|
ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-ISQFIJIET TAL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA
Għeżież Ħuti fl-Episkopat,
Qed niktbilkom illum biex ngħidilkom kelmtejn f’dan iż-żmien delikat li qed tgħixu bħala Ragħajja tal-Poplu ta’ Alla pellegrin fl-Istati Uniti tal-Amerika.
1. Il-mixja mill-jasar għall-ħelsien li għamel il-Poplu ta’ Iżrael, hekk kif jirrakkontaha l-ktieb tal-Eżodu, tistedinna nħarsu lejn ir-realtà ta’ żmienna, immarkata b’mod hekk ċar mill-fenomenu tal-migrazzjoni, bħala mument deċiżiv fl-istorja biex naffermaw mill-ġdid mhux biss il-fidi tagħna f’Alla li hu dejjem qrib tagħna, inkarnat, migrant u rifuġjat, imma anki fid-dinjità infinita u traxxendenti ta’ kull persuna umana.[1]
2. Dawn il-kelmiet li bihom qed inħeġġiġkom mhumiex biss tal-wiċċ. Imqar jekk niflu ħafif ħafif id-duttrina soċjali tal-Knisja naraw b’ċerta enfasi li Ġesù Kristu huwa l-veru Għimmanu-El (ara Mt 1:23); ġarrab huwa wkoll l-esperjenza diffiċli li ġie mkeċċi minn art twelidu minħabba periklu imminenti għal ħajtu u l-esperjenza li jistkenn f’soċjetà u kultura barranin għal tiegħu. L-Iben ta’ Alla, meta sar bniedem, għażel ukoll li jgħix it-traġedja tal-immigrazzjoni. Nieħu gost infakkar, fost ħwejjeġ oħra, fil-kelmiet li bihom il-Papa Piju XII fetaħ il-Kostituzzjoni appostolika tiegħu dwar il-kura tal-migranti, li hi meqjusa l-“Magna Carta” tal-ħsieb tal-Knisja dwar il-migrazzjoni:
“Il-Familja ta’ Nazaret fl-eżilju, Ġesù, Marija u Ġużeppi, emigranti fl-Eġittu u rifuġjati hemmhekk biex jaħabru mir-rabja ta’ sultan ħażin, huma x-xempju, l-eżempju u l-faraġ tal-emigranti u tal-pellegrini f’kull żmien u f’kull pajjiż, tar-rifuġjati kollha f’kull qagħda tagħhom li, minħabba l-persekuzzjoni u l-ħtieġa, ikollhom iħallu art twelidhom, il-familja maħbuba u l-għeżież ħbieb tagħhom biex imorru f’art barranija”.[2]
3. Daqstant ieħor, Ġesù Kristu, li jħobb lil kulħadd bi mħabba universali, jedukana għall-għarfien dejjiem tad-dinjità ta’ kull essri uman, bla eċċezzjonijiet. Fil-fatt, meta nitkellmu fuq “dinjità infinita u traxxendenti”, nixtiequ nisħqu li l-valur l-aktar importanti li għandha l-persuna umana jegħleb u jwieżen kull kunsiderazzjoni ġuridika oħra li tista’ ssir biex tirregola l-ħajja fis-soċjetà. Għalhekk, il-fidili Nsara u l-persuni ta’ rieda tajba kollha huma msejħin jirriflettu fuq il-leġittimità ta’ normi u xejriet ta’ politika pubblika fid-dawl tad-dinjità tal-persuna u tad-drittijiet fundamentali tagħha, u mhux bil-maqlub.
4. Qed insegwi mill-qrib il-kriżi kbira li qed isseħħ fl-Istati Uniti bit-tnedija ta’ programm ta’ deportazzjonijiet tal-massa. Il-kuxjenza ffurmata tajjeb ma tistax ma tagħmilx ġudizzju kritiku u tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha ma’ kull xorta ta’ miżura li impliċitament jew espliċitament tidentifika l-istatus illegali ta’ xi migranti mal-kriminalità. Fl-istess waqt, hemm bżonn nagħrfu d-dritt ta’ nazzjon li jiddefendi lilu nnifsu u jżomm lill-komunità fiż-żgur minn dawk li għamlu atti kriminali vjolenti jew gravi matul il-permanenza tagħhom fil-pajjiż jew qabel ma waslu. Minkejja dan, l-att ta’ deportazzjoni ta’ persuni li f’ħafna każi ħallew arthom għal raġunijiet ta’ faqar estrem, nuqqas ta’ sigurtà, sfruttament, persekuzzjoni jew deterjorament gravi tal-ambjent, jagħmel ħsara lid-dinjità ta’ ħafna rġiel u nisa, u ta’ familji sħaħ, u jqegħidhom fi stat ta’ vulnerabbiltà jew nuqqas ta’ ħila partikulari li jiddefendu ruħhom.
5. Din mhix kwistjoni żgħira: Stat ta’ dritt awtentiku jidher proprju fit-trattament dinjituż li jixirqilhom il-persuni kollha, speċjalment dawk l-iżjed foqra u mwarrbin. Il-veru ġid komuni jiġi promoss meta s-soċjetà u l-gvern, bi kreattività u rispett rigoruż tad-drittijiet ta’ kulħadd – kif affermat f’diversi okkażjonijiet – jilqgħu, jipproteġu, jippromovu u jintegraw lill-aktar dgħajfa, dawk li ma għandhomx min jiddefendihom, u l-vulnerabbli. Dan ma jxekkilx l-iżvilupp ta’ politika li tirregolamenta migrazzjoni ordnata u legali. Madankollu, dan l-iżvilupp ma jistax iseħħ permezz tal-privileġġ ta’ xi wħud u s-sagrifiċċju ta’ oħrajn. Dak li jiġi mibni fuq il-fundament tal-forza u mhux fuq il-verità dwar id-dinjità ndaqs ta’ kull essri uman jibda ħażin u jispiċċa ħażin.
6. L-Insara jafu tajjeb li hu biss bl-affermazzjoni tad-dinjità infinita ta’ kulħadd li l-identità tagħna ta’ persuni u ta’ komunità tista’ timmatura. L-imħabba Nisranija mhijiex twessigħ konċentriku ta’ interessi li ftit ftit jitwessgħu għal persuni u gruppi oħra. Fi kliem ieħor: il-persuna umana mhijiex sempliċi individwu, relattivament espansiv, b’xi sentiment filantropiku! Il-persuna umana hija suġġett mogħni b’dinjità li, permezz tar-relazzjoni kostituttiva ma’ kulħadd, speċjalment mal-iktar foqra, ftit ftit kull darba jista’ jimmatura fl-identità u l-vokazzjoni tiegħu. Il-veru ordo amoris li għandna nippromovu hu dak li niskopru meta nimmeditaw kontinwament il-parabbola tas-“Samaritan it-Tajjeb” (ara Lq 10:25-37), jew aħjar meta nimmeditaw fuq l-imħabba li tibni fraternità miftuħa għal kulħadd, bla eċċezzjonijiet.[3]
7. Imma l-preokkupazzjoni għall-identità personali, komunitarja jew nazzjonali, lil hemm minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, faċilment tintroduċi kriterju ideoloġiku li jgħawweġ il-ħajja soċjali u bħala kriterju ta’ verità jimponi r-rieda ta’ min hu l-aktar b’saħħtu.
8. Nirrikonoxxi l-isforzi prezzjużi tagħkom, għeżież ħuti Isqfijiet tal-Istati Uniti, intom u taħdmu f’kuntatt strett mal-migranti u r-rifuġjati, tipproklamaw lil Ġesù Kristu u tippromovu d-drittijiet umani fundamentali. Alla jħallaskom bil-kotra għal dak kollu li tagħmlu biex tipproteġu u tiddefendu lil dawk li huma meqjusa inqas prezzjużi, inqas importanti jew inqas umani!
9. Inħeġġeġ lill-fidili kollha tal-Knisja Kattolika, kif ukoll lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, biex ma jċedux għal narrattivi li jiddiskriminaw u jikkawżaw tbatijiet inutli lil ħutna migranti u rifuġjati. Bi mħabba u ċarezza aħna msejħin ngħixu f’solidarjetà u fraternità, biex nibnu pontijiet li jqarrbuna dejjem iżjed lejn xulxin, biex nevitaw ħitan ta’ disprezz mifrux u biex nitgħallmu nagħtu l-ħajja tagħna hekk kif tahielna Ġesù Kristu għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.
10. Nitolbu lil Sidtna Marija ta’ Guadalupe biex tipproteġi l-persuni u l-familji li jgħixu fil-biża’ u fit-tbatija minħabba l-migrazzjoni u/jew id-deportazzjoni. Il-“Virgen morena”, li kienet taf kif tirrikonċilja l-popli meta bejniethom kien hemm il-mibegħda, tagħti lilna lkoll li niltaqgħu mill-ġdid bħala aħwa, fit-tħaddina tagħha, u hekk immiddu l-pass ’il quddiem fil-bini ta’ soċjetà iżjed fraterna, inklużiva u rispettuża tad-dinjità ta’ kulħadd.
Fraternament,
Franġisku
Mill-Vatikan, 10 ta’ Frar 2025
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Dignitas infinita fuq id-dinjità umana, 2 ta’ April 2024.
[2] Piju XII, Kostituzzjoni appostolika Exsul familia, 1 ta’ Awwissu 1952: “Exsul Familia Nazarethana Iesus, Maria, Ioseph, cum ad Ægyptum emigrans tum in Ægypto profuga impii regis iram aufugiens, typus, exemplar et præsidium exstat omnium quorumlibet temporum et locorum emigrantium, peregrinorum ac profugorum omne genus, qui, vel metu persecutionum vel egestate compulsi, patrium locum suavesque parentes et propinquos ac dulces amicos derelinquere coguntur et aliena petere”.
[3] Ara Il-Papa Franġisku, Ittra enċiklika Fratelli tutti, 3 ta’ Ottubru 2020.