|
Luciano Fontana, id-direttur ta’ wieħed mill-ġurnali ewlenin tal-Italja, il-Corriere della Sera, bagħat jawgura fejqan lill-Papa Franġsiku.
Il-Qdusija Tiegħu wieġbu permezz ta’ ittra mill-Poliklinika Gemelli fejn ilu dawn l-aħħar 33 ġurnata, ittra li ġġib id-data tal-14 ta’ Marzu u li kienet ippubblikata t-Tlieta, 16 ta’ Marzu kemm mill-gażżetta Corriere dlla Sera kif ukoll mis-sit tal-internet Vatican News.
Fis-sitwazzjoni drammatika li tinsab fiha d-dinja bħalissa, Fontana talab lill-Papa biex jintervjeni u jagħmel appell lill-komunità internazzjonali f’isem il-popolazzjonijiet imbiċċrin bil-gwerra u kkwota kliem il-Papa Franġisku li kemm-il darba saħaq li minflok “skemi ta’ gwerra” hemm bżonn ngħaddu “ghal skemi tal-paċi”.
Fit-tweġiba tiegħu l-Papa tkellem dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu, il-fraġilità umana u reġa’ għolla leħnu b’saħħa biex isir sforz komuni ħalli terġa’ titkebbes it-tama tal-paċi.
L-ittra tal-Papa hi din ...
Ittra tal-Papa Franġisku
Lid-Direttur tal-Corriere della Sera,
Luciano Fontana
14 ta’ Marzu 2025
Għażiż Direttur,
Irrid irroddlok ħajr għal-kliem ta’ qrubija li ridt turi miegħi f’dal-mument ta’ mard li fih, kif kelli okkażjoni ngħid, jidher dejjem aktar ċar kemm il-gwerra hi assurda. Infatti, l-fraġilità umana għandha l-qawwa li tiċċaralna moħħna dwar dak li jibqa’ u dak li jgħaddi, dwar dak li jgħajjex u dak li joqtol. Forsi minħabba f’hekk wisq spiss għandna t-tendenza li niċhdu l-limiti tagħna u naħarbu mill-persuni fraġli u miġrugħin: dawn għandhom il-qawwa li jdaħħlu fina tħassib dwar id-direzzjoni li nkunu ħadna kemm individwalment u wkoll bħala komunitajiet.
Nixtieq nagħmel kuraġġ lilek u lil kulmin jiddedika x-xogħol u l-intelliġenza tiegħu biex jinforma permezz tal-istrumenti tal-komunikazzjoni li illum jagħmlu d-dinja ħaġa waħda fil-ħin reali: wieżnu l-piż tal-importanza tal-kliem. Qatt mhu biss kliem: huma fatti li jibnu l-ambjenti umani.
Jistgħu jgħaqqdu jew jifirdu, jaqdu l-verità jew jisservew biha. Hemm bżonn ‘niddiżarmaw’ il-kliem, biex ‘niddiżarmaw’ l-imħuħ u ‘niddiżarmaw’ l-Art. Hemm bżonn kbir ta’ riflessjoni, kalma, sens tal-kumplessità.
Waqt li l-gwerra ma tagħmel xejn ħlief tfarrak il-komunitajiet u l-ambjenti, bla ma toffri ebda soluzzjoni għall-kunflitti, id-diplomazija u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jeħtieġu ilma tal-ħajja ġdid u kredibbiltà. Minbarra dan, ir-reliġjonijiet jistgħu jixrobu mill-ispiritwalità tal-popli biex ikebbsu mill-ġdid ix-xewqa tal-fratellanza u tal-ġustizzja, it-tama tal-paċi.
Dan kollu jitlob
impenn, ħidma, silenzju, kliem. Ejjew ningħaqdu f’dan l-isforz,
jalla l-Grazzja ċelesti qatt ma tehda tipsirana u takkumpanjana.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber