil uliedna, in-neputijiet tagħna u nħarsu l-futur. Nikkontemplaw biex nieħdu ħsieb u biex inħarsu u biex inħallu wirt lill-ġenerazzjoni futura.

 

Imma dan ma rridux niddelegawh lil oħrajn: dan li hu d-dmir ta’ kull bniedem. Kull wieħed u waħda minna jista’ u għandu jsir “ħarries tad-dar komuni”, kapaċi jfaħħar lil Alla għall-ħlejjaq tiegħu, jikkontempla l-ħlejjaq u jħarishom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard