Laikos

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

DWAR IR-RWOL TAL-LETTERATURA FIL-FORMAZZJONI

 

1. Għall-bidu kont ktibt titlu li jirriferi għall-formazzjoni saċerdotali, imma mbagħad ħsibt li, bl-istess raġunar, dawn l-affarijiet jistgħu jingħadu dwar il-formazzjoni tal-aġenti pastorali kollha, kif ukoll dwar kull Nisrani. Qed nirriferi għall-valur tal-qari ta’ rumanzi u poeżiji fil-mixja tal-maturazzjoni personali.

 

2. Spiss meta nkunu mxebbgħin fil-vaganzi, fis-sħana jew fis-solitudni ta’ xi postijiet imwarrba, li nsibu ktieb tajjeb x’naqraw isir oasi li tbegħidna minn għażliet oħra li ma jagħmlulniex ġid. Imbagħad ma jonqsux il-mumenti ta’ għeja, ta’ rabja, ta’ delużjoni, ta’ falliment, u meta lanqas fit-talb ma jirnexxilna nerġgħu nsibu l-paċi tar-ruħ, ktieb tajjeb tal-inqas jgħinna ngħaddu sħaħ mit-tempesta, sakemm nistgħu niksbu xi ftit tas-serenità. U forsi dak il-qari jiftħilna spazji ġodda ġewwiena li jgħinuna nevitaw l-għeluq f’dawk il-ftit ideat ossessivi li jaqfluna fihom il-ħin kollu. Qabel ma daħlu kullimkien il-media, il-mezzi soċjali, il-mobiles u apparat ieħor, din kienet esperjenza frekwenti, u dawk li għexuha jafu tajjeb fuqiex qed nitkellem. Mhix xi ħaġa li għadda żmienha.

 

3. B’differenza mill-mezzi medjatiċi awdjoviżivi, fejn il-prodott huwa iżjed sħiħ u ż-żmien li għandna f’idejna biex “nagħnu” n-narrazzjoni jew ninterpretawha s-soltu hu mfaqqar ħafna, fil-qari ta’ ktieb il-qarrej huwa ħafna iżjed attiv. B’xi mod qed jerġa’ jikteb l-opra, iwessagħha bl-immaġinazzjoni tiegħu, joħloq dinja, jinqeda bil-ħila tiegħu, il-memorja tiegħu, il-ħolm tiegħu, l-istess storja tiegħu mimlija b’mumenti drammatiċi u b’simboliżmi, u b’dan il-mod dak li joħroġ hu opra differenti ħafna minn dik li l-awtur ried jikteb. Għalhekk, opra letterarja hija kitba ħajja u dejjem għammiela, li kapaċi tkellem mill-ġdid b’diversi modi u tipproduċi sintesi oriġinali ma’ kull qarrej li miegħu tiltaqa’. Fil-qari, il-qarrej jistagħna b’dak li jirċievi mingħand l-awtur, imma dan fl-istess ħin jagħtih lok biex iwarrad l-għana tal-persuna tiegħu, hekk li kull opra ġdida li jaqra ġġedded u twessa’ l-univers personali tiegħu.

 

4. Dan iwassalni biex nivvaluta b’mod pożittiv ħafna l-fatt li, tal-inqas f’xi Seminarji, qed tiġi megħluba l-ossessjoni għall-iskrins – u għall-fake news velenużi, superfiċjali u vjolenti – u qed jiġi ddedikat ħin għal-letteratura, għall-mumenti ta’ qari seren u ħieles, għad-diskussjoni fuq dawn il-kotba, qodma u ġodda, li għadhom u jibqgħu jgħidulna tant ħwejjeġ. Imma b’mod ġenerali, b’għafsa ta’ qalb, qed naraw li fil-mixja tal-formazzjoni ta’ min miexi lejn il-ministeru ordnat, bħalissa ma hemmx dik l-attenzjoni xierqa lejn il-qari. Fil-fatt, dan tal-aħħar spiss hu meqjus bħala għamla ta’ intratteniment, jew aħjar bħala espressjoni minuri tal-kultura li ma tagħmilx parti mill-mixja ta’ preparazzjoni u allura mill-esperjenza pastorali konkreta tas-saċerdoti tal-futur. Fost ftit eċċezzjonijiet, l-attenzjoni għall-letteratura hi meqjusa bħala ħaġa li mhix essenzjali. Dwar dan, nixtieq nafferma li din l-impostazzjoni mhijiex tajba. Hi fl-għeruq ta’ xejra ta’ ftaqir serju intellettwali u spiritwali tal-presbiteri ta’ għada, li b’dan il-mod qed jiġu mċaħħda minn aċċess ipprivileġġjat, appuntu permezz tal-letteratura, għall-qalba tal-kultura umana u b’mod iżjed speċifiku għall-qalb tal-bniedem.

 

5. B’din il-kitba, nixtieq nipproponi bidla radikali fid-direzzjoni dwar l-attenzjoni kbira li, fil-kuntest tal-formazzjoni tal-kandidati għas-saċerdozju, għandha tingħata lil-letteratura. Dwar dan, insib effikaċi sew dak li jafferma wieħed teologu:

 

“Il-letteratura […] toħroġ mill-persuna f’dak li din għandha l-iżjed irriduċibbli fiha, fil-misteru tagħha […]. Hija l-ħajja li qed tikseb għarfien tagħha nfisha meta tilħaq il-milja tal-espressjoni, billi tinqeda bir-riżorsi kollha tal-lingwaġġ”.[1] 

 

6. B’dan il-mod, il-letteratura għandha x’taqsam, b’xi mod jew ieħor, ma’ dak li kull wieħed minna jixtieq mill-ħajja, għax tidħol f’relazzjoni intima mal-eżistenza konkreta tagħna, mat-tensjonijiet essenzjali tagħha, max-xewqat tagħha u mat-tifsiriet tagħha.

 

7. Dan tgħallimtu meta kont għadni żagħżugħ flimkien mal-istudenti tiegħi. Bejn l-1964 u l-1965, ta’ 28 sena, kont professur tal-Letteratura fi skola tal-Ġiżwiti f’Santa Fe. Kont ngħallem l-aħħar sentejn tal-Liċew u ridt nagħmel mezz li l-istudenti tiegħi jistudjaw El Cid. Imma ma kienx jogħġobhom. Kienu jridu li naqraw García Lorca. Allura ddeċidejt li El Cid jgħadduh id-dar, u waqt il-lezzjonijiet jiena kelli nittratta l-awturi li jogħġbu l-iżjed lill-istudenti. Ovvjament huma riedu jaqraw l-opri letterarji kontemporanji. Imma, huma u jaqraw dawn l-affarijiet li kienu jiġbduhom dak iż-żmien, kienu jsibu gost b’mod iżjed ġenerali fil-letteratura, fil-poeżija, u mbagħad jgħaddu għal awturi oħra. Fl-aħħar, il-qalb tfittex iżjed, u kull persuna ssib it-triq tagħha fil-letteratura.[2] Jien, ngħidu aħna, inħobb l-artisti traġiċi, għax kollha nistgħu nħossu l-opri tagħhom bħala tagħna, bħala espressjonijiet tat-traġedji tagħna. Aħna u nibku x-xorti tal-persunaġġi, fil-fond ta’ qalbna nkunu nibku lilna nfusna u l-vojt tagħna, in-nuqqas tagħna, is-solitudni tagħna. Naturalment, m’iniex ngħidilkom biex taqraw l-istess ħwejjeġ li kont naqra jien. Kulħadd għandu jsib dawk il-kotba li jkellmu lil ħajtu u li jsiru sieħba veri tal-vjaġġ tiegħu. Ma hemm xejn li jaħdem iżjed bil-kontra milli taqra xi ħaġa għax obbligat, u tagħmel sforz konsiderevoli biss għax oħrajn qalu li hu essenzjali. Le, għandna nagħżlu x’naqraw b’moħħ miftuħ, b’sens ta’ sorpriża, flessibbiltà, billi nħallu lil min jagħtina parir, imma anki b’sinċerità, waqt li nfittxu li nsibu dak li għandna bżonn f’kull mument ta’ ħajjitna.

 

Fidi u kultura

8. Barra minn dan, għal min jemmen u jrid sinċerament jidħol fi djalogu mal-kultura ta’ żmienu, jew sempliċiment mal-ħajja tal-persuni konkreti, il-letteratura ssir indispensabbli. Bir-raġun, il-Konċilju Vatikan II isostni li “l-letteratura u l-arti […] jfittxu li jagħrfu n-natura tal-bniedem” u “juru wkoll il-miżerji u l-ferħ, il-ħtiġijiet u l-enerġiji tal-bnedmin”.[3] Il-letteratura, fil-verità, tieħu spunt mill-ħajja ta’ kuljum, mill-passjonijiet tagħha u mill-ġrajjiet reali tagħha bħalma huma “l-azzjoni, ix-xogħol, l-imħabba, il-mewt u l-ħwejjeġ fqajra kollha li jimlew il-ħajja”.[4]

 

9. Kif nistgħu naslu għall-qalba tal-kulturi qodma u ġodda jekk ninjoraw, narmu u/jew insikktu s-simboli, il-messaġġi, l-invenzjonijiet u r-rakkonti li bihom ħakmu u riedu jiżvelaw u jevokaw il-kisbiet tagħhom u l-isbaħ ideali, kif ukoll il-vjolenzi, biżgħat u passjonijiet l-aktar profondi tagħhom? Kif nistgħu nkellmu l-qalb tal-bnedmin jekk ninjoraw, inwarrbu jew ma nivvalorizzawx “dawk il-kelmiet” li bihom riedu jimmanifestaw u, għaliex le, jikxfu d-drammi ta’ ħajjithom u tal-ħsus tagħhom permezz ta’ rumanzi u poeżiji?

 

10. Il-missjoni tal-Knisja għarfet tferrex il-ġmiel, il-freskezza u l-ġdid kollu tagħha fil-laqgħa mad-diversi kulturi – tant drabi grazzi għal-letteratura – li fiha poġġiet għeruqha mingħajr il-biża’ li tirriskja u li toħroġ minnha l-aħjar minn dak li sabet fiha. Huwa atteġġjament li ħelisha mit-tentazzjoni ta’ solipsiżmu tarraxi u fundamentalista li jikkonsisti fit-twemmin li ċerta grammatika storika-kulturali għandha l-ħila li tesprimi l-għana u l-profondità tal-Vanġelu.[5] Ħafna mill-profeziji tal-qerda li llum qed jippruvaw jiżirgħu l-qtigħ il-qalb għandhom għeruqhom proprju f’dan l-aspett. Il-kuntatt mad-diversi stili letterarji u grammatikali dejjem ħa jippermettilna napprofondixxu l-polifonija tar-Rivelazzjoni mingħajr ma nirriduċuha jew infaqqruha għall-esiġenzi storiċi tagħna jew għall-istrutturi mentali tagħna.

 

11. Allura mhux ta’ b’xejn li l-Kristjaneżmu tal-bidu, ngħidu aħna, kien fehem sewwa l-ħtieġa ta’ konfront qawwi mal-kultura klassika ta’ żmienu. Wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja tal-Lvant, Bażilju ta’ Ċesarija, ngħidu aħna, fid-Diskors liż-żgħażagħ, minsuġ bejn it-370 u t-375, aktarx indirizzat lin-neputijiet tiegħu, faħħar il-valur tal-letteratura klassika – prodotta mill-éxothen (“dawk ta’ barra”), kif hu kien isejjaħ lill-awturi pagani – kemm għall-argumentazzjoni, jiġifieri għal-lógoi (“diskorsi”) li għandhom jintużaw fit-teoloġija u fl-eseġesi, u kemm għall-istess xhieda fil-ħajja, jiġifieri l-práxeis (“l-atti, l-imġibiet”) li wieħed għandu jqis fl-axxetika u fil-morali. U kkonkluda billi ħeġġeġ liż-żgħażagħ Insara jqisu l-klassiċi bħala ephódion (“vjatku”) għat-tagħlim u l-formazzjoni tagħhom, u jfittxu fihom “ġid għar-ruħ” (IV, 8-9). U hu proprju minn dik il-laqgħa tal-ġrajja Nisranija mal-kultura taż-żmien li ħarġet ir-rielaborazzjoni oriġinali tat-tħabbira evanġelika.

 

12. Grazzi għad-dixxerniment evanġeliku tal-kultura, nistgħu nagħrfu l-preżenza tal-Ispirtu fir-realtà wiesgħa umana, u nistgħu, allura, niġbru ż-żerriegħa diġà miżrugħa tal-preżenza tal-Ispirtu fil-ġrajjiet, fis-sensibbiltajiet, fix-xewqat, fit-tensjonijiet profondi tal-qlub u tal-kuntesti soċjali, kulturali u spiritwali. Ngħidu aħna, atteġġjament simili nistgħu nilmħuh fl-Atti tal-Appostli, hemm fejn naqraw dwar il-preżenza ta’ Pawlu fl-Arjopagu (ara Atti 17:16-34). Pawlu, huwa u jitkellem dwar Alla, jafferma: “Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna; u, kif qalu xi wħud mill-poeti tagħkom, ‘Aħna tassew nisel tiegħu’” (Atti 17:28). F’dan il-vers hemm preżenti żewġ kwotazzjonijiet: waħda indiretta fl-ewwel parti, fejn jikkwota lill-poeta Epimenide (seklu VI qk), u waħda diretta, li tikkwota l-Fenomeni tal-poeta Aratu ta’ Silo (seklu III qk), li jgħanni l-kostellazzjonijiet u s-sinjali tat-temp it-tajjeb u l-ħażin. Hawn “Pawlu juri li hu ‘qarrej’ tal-poeżija u jħallina nifhmu l-mod tiegħu ta’ kif iħares lejn test letterarju, li ma jistax ma jiġix rifless f’dixxerniment evanġeliku tal-kultura. In-nies ta’ Ateni jsejħulu spermologos, jiġifieri ‘lablab, paċpaċi, ċarlatan’, imma litteralment tfisser ‘dak li jiġbor iż-żerriegħa’. Dik li ċertament kienet inġurja tidher, paradossalment, bħala verità profonda. Pawlu jiġbor iż-żerriegħa tal-poeżija pagana u, waqt li joħroġ minn atteġġjament prċedenti ta’ kedda (ara Atti 17:16), jasal biex jagħraf fin-nies ta’ Ateni ‘nies mill-aktar reliġjużi’ u jilmaħ f’dawk il-paġni tal-letteratura klassika tagħhom preparatio evangelica  vera u prorpja”.[6]

 

13. X’għamel Pawlu? Huwa fehem li “l-letteratura tikxef l-abbissi li jgħammru fil-bniedem, waqt li r-rivelazzjoni, u mbagħad it-teoloġija, jagħmluhom tagħhom biex juru kif Kristu jasal biex jgħaddi minnhom u jdawwalhom”.[7] Fid-direzzjoni ta’ dawk l-abbissi, il-letteratura hija għalhekk “triq ta’ aċċess”,[8] li tgħin lir-ragħaj biex jidħol fi djalogu għammiel mal-kultura ta’ żmienu.

 

Qatt Kristu mingħajr ġisem

14. Qabel ma ninżlu fil-fond tar-raġunijiet speċifiċi li għalihom ta’ min jippromovi l-attenzjoni għal-letteratura fil-mixja ta’ formazzjoni tas-saċerdoti tal-futur, ħalluni nfakkar hawn ħsieb dwar il-kuntest reliġjuż attwali: “Ir-ritorn lejn is-sagru u t-tiftix spiritwali li qed jikkaratterizzaw l-epoka tagħna huma fenomeni ambigwi. Imma iżjed mill-ateiżmu, illum għandna quddiemna l-isfida li nwieġbu b’mod xieraq għall-għatx li bosta nies għandha ta’ Alla, biex ma jmorrux ifittxu jaqtgħuh bi proposti aljenanti jew b’Ġesù Kristu bla ġisem”.[9] Il-ħidma urġenti tax-xandir tal-Vanġelu fi żmienna titlob, allura, minn dawk li jemmnu u mis-saċerdoti b’mod partikulari l-impenn biex kulħadd jista’ jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu li sar ġisem, li sar bniedem, li sar storja. Irridu noqogħdu iżjed attenti biex qatt ma nitilfu minn quddiem għajnejna l-“ġisem” ta’ Ġesù Kristu: dak il-ġisem magħmul minn passjonijiet, emozzjonijiet, sentimenti, rakkonti konkreti, idejn li jmissu u jfejqu, ħarsiet li jeħilsu u jqawwu l-qalb, minn ospitalità, minn maħfra, minn niket, minn kuraġġ, minn qlubija: f’kelma waħda, minn imħabba.

 

15. U huwa proprju fuq dan il-livell li frekwentazzjoni assidwa tal-letteratura tista’ tagħmel lis-saċerdoti tal-futur u l-aġenti pastorali kollha iktar sensibbli għall-umanità sħiħa tal-Mulej Ġesù, li fiha hu jsawwab b’mod sħiħ id-divinità tiegħu, u jħabbru l-Vanġelu b’mod li kulħadd, tassew kulħadd, jista’ jduq kemm hu minnu dak li jgħid il-Konċilju Vatikan II: “Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem”.[10] Dan ma jfissirx il-misteru ta’ umanità astratta, imma l-misteru ta’ dak l-essri uman konkret kollu bil-ġrieħi kollha, ix-xewqat, it-tifkiriet u t-tamiet tal-ħajja tiegħu.

 

Ġid kbir

16. Minn perspettiva pragmatika, ħafna xjenzati jsostnu li d-drawwa tal-qari tipproduċi bosta effetti pożittivi fil-ħajja tal-persuna: tgħinha takkwista vokabularju iżjed wiesa’ u b’konsegwenza ta’ hekk tiżviluppa diversi aspetti tal-intelliġenza tagħha. Tistimola wkoll l-immaġinazzjoni u l-kreattività. Fl-istess waqt, dan jgħinna nitgħallmu nesprimu b’mod iżjed għani r-rakkonti tagħna. Itejjeb ukoll il-ħila tal-konċentrazzjoni, inaqqas il-livelli ta’ deterjorament konjittiv, jikkalma l-istress u l-ansjetà.

 

17. Hemm ħaġa aqwa minn hekk: jippreparana biex nifhmu u allura naffrontaw id-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jippreżentaw ruħhom fil-ħajja. Fil-qari aħna nogħdsu fil-persunaġġi, fit-tħassib, fit-traġedji, fil-perikli, fil-biżgħat tal-persuni li fl-aħħar waslu biex għelbu l-isfidi tal-ħajja, jew forsi matul il-qari nagħtu pariri lill-persunaġġi li mbagħad jistgħu jservu għalina stess.

 

18. Biex nipprova nħeġġeġ mill-ġdid għall-qari, minn qalbi nikkwota xi testi ta’ awturi magħrufin ħafna, li fi ftit kliem jgħallmuna ħafna:

 

Ir-rumanzi jqanqlu “fina f’temp ta’ siegħa l-ferħ u l-għawġ kollu possibbli li, fil-ħajja, kieku nieħdu snin sħaħ biex niltaqgħu magħhom fl-iċken parti, u li fosthom dawk l-aktar intensi ma nġarrbuhom qatt ladarba l-pass kajman li bihom iseħħu ma jħalliniex inħossuhom”.[11]

 

“Jien u naqra l-opri kbar tal-letteratura ninbidel f’eluf ta’ persuni u, fl-istess waqt, nibqa’ jiena nnifsi. Bħal fis-sema notturn tal-poeżija Griega, ngħarrex b’għadd bla qies ta’ għajnejn, imma nibqa’ dejjem jien li qed nara. Hawn, bħal fir-reliġjon, fl-imħabba, fl-azzjoni morali u fl-għarfien, jiena mmur lil hemm minni nnifsi, u safrattant, meta nagħmel dan, jiena iżjed minn qatt qabel jiena nnifsi”.[12]

 

19. Madankollu, mhux il-ħsieb tiegħi hawn li nieqaf biss fuq dan il-livell ta’ siwi personali, imma rrid nirrifletti fuq ir-raġunijiet l-iżjed deċiżivi biex inqanqal l-imħabba għall-qari.

 

Nisimgħu l-leħen ta’ xi ħadd

20. Meta l-ħsieb tiegħi jdur fuq il-qari, jiġini f’moħħi dak li l-kittieb kbir Arġentin Jorge Luis Borges[13] kien jgħid lilna l-istudenti: l-aktar ħaġa importanti hi li taqraw, tidħlu f’kuntatt dirett mal-letteratura, togħdsu fis-silta ħajja li jkollkom quddiemkom, iktar milli tiffissaw fuq l-ideat u fuq il-kummenti kritiċi. U Borges kien ifisser din l-idea lill-istudenti tiegħu billi jgħidilhom li forsi għall-bidu ftit ħa jifhmu minn dak li kienu qed jaqraw, imma li xorta waħda jkunu semgħu “l-leħen ta’ xi ħadd”. Din hi definizzjoni tal-letteratura li togħġobni ħafna: tisma’ l-leħen ta’ xi ħadd. U ma ninsewx kemm hu perikoluż li nieqfu nisimgħu l-leħen tal-ieħor li jisfidana! Naqgħu minnufih fl-iżolament tagħna nfusna, nidħlu f’għamla ta’ “truxija” spiritwali, li tħalli effett negattiv imqar fuq ir-relazzjoni magħna nfusna u fuq ir-relazzjoni ma’ Alla, inkunu kemm inkunu studjajna teoloġija jew psikoloġija.

 

21. F’din it-triq, li tagħmilna sensibbli għall-misteru tal-oħrajn, il-letteratura tgħallimna mmissu l-qalb tagħhom. Kif ma tfakkarniex f’dan il-kelma kuraġġjuża li, fis-7 ta’ Mejju 1964, San Pawlu VI lissen lill-artisti u allura wkoll lill-kittieba kbar? Qalilhom: “Aħna għandna bżonnkom. Il-ministeru tagħna għandu bżonn tal-kollaborazzjoni tagħkom. Għax, kif tafu, il-ministeru tagħna hu dak li nipprietkaw u li nagħmlu aċċessibbli u komprensibbli, anzi kommoventi, id-dinja tal-ispirtu, tal-inviżibbli, tal-ineffabbli, ta’ Alla. U f’din il-ħidma, li tlaħħam id-dinja inviżibbli f’formuli aċċessibbli, intelliġibbli, intom l-imgħallma”.[14] Dan hu l-punt: xogħol dawk li jemmnu, u s-saċerdoti b’mod partikulari, hu sewwasew li “jmissu” l-qalb tal-bniedem tal-lum biex titqanqal u tinfetaħ quddiem it-tħabbira tal-Mulej Ġesù, u f’dan l-impenn tagħhom is-sehem li jistgħu joffru l-letteratura u l-poeżija hu ta’ valur li ma hemmx ieħor bħalu.

 

22. T.S. Eliot, il-poeta li l-ispirtu Nisrani hu midjun lejh għal opri letterarji li mmarkaw l-epoka tagħna, ġustament fisser il-kriżi reliġjuża moderna bħala dik ta’ “nuqqas ta’ ħila emottiva” mifrux qatigħ.[15] Fid-dawl ta’ dan il-qari tar-realtà, illum il-problema tal-fidi mhijiex qabelxejn dik li nemmnu iżjed jew inqas f’dak li tipproponilna d-duttrina. Pjuttost hi dik marbuta man-nuqqas ta’ ħila ta’ ħafna persuni li jemozzjonaw ruħhom quddiem Alla, quddiem il-ħolqien tiegħu, quddiem il-bnedmin l-oħra. Allura hawnhekk hawn il-ħidma li nfejqu u li nagħnu s-sensibbiltà tagħna. Għalhekk, lura mill-Vjaġġ Appostoliku tiegħi fil-Ġappun, meta staqsewni x’għandu x’jitgħallem il-Punent mil-Lvant, weġibt: “Nemmen li l-Punent tonqsu xi ftit tal-poeżija”.[16]

 

Għamla ta’ taħriġ fid-dixxerniment

23. Allura x’se jiggwadanja s-saċerdot minn dan il-kuntatt mal-letteratura? Għaliex hu meħtieġ li nikkunsidraw kif ħa nippromovu l-letteratura tar-rumanzi kbar bħala komponent importanti tal-paideia saċerdotali? Għaliex hu importanti li nirkupraw u nimplimentaw fil-mixja ta’ formazzjoni tal-kandidati għas-saċerdozju l-intuwizzjoni, li wera t-teologu Karl Rahner, ta’ affinità spiritwali profonda bejn saċerdot u poeta?[17]

 

24. Ejja nippruvaw inwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet, billi nagħtu widen għall-kunsiderazzjonijiet tat-teologu Ġermaniż.[18] Kliem il-poeta, jikteb Rahner, hu “mimli nostalġija”, hu “bibien li jinfetħu fuq l-infinit, bibien li jinfetħu beraħ fuq l-immensità. Jevokaw l-ineffabbli, miġbuda lejn l-ineffabbli”. Din il-kelma poetika “tħares lejn l-infinit, imma ma tistax tagħtina dan l-infinit, lanqas tista’ ġġorr jew taħbi fiha dak li hu l-Infinit”. Fil-fatt, din hi ħaġa li tappartieni lill-Kelma ta’ Alla u – jissokta Rahner – “allura l-kelma poetika ssejjaħ il-kelma ta’ Alla”.[19] Għall-Insara l-Kelma hi Alla u l-kelmiet kollha tal-bniedem fihom ħjiel ta’ nostalġija intrinsika ta’ Alla, u jwasslu għal dik il-Kelma. Tista’ tgħid li l-kelma tabilħaqq poetika għandha sehem analoġiku mill-Kelma ta’ Alla, kif tippreżentaha b’mod qawwi l-Ittra lil-Lhud (ara Lhud 4:12-13).

 

25. U huwa b’dan il-mod li Karl Rahner jirnexxilu jistabbilixxi paralleliżmu sabiħ bejn is-saċerdot u l-poeta: “il-kelma biss hi kapaċi li b’mod qawwi teħles dak li jżomm imjassra r-realtajiet kollha li ma jsibux espressjoni: il-mutiżmu tal-ġibda tagħhom lejn Alla”.[20]

 

26. Imbagħad, fil-letteratura hemm kwistjonijiet ta’ forma ta’ espressjoni u ta’ tifsira. Għalhekk hi tirrappreżenta għamla ta’ taħriġ ta’ dixxerniment, li jipperfezzjona l-ħiliet ta’ għerf fl-iskrutinju interjuri u esterjuri tas-saċerdot futur. Il-post li fih tinfetaħ din it-triq ta’ aċċess għall-verità tal-persuna hi l-interjorità tal-qarrej, implikata direttament fil-proċess tal-qari. Hawn allura jinfetaħ ix-xenarju tad-dixxerniment spiritwali personali fejn ma jonqsux l-uġigħat u anki l-kriżijiet. Fil-fatt, huma ħafna l-paġni letterarji li jistgħu jwieġbu għad-defenizzjoni Injazjana ta’ “deżolazzjoni”.

 

27. “Insejjaħ diqa […] meta r-ruħ tinsab imdallma, inkwetata, tħossha miġbuda għal ħwejjeġ baxxi u ta’ din id-dinja, bla paċi minħabba ħafna taqlib u tiġrib li jwassalha biex titlef il-fiduċja, bla tama u bla mħabba. Hekk ukoll, meta r-ruħ tara lilha nfisha kollha għażżiena, bierda, imnikkta u bħal maqtugħa mill-Mulej Ħallieq tagħha”.[21]

 

28. Is-swied ta’ qalb u d-dwejjaq li wieħed iħoss huwa u jaqra ċerti testi mhux bilfors huma sensazzjonijiet koroh jew bla siwi. L-istess Injazju ta’ Loyola kien innota li “f’dawk li sejrin mill-ħażin għall-agħar” l-ispirtu t-tajjeb jaġixxi billi jipprovoka tħassib, taqlib, nuqqas ta’ sodisfazzjon.[22] Din hi l-applikazzjoni letterali tal-ewwel regola Injazjana tad-dixxerniment tal-ispirti riservata għal dawk li “għaddejjin minn dnub mejjet għal ieħor” u allura li f’dawn il-persuni l-ispirtu t-tajjeb iġib ruħu billi “permezz tad-dawl tar-raġuni, jagħmel li l-kuxjenza tniggiżhom u jħossu rimors”[23] biex iwassalhom għat-tajjeb u għas-sabiħ.

 

29. Hekk nifhmu li l-qarrej mhuwiex id-destinatarju ta’ messaġġ edifikanti, imma hu persuna li tiġi mħeġġa b’mod attiv biex itterraq fuq art ftit li xejn soda fejn il-konfini bejn salvazzjoni u telfien mhumiex definiti u separati a priori. L-att tal-qari hu, allura, bħal att ta’ “dixxerniment”, li grazzi għalih il-qarrej hu implikat personalment bħala “suġġett” ta’ qari u, fl-istess waqt, bħala “oġġett” ta’ dak li qed jaqra. Meta jaqra rumanz jew opra poetika, fir-realtà l-qarrej jgħix l-esperjenza ta’ xi ħadd li “qed jiġi moqri” mill-istess kliem li jaqra.[24] Hekk il-qarrej jixbah lil wieħed li qed jilgħab fil-grawnd: hu jagħmel il-logħba imma fl-istess waqt il-logħba ssir permezz tiegħu, fis-sens li huwa totalment involut f’dak li qed jagħmel.[25]

 

Attenzjoni u diġestjoni

30. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kontenut, irridu ngħidu li l-qari hu bħal “teleskopju” – skont ix-xbieha magħrufa li għaqqad Marcel Proust[26] – ippuntat fuq essri u ħwejjeġ, indispensabbli biex nagħrfu dik “id-distanza kbira” li l-ħajja ta’ kuljum tikxef bejn il-perċezzjoni tagħna u l-ġabra tal-esperjenza umana. “Il-qari hu bħal laboratorju fotografiku, fejn hu possibbli nelaboraw ix-xbihat tal-ħajja biex jiżvelaw il-kontorni u l-isfumaturi tagħhom. Għal dan, mela, ‘isservi’ l-letteratura: biex ‘tiżviluppa’ x-xbihat tal-ħajja”,[27] biex tgħinna nistaqsu fuq it-tifsira tagħha. Fi ftit kliem, isservi biex nagħmlu b’mod effikaċi esperjenza tal-ħajja.

 

31. U, fil-verità, il-ħarsa ordinarja tagħna fuq id-dinja hi bħal “imfaqqra” u limitata minħabba l-pressjoni li jpoġġu fuqna l-għanijiet tal-ħidma u immedjati tal-aġir tagħna. Anki s-servizz – kultwali, pastorali, karitattiv – jista’ jsir imperattiv li jindirizza l-enerġiji u l-attenzjoni tagħna biss lejn l-għanijiet li rridu nilħqu. Imma, kif ifakkarna Ġesù fil-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżra’, iż-żerriegħa għandha bżonn taqa’ fuq art tajba u tinżel ’l isfel biex timmatura u tagħmel il-frott fiż-żmien, mingħajr ma tiġi fgata mis-superfiċjalità jew mix-xewk (Mt 13:18-23). Ir-riskju allura jkun dak li naqgħu f’effiċjentiżmu li jibbanalizza d-dixxerniment, ifaqqar is-sensibbiltà u jirriduċi l-kumplessità. Allura hemm bżonn urġenti li npoġġu kontrapiż għal din l-aċċelerazzjoni u simplifikazzjoni inevitabbli tal-ħajja tagħna ta’ kuljum billi nitgħallmu nżommu ċerta distanza minn dak li hu immedjat, u nrażżnu l-ġirja, biex nistgħu nikkontemplaw u nisimgħu. Dan jista’ jseħħ meta persuna tieqaf minn jeddha biex taqra ktieb.

 

32. Hemm bżonn nerġgħu nsibu modi ta’ kif inġibu ruħna mar-realtà li jkunu kordjali, mhux strateġiċi, mhux direttament bl-għan ta’ xi riżultat, fejn inkunu nistgħu nħallu toħroġ l-abbundanza infinita tal-essri. Distanza, ritmu iktar kalm, libertà huma l-karatteristiċi ta’ atteġġjament lejn dak li hu reali li proprju fil-letteratura jsib għamla ta’ espressjoni li għalkemm żgur mhux esklussiva, hi pprivileġġjata. Il-letteratura għalhekk issir post ta’ taħriġ fejn nitgħallmu nħarsu biex infittxu u nesploraw il-verità tal-persuni u tas-sitwazzjonijiet bħala misteru, mimlija b’sens kbir, li jista’ biss jiġi parzjalment mikxuf f’kategoriji, skemi esplikattivi, dinamiċi lineari ta’ kawża u effett, ta’ mezz u fini.

 

33. Xbieha oħra sabiħa biex infissru r-rwol tal-letteratura nġibuha mill-fiżjoloġija tal-apparat uman u b’mod partikulari mill-att tad-diġestjoni. Hawn il-mudell tiegħu nsibuh fir-ruminatio tal-baqra, kif affermaw il-monaku tas-seklu 11 Guillaume de Saint-Thierry u l-Ġiżwita tas-seklu 17 Jean-Joseph Surin. Dan tal-aħħar min-naħa tiegħu jitkellem fuq l-“istonku tar-ruħ” u l-Ġiżwita Michel De Certeau tkellem dwar “fiżjoloġija ta’ qari diġestiv” vera u proprja.[28] Araw: il-letteratura tgħinna nesprimu l-preżenza tagħna fid-dinja, “niddiġeruha” u nassimilawha, biex nagħrfu dak li jmur lil hemm mill-qoxra tal-ħajja; allura sservi biex ninterpretaw il-ħajja, ngħarblu t-tifsiriet u t-tensjonijiet fundamentali tagħha.[29]

 

Naraw b’għajnejn l-oħrajn

34. F’dak li għandu x’jaqsam mal-għamla ta’ diskors, dan hu li jseħħ: meta naqraw test letterarju, insibu ruħna f’qagħda li “naraw b’għajnejn l-oħrajn”,[30] u hekk niksbu perspettiva hekk wiesgħa li tkabbar l-umanità tagħna. Hekk inkunu nixegħlu fina l-poter empatiku tal-immaġinazzjni, li hu għodda fundamentali għal dik il-ħila ta’ identifikazzjoni mal-perspettiva, il-kundizzjoni u s-sentimenti ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma nistgħux inkunu solidali, naqsmu mal-oħrajn, nagħdruhom, inħennu għalihom. Meta naqraw, niskopru li dak li qed inħossu mhuwiex tagħna biss, hu universali, u hekk lanqas il-persuna l-aktar abbandunata ma tħossha waħidha.

 

35. Id-diversità meraviljuża tal-essri uman u l-pluralità dejjem tiżviluppa fl-istess ħin ta’ kulturi u għerf, fil-letteratura jitwaħħdu flimkien f’lingwaġġ li kapaċi jirrispetta u jesprimi l-varjetà tagħhom, imma fl-istess waqt huma tradotti fi grammatika simbolika tas-sens li jagħmilhom intelliġibbli, mhux barranin għal xulxin, imma jaqsmu ma’ xulxin. L-oriġinalità tal-kelma letterarja tikkonsisti fil-fatt li hi tesprimi u tittrasmetti l-għana tal-esperjenza, mhux billi toġġettivizzaha fir-rappreżentazzjoni deskrittiva tal-għarfien analitiku jew fl-eżami normattiv tal-ġudizzju kritiku, imma bħala kontenut ta’ sforz espressiv u interpretattiv li jagħti sens lill-esperjenza partikulari.

 

36. Meta naqraw storja, grazzi għall-viżjoni tal-awtur kull persuna timmaġina bil-mod tagħha l-bikja ta’ tifla abbandunata, l-anzjana li tgħatti lin-neputi tagħha mitluf f’raqda ħelwa, il-passjoni ta’ imprenditur żgħir li jirsisti biex jibqa’ miexi ’l quddiem minkejja d-diffikultajiet, l-umiljazzjoni ta’ min iħossu kkritikat minn kulħadd, it-tfajjel li jsib fil-ħolm l-unika triq biex jaħrab mit-tbatija ta’ ħajja miżerabbli u vjolenti. Filwaqt li qalb dawk l-istejjer nilmħu ħjiel tad-dinja interjuri tagħna, insiru iktar sensibbli quddiem l-esperjenzi tal-oħrajn, noħorġu minna nfusna biex nidħlu fil-fond tagħhom, nistgħu nifhmu xi ftit iżjed it-taħbit u x-xewqat tagħhom, nilmħu r-realtà b’għajnejhom u fl-aħħar insiru aħna wkoll sieħba fil-vjaġġ tagħhom. Hekk nogħdsu fil-ħajja konkreta u interjuri tal-bejjiegħ tal-frott, tal-prostituta, tat-tarbija li titrabba ltima, tal-mara tal-bennej, tax-xwejħa li għadha temmen li se ssib il-prinċep tagħha. U dan nistgħu nagħmluh b’empatija u xi drabi b’tolleranza u komprensjoni.

 

37. Jean Cocteau kitiblu hekk lil Jacques Maritain: “Il-letteratura hi impossibbli, hemm bżonn noħorġu minnha, u għalxejn nippruvaw ninqalgħu minnha bil-letteratura, għax huma biss l-imħabba u l-fidi li jagħtuna li noħorġu minna nfusna”.[31] Imma veru li nistgħu noħorġu minna nfusna jekk ma nħossux jaħarqu fil-qalb tagħna t-tbatijiet u l-ferħ tal-oħrajn? Nippreferi nfakkar li, bħala Nsara, xejn minn dak li hu uman ma hu barrani għalina.

 

38. Barra minn hekk, il-letteratura mhijiex relattivista, għax ma tneżżagħniex minn kriterji ta’ valur. Ir-rappreżentazzjoni simbolika tat-tajjeb u tal-ħażin, tal-veru u tal-falz, bħala dimensjonijiet li fil-letteratura jitlaħħmu f’ħajjiet individwali u fi ġrajjiet storiċi kollettivi, ma tinnewtralizzax il-ġudizzju morali imma żżommu milli jsir agħma jew jagħmel kundanna superfiċjali. “Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?” – jistaqsina Ġesù (Mt 7:3).

 

39. U fil-vjolenza, il-limitazzjonijiet jew id-dgħufija tal-oħrajn, għandna l-possibbiltà li nirriflettu aħjar fuq tagħna. Xħin tiftaħ għall-qarrej viżjoni wiesgħa tal-għana u tal-miżerja tal-esperjenza umana, il-letteratura teduka l-ħarsa tiegħu biex jieħu ż-żmien ħalli jifhem, biex ikun umli biżżejjed li ma jissimplifikax l-affarijiet, biex ikun manswet u ma jippretendix li jista’ jikkontrolla r-realtà u l-qagħda umana bil-ġudizzju tiegħu. Bla dubju li hemm bżonn tal-ġudizzju, imma ma rridu qatt ninsew il-limitazzjoni tiegħu: fil-fatt, il-ġudizzju qatt ma għandu jinbidel f’sentenza tal-mewt, f’kanċellazzjoni, f’soppressjoni tal-umanità li tagħti vantaġġ lil assolutizzazzjoni battala tal-liġi.

 

40. Il-ħarsa tal-letteratura tmexxi lill-qarrej lejn id-deċentrament, lejn is-sens tal-limitu, lejn iċ-ċaħda tal-ħakma, konjittiva u kritika, fuq l-esperjenza, u tgħallmu faqar li hu għajn ta’ għana bla qies. Meta jagħraf kemm ma jiswa xejn u forsi wkoll kemm mhux possibbli li jirriduċi l-misteru tad-dinja u tal-bniedem għal polarità duwalistika ta’ veru jew falz, jew ta’ ġust jew inġust, il-qarrej jilqa’ d-dover tal-ġudizzju mhux bħala għodda ta’ ħakma imma bħala tħeġġiġa għal smigħ bla waqfien u bħala disponibbiltà biex jagħmel tiegħu dak l-għana bla tarf tal-istorja li ġej mill-preżenza tal-Ispirtu, li jingħata wkoll bħala Grazzja: jew aħjar bħala ġrajja imprevedibbli u inkomprensibbli li ma tiddependix mill-azzjoni umana, imma terġa’ tiddefinixxi mill-ġdid lill-umanità tagħna fid-dawl ta’ tama ta’ salvazzjoni.

 

Il-qawwa spiritwali tal-letteratura

41. Jidhirli li f’dawn ir-riflessjonijiet qosra tiegħi wrejt ir-rwol li l-letteratura jista’ jkollha fl-edukazzjoni tal-qalb u l-ħsieb tar-ragħaj u tar-ragħaj futur fid-direzzjoni ta’ taħriġ ħieles u umli tar-razzjonalità tiegħu, ta’ rikonoxximent għammiel tal-pluraliżmu tal-lingwaġġi umani, ta’ tkabbir tas-sensibbiltà umana tiegħu, u fl-aħħar nett ta’ ftuħ spiritwali kbir biex fil-bosta ilħna jagħti widen għal-Leħen.

 

42. F’dan is-sens il-letteratura tgħin lill-qarrej iġarraf l-idoli tal-lingwaġġi awtoreferenzjali, falzament awtosuffiċjenti, statikament konvenzjonali, li xi drabi jirriskjaw li jniġġsu wkoll id-diskors ekkleżjali tagħna, għax jaqflu l-libertà tal-Kelma. Dik letterarja hi kelma li ċċaqlaq il-lingwaġġ, teħilsu u ssaffih: fl-aħħar nett, tifħtu għal aktar possibbiltajiet espressivi u esplorattivi tiegħu, fejn jista’ jilqa’ l-Kelma li tgħammar fil-kelma umana, mhux meta tifhem lilha nfisha bħala għerf diġà sħiħ, defenittiv u komplut, imma meta ssir sahra ta’ smigħ u stennija ta’ Dak li ġej biex iġedded kollox (ara Apok 21:5).

 

43. Fl-aħħar nett, il-qawwa spiritwali tal-letteratura tfakkar fid-dmir ewlieni fdat minn Alla lill-bniedem: dak li “jagħti isem” lill-ħlejjaq u l-ħwejjeġ (ara Ġen 2:19-20). Il-missjoni ta’ ħarries tal-ħolqien, mogħtija minn Alla lil Adam, tgħaddi qabelxejn proprju mill-għarfien tar-realtà tagħna u tas-sens li għandha l-eżistenza tal-essri l-oħrajn. Is-saċerdot għandu wkoll dan id-dmir sa mill-bidu li “jagħti isem”, li jagħti sens, li jsir strument ta’ komunjoni bejn il-ħolqien u l-Kelma li saret laħam u l-qawwa tagħha li ddawwal kull aspett tal-qagħda umana.

 

44. B’dan il-mod, l-affinità bejn saċerdot u poeta tidher f’din l-għaqda sagramentali misterjuża u li ma tinħallx bejn Kelma divina u kelma umana, u tagħti l-ħajja lil ministeru li jsir servizz kollu smigħ u mogħdrija, lil kariżma li ssir responsabbiltà, lil viżjoni tal-veru u tat-tajjeb li turi ruħha bħala ġmiel. Ma nistgħux ma nisimgħux il-kelmiet li ħallielna l-poeta Pual Celan: “Min jitgħallem jara tassew, jersaq qrib ta’ dak li ma jidhirx”.[32]

 

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, fis-17 ta’ Lulju tas-sena 2024, it-tnax-il waħda tal-Pontifikat tiegħi.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] R. Latourelle, “Letteratura”, f’R. Latourelle–R. Fisichella, Dizionario di Teologia Fondamentale, Assisi (PG) 1990, 631.

[2] Ara A. Spadaro, “J. M. Bergoglio, il ‘maestrillo’ creativo. Intervista all’alunno Jorge Milia”, f’La Civiltà Cattolica 2014 I 523-534.

[3] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et spes 62.

[4] K. Rahner, “Il futuro del libro religioso”, f’Nuovi saggi II, Roma 1968, 647.

[5] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium 117.

[6] A. Spadaro, Svolta di respiro. Spiritualità della vita contemporanea, Milano, Vita e Pensiero, 101.

[7] R. Latourelle, “Letteratura”, 633.

[8] San Ġwanni Pawlu II, Ittri lill-artisti, n. 6.

[9] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium 89.

[10] Kostituzzjoni pastorali fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et spes 22.

[11] M. Proust, Alla ricerca del tempo perduto. I. La strada di Swann, Milano, Mondadori, 1983, 104 s.

[12] C.S. Lewis, Lettori e letture. Un esperimento di critica, Milano 1997, 165.

[13] Ara J.L. Borges, Borges, Oral, Buenos Aires 1979, 22.

[14] San Pawlu VI, Omelija, “Quddiesa tal-Artisti” fil-Kappella Sistina, 7 ta’ Mejju 1964.

[15] T.S. Eliot, The Idea of a Christian Society, London 1946, 30.

[16]  Konferenza stampa fit-titjira lura mill-Vjaġġ Appostoliku tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fit-Tajlandja u l-Ġappun, 26 ta’ Novembru 2019.

[17] Ara A. Spadaro, La grazia della parola. Karl Rahner e la poesia, Milano, Jaca Book, 2006.

[18] K. Rahner, “Sacerdote e poeta”, f’La fede in mezzo al mondo, Alba 1963, 131-173.

[19] Ibid., 171 s.

[20] Ibid., 146.

[21] Sant’Injazju ta’ Loyola, Eżerċizzi Spiritwali, n. 317.

[22] Ara ibid., n. 335.

[23] Ibid., n. 314

[24] Ara K. Rahner, “Sacerdote e poeta”, f’La Fede in mezzo al mondo, Alba 1963, 141.

[25] Ara A. Spadaro, La pagina che illumina. Scrittura creativa come esercizio spirituale, Milano, Ares, 2023, 46-47.

[26] M. Proust, À la recherche du temps perdu. Le temps retrouvé, Paris 1954, Vol. III, 1041.

[27] A. Spadaro, La pagina che illumina…, op. cit., 14.

[28] M. De Certeau, Il parlare angelico. Figure per una poetica della lingua (Secoli XVI e XVII), Firenze 1989, 139 s.

[29] Ara A. Spadaro, La pagina che illumina…, op. cit., 16.

[30] C.S. Lewis, Lettori e letture. Un esperimento di critica, Milano 1997, 165.

[31] J. Cocteau–J. Maritain, Dialogo sulla fede, Firenze, Passigli, 1988, 56. Ara A. Spadaro, La pagina che illumina…, op. cit., 11-12.

[32] P. Celan, Microliti, Milano 2020, 101.