Laikos

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-KAPPILLANI

 

Għeżież ħuti Kappillani!

 

Il-Laqgħa internazzjonali “Il-Kappillani għas-Sinodu” u d-djalogu ma’ dawk li ħadu sehem fiha, huma l-okkażjoni biex fit-talb tiegħi niftakar fil-Kappillani kollha tad-dinja, li bi mħabba kbira ngħidilhom dawn il-kelmiet.

 

Tant hi ovvja li tinstema’ kważi banali li ngħidha, imma dan ma jagħmilhiex ħaġa inqas vera: il-Knisja ma tistax tibqa’ miexja ’l quddiem mingħajr l-impenn u s-servizz tagħkom. Għalhekk irrid qabelxejn nesprimi gratitudni u stima għall-ħidma ġeneruża li tagħmlu ta’ kuljum, fejn tiżirgħu l-Vanġelu fuq kull xorta ta’ art (ara Mk 4:1-25).

 

Kif qed tesperjenzaw f’dawn il-jiem ta’ qsim, il-parroċċi li fihom tiżvolġu l-ministeru tagħkom jinsabu f’kuntesti differenti ħafna minn xulxin: minn dawk tal-periferiji tal-bliet il-kbar – jiena kelli esperjenza diretta tagħhom fi Buenos Aires – għal dawk vasti bħala provinċji fir-reġjuni inqas mimlja bin-nies; minn dawk taċ-ċentri urbani ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, fejn bażiliċi qodma qed jilqgħu komunitajiet dejjem iżgħar u ixjeħ, għal dawk li fihom iċ-ċelebrazzjonijiet isiru taħt siġra kbira u l-kant tal-għasafar jitħallat mal-ilħna ta’ tant tfal.

 

Il-Kappillani dan kollu jafuh tajjeb ħafna, jafu minn ġewwa l-ħajja tal-Poplu ta’ Alla, it-taħbit tiegħu u l-ferħ tiegħu, il-ħtiġijiet tiegħu u l-għana tiegħu. Għalhekk Knisja sinodali għandha bżonn tal-Kappillani tagħha: mingħajrhom ma nistgħu qatt nitgħallmu nimxu flimkien, ma nistgħu qatt naqbdu dik il-mixja tas-sinodalità li “hija l-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju”.[1]

 

M’aħna ħa nsiru qatt Knisja sinodali missjunarja jekk il-komunitajiet parrokkjali ma jagħmlux mill-parteċipazzjoni tal-imgħammdin kollha fil-missjoni waħda tax-xandir tal-Vanġelu l-karatteristika tal-ħidma tagħhom. Jekk ma humiex sinodali u missjunarji l-parroċċi, lanqas se tkun il-Knisja. Ir-Relazzjoni ta’ Sinteżi tal-Ewwel Sessjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet hi ċara ħafna dwar dan: il-parroċċi, ibda mill-istrutturi tagħhom u mill-organizzazzjoni tal-ħajja tagħhom, huma msejħin jaraw lilhom infushom “l-ewwel u qabel kollox għall-qadi tal-missjoni li l-fidili jwettqu fi ħdan is-soċjetà, fil-ħajja tal-familja u tax-xogħol, bla ma jikkonċentraw esklussivament fuq il-ħidmiet li jitwettqu fi ħdanhom u fuq il-ħtiġijiet organizzattivi tagħhom” (8, 1). Għalhekk hemm bżonn li l-komunitajiet parrokkjali jsiru dejjem iżjed postijiet li minnhom l-imgħammdin jagħmlu l-ewwel passi ’l barra bħala dixxipli missjunarji u li lejhom jirritornaw, mimlija ferħ, biex jaqsmu l-għeġubijiet li għamel il-Mulej permezz tax-xhieda tagħhom (ara Lq 10:17).

 

Bħala ragħajja, aħna msejħin insieħbu f’din il-mixja l-komunitajiet li naqdu u, fl-istess waqt, inħabirku bit-talb, id-dixxerniment u ż-żelu appostoliku biex il-ministeru tagħna jkun jixraq lill-esiġenzi ta’ Knisja sinodali missjunarja. Din l-isfida tmiss il-Papa, l-Isqfijiet u l-Kurja Rumana, u tmiss anki lilkom Kappillani. Dak li sejħilna u kkonsagrana, illum qed jistedinna nagħtu widen għal-leħen tal-Ispirtu tiegħu u nimxu fid-direzzjoni li jurina. Hemm ħaġa li nistgħu nkunu ċerti minnha: mhux sa jħallina nieqsa mill-grazzja tiegħu. Matul il-mixja niskopru wkoll il-mod kif neħilsu s-servizz tagħna minn dawk l-aspetti li jgħabbuh iżżejjed u niskopru mill-ġdid il-vera qalba tiegħu: li nħabbru l-Kelma u niġbru flimkien il-komunità fil-qsim tal-ħobż.

 

Għalhekk inħeġġiġkom tilqgħu din is-sejħa tal-Mulej biex tkunu, bħala Kappillani, bennejja ta’ Knisja sinodali missjunarja u tħabirku bil-ħeġġa f’din il-mixja. Għal dan il-għan, inħoss li għandi nagħtikom tliet suġġerimenti li jistgħu jnebbħu l-istil ta’ ħajja u ta’ azzjoni tar-ragħajja.

 

1. Nistedinkom tgħixu l-kariżma ministerjali speċifika tagħkom dejjem iżjed għall-qadi tal-kotra ta’ doni mqassma mill-Ispirtu fil-Poplu ta’ Alla. Fil-fatt, huwa urġenti li niskopru, ninkuraġġixxu u nivvalorizzaw “b’sens ta’ fidi l-ħafna suriet ta’ kariżmi żgħar u kbar tal-lajċi” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Presbyterorum Ordinis, 9) u li huma indispensabbli biex nistgħu nevanġelizzaw ir-realtajiet umani. Jiena konvint li b’dan il-mod iġġibu għad-dawl tant teżori moħbija u ssibu ruħkom inqas waħidkom fil-ħidma kbira tal-evanġelizzazzjoni, għax tħossu l-ferħ ta’ paternità ġenwina li mhux titfi, imma toħroġ fl-oħrajn, irġiel u nisa, tant potenzjalitajiet prezzjużi.

 

2. B’qalbi kollha nissuġġerilkom titgħallmu u tħarrġu l-arti tad-dixxerniment komunitarju, u f’dan tinqdew bil-metodu tal-“konverżazzjoni fl-Ispirtu”, li tant għenitna fil-mixja sinodali u fit-twettiq tal-istess Assemblea. Jiena ċert li minnha tistgħu tiġbru frott kotran mhux biss fl-istrutturi ta’ komunjoni, bħall-Kunsill pastorali parrokkjali, imma anki f’ħafna oqsma oħra. Kif tfakkar ir-Relazzjoni ta’ Sinteżi, id-dixxerniment huwa element muftieħ tal-azzjoni pastorali ta’ Knisja sinodali: “Importanti li t-taħriġ tad-dixxerniment jitwettaq anki fil-qasam pastorali, b’mod adegwat għall-kuntesti, biex idawwal il-konkretezza tal-ħajja ekkleżjali. Dan jagħti li wieħed jagħraf aħjar il-kariżmi preżenti fil-komunità, li jafda b’mod għaref il-ħidmiet u l-ministeri, li jippjana fid-dawl tal-Ispirtu l-mixjiet pastorali, u jmur lil hemm mis-sempliċi programmazzjoni ta’ attivitajiet” (2, 1).

 

3. Fl-aħħar, nixtieq nirrakkomandalkom tqiegħdu fil-bażi ta’ kollox il-qsim u l-fraternità bejnietkom u mal-Isqfijiet tagħkom. Din il-ħtieġa ħarġet bil-qawwa mill-Konvenju internazzjonali għall-formazzjoni permanenti tas-saċerdoti, fuq it-tema “Qajjem fik id-don ta’ Alla, li jinsab fik” (2 Tim 1:6), li nżamm fi Frar li għadda hawn Ruma, bis-sehem ta’ ’l fuq minn tmien mitt Isqof, saċerdot, ikkonsagrat u lajk, irġiel u nisa, impenjati f’dan il-qasam, li jirrappreżentaw tmenin pajjiż. Ma nistgħux inkunu missirijiet awtentiċi jekk m’aħniex qabelxejn ulied u aħwa. U ma nkunux kapaċi nqanqlu għall-komunjoni u l-parteċipazzjoni fil-komunitajiet fdati f’idejna jekk qabelxejn ma ngħixuhomx aħna bejnietna. Naf tajjeb li, qalb il-ħafna ħidmiet pastorali, dan l-impenn jista’ jidher xi ħaġa żejda jew saħansitra ħin mitluf, imma fir-realtà l-verita hi bil-maqlub: fil-fatt, hekk biss inkunu kredibbli u l-azzjoni tagħna ma tkissirx dak li oħrajn bnew diġà.

 

Mhijiex biss il-Knisja sinodali missjunarja li għandha bżonn tal-Kappillani, imma anki l-mixja speċifika tas-Sinodu 2021-2024, “Lejn Knisja sinodali. Komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni”, fid-dawl tat-Tieni Sessjoni tas-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li se tinżamm f’Ottubru li ġej. Biex inħejju għaliha għandna bżonn nisimgħu lilkom.

 

Għalhekk, nistieden lil dawk li ħadu sehem fil-Laqgħa internazzjonali “Il-Kappillani għas-Sinodu” biex ikunu missjunarji ta’ sinodalità anki magħkom, ħuthom il-Kappillani, meta jiġu lura d-dar, u janimaw ir-riflessjoni dwar it-tiġdid tal-ministeru ta’ kappillan f’dawl sinodali u missjunarju, waqt li fl-istess ħin jippermettu lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu li tiġbor il-kontribut insostitwibbli tagħkom fid-dawl tat-tfassil tal-Instrumentum laboris. Li nisimgħu lill-Kappillani kien l-għan ta’ din il-Laqgħa internazzjonali, imma dan ma jistax jintemm illum: għandna bżonn inkomplu nisimgħukom.

 

Għeżież ħuti, ninsab magħkom f’din it-triq li jiena wkoll qed nipprova nimxi. Inberikkom ilkoll minn qalbi u min-naħa tiegħi għandi bżonn inħoss il-qrubija tagħkom u s-sostenn tat-talb tagħkom. Nafdaw fil-Verġni Mqaddsa Marija Odighitria: dik li turi t-triq, dik li twassal għat-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 2 ta’ Mejju 2024

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Diskors għall-Kommemorazzjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015.