Laikos

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-MIŻŻEWĠIN

FL-OKKAŻJONI TAS-SENA “FAMILJA AMORIS LÆTITIA

 

Għeżież miżżewġin tad-dinja kollha!

 

Fl-okkażjoni tas-Sena “Familja Amoris lætitia” indur fuqkom biex naqsam magħkom l-imħabba u l-qrubija kollha tiegħi f’dan iż-żmien hekk speċjali li qed ngħixu. Dejjem żammejt lill-familji preżenti fit-talb tiegħi, imma iżjed u iżjed tul il-pandemija, li kienet prova iebsa għal kulħadd, speċjalment għal min hu l-iżjed vulnerabbli. Il-mument li qed ngħixu jwassalni biex indur bi spirtu ta’ umiltà, imħabba u akkoljenza lejn kull persuna, lejn kull koppja miżżewġa u lejn kull familja fis-sitwazzjonijiet li kulħadd qed jgħix.

 

Il-kuntest partikulari tagħna jistedinna ngħixu l-kelmiet li bihom il-Mulej isejjaħ lil Abraham biex joħroġ minn artu u minn dar missieru u jmur lejn art mhux magħrufa li hu stess kien se jurih (ara Ġen 12:1). Aħna wkoll għexna iżjed minn qatt qabel l-inċertezza, is-solitudni, it-telfa ta’ persuni għeżież u ġejna mġiegħla ninqalgħu miċ-ċertezzi tagħna, mill-ispazji tagħna ta’ “kontroll”, mill-modi tagħna ta’ kif konna nagħmlu l-affarijiet, mill-ambizzjonijiet tagħna, biex ninteressaw ruħna mhux biss fil-ġid tal-familja tagħna, imma anki f’dak tas-soċjetà, li wkoll jiddependi mill-imġibiet personali tagħna.

 

Ir-relazzjoni ma’ Alla tagħġinna, isseħbina u ċċaqlaqna bħala persuni u, fl-aħħar mill-aħħar, tgħinna “noħorġu minn artna”, f’ħafna każi b’ċertu biża’ saħansitra minn dak li ma nafux, imma grazzi għall-fidi Nisranija tagħna nafu li m’aħniex waħidna għaliex Alla jinsab fina, magħna u f’nofsna: fil-familja, fil-post fejn noqogħdu, fuq il-lant tax-xogħol jew tal-istudju, fil-belt fejn ngħixu.

 

Bħal Abraham, kull wieħed u waħda mill-miżżewġin joħroġ minn artu meta, malli jisma’ s-sejħa għall-imħabba konjugali, jiddeċiedi li jingħata mingħajr riservi għall-persuna l-oħra. Hekk, l-għerusija diġà titlob lil dak li jkun biex iħalli artu, għax titlob minna li nimxu flimkien it-triq li twassal għaż-żwieġ. Id-diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja – iż-żmien għaddej, il-wasla tal-ulied, ix-xogħol, il-mard – huma ċirkustanzi li fihom l-impenn li nieħdu lejn xulxin jitlob li kull wieħed iħalli dak li dar fih, iċ-ċertezzi tiegħu, l-ispazji ta’ trankwillità tiegħu u jmur lejn l-art li Alla qed iwiegħdu: insiru tnejn fi Kristu, tnejn f’wieħed. Ħajja waħda, dak l-“aħna” fil-komunjoni tal-imħabba ma’ Ġesù, ħaj u preżenti f’kull mument tal-ħajja tagħkom. Hu Alla li jseħibkom, iħobbkom mingħajr kundizzjonijiet. M’intomx waħidkom!

 

Għeżież miżżewġin, kunu afu li wliedkom – u speċjalment dawk l-iktar żgħar – josservawkom b’attenzjoni u jfittxu fikom ix-xhieda ta’ mħabba qawwija u li tista’ tafdaha. “Kemm hu importanti, għaż-żgħażagħ, li jaraw b’għajnejhom stess l-imħabba ta’ Kristu ħaj u preżenti fl-imħabba tal-miżżewġin, li bil-ħajja konkreta tagħhom jagħtu xhieda li l-imħabba għal dejjem hi possibbli!”.[1] L-ulied huma don, dejjem, u jibdlu l-istorja ta’ kull familja. Huma għatxana għall-imħabba, għall-għarfien, għall-istima u u għall-fiduċja. Il-paternità u l-maternità qed isejħulkom biex tnisslu u tagħtu lil uliedkom il-ferħ li jiskopru li huma wlied Alla, ulied ta’ Missier li sa mill-ewwel waqt ħabbhom bi ħlewwa liema bħalha u jaqbdilhom f’idejhom ta’ kuljum. Din l-iskoperta tista’ tagħti lil uliedkom il-fidi u l-ħila li jafdaw f’Alla.

 

Bla dubju, l-edukazzjoni tal-ulied mhi xejn faċli. Imma ma ninsewx li huma wkoll jedukawna. L-ewwel ambjent edukattiv jibqa’ dejjem il-familja, fil-ġesti żgħar li jgħajtu iżjed mill-kliem. Li nedukaw ifisser qabelxejn li nsieħbu l-proċess ta’ maturazzjoni, inkunu preżenti b’tant modi, biex hekk l-ulied jistgħu jserrħu fuq il-ġenituri f’kull mument. L-edukatur huwa persuna li “tnissel” f’sens spiritwali u, fuq kollox, li “tirriskja” billi tidħol f’relazzjoni. Bħala missirijiet u ommijiet importanti li nirrelataw ma’ wliedna, ibda minn awtorità li niksbuha jum wara l-ieħor. Huma għandhom bżonn ta’ sigurtà li tgħinhom iduqu l-fiduċja fikom, fil-ġmiel ta’ ħajjithom, fiċ-ċertezza li mhuma qatt waħidhom, jiġri x’jiġri.

 

Min-naħa l-oħra, kif diġà stajt nosserva, kiber l-għarfien tal-identità u tal-missjoni tal-lajċi fil-Knisja u fis-soċjetà. Għandkom il-missjoni li tibdlu s-soċjetà bil-preżenza tagħkom fid-dinja tax-xogħol u li tagħmlu mod li jkun hemm min jagħti kas tal-ħtiġijiet tal-familji.

 

Anki l-miżżewġin għandhom jieħdu l-inizjattiva (primerear)[2] fi ħdan il-komunità parrokkjali u djoċesana bil-proposti tagħhom u l-kreattività tagħhom, u jfittxu l-kumplimentarjetà tal-kariżmi u tal-vokazzjonijiet bħala espressjoni tal-komunjoni ekkleżjali; b’mod partikulari, dik tal-“miżżewġin qrib tar-ragħajja, biex jimxu flimkien ma’ familji oħra, biex jgħinu lil min hu l-iżjed dgħajjef, biex iħabbru li, anki qalb id-diffikultajiet, Kristu hu preżenti”.[3]

 

Għalhekk, inħeġġiġkom, għeżież miżżewġin, biex tieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja, b’mod partikulari fil-pastorali tal-familji. Għax “il-korresponsabbiltà fil-konfront tal-missjoni ssejjaħ […] lill-miżżewġin u lill-ministri ordnati, speċjalment l-isqfijiet, biex jikkoperaw b’mod għammiel fl-għożża u fil-ħarsien tal-Knejjes tad-dar”.[4] Ftakru li l-familja hija ċ-“ċellula fundamentali tas-soċjetà” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 66). Iż-żwieġ hu tassew proġett ta’ bini tal-“kultura tal-laqgħa” (Enċiklika Fratelli tutti, 216). Huwa għalhekk li l-familji għandhom quddiemhom l-isfida li jibnu pontijiet bejn il-ġenerazzjonijiet biex jgħaddu l-valuri li jibnu l-umanità. Hemm bżonn ta’ kreattività ġdida biex nesprimu qalb l-isfidi ta’ żmienna l-valuri li jsawruna bħala poplu fis-soċjetajiet tagħna u fil-Knisja, Poplu ta’ Alla.

 

Il-vokazzjoni għaż-żwieġ hija sejħa biex naqdfu b’dgħajsa instabbli – imma fiż-żgur minħabba r-realtà tas-sagrament – f’baħar daqstant ieħor imqalleb. Kemm drabi, bħall-Appostli, ikollkom aptit tgħidu, jew aħjar, tħanxru: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” (Mk 4:38). Ma ninsewx li, permezz tas-Sagrament taż-Żwieġ, Ġesù jinsab preżenti fuq din id-dgħajsa. Hu jinkwieta għalikom, jibqa’ magħkom f’kull ħin, mat-tbandil tad-dgħajsa mċaqilqa mill-ilmijiet. F’silta oħra tal-Vanġelu, qalb id-diffikultajiet, id-dixxipli raw lil Ġesù riesaq lejhom f’nofs it-tempesta u laqgħuh fuq id-dgħajsa; hekk ukoll intom, meta t-tempesta tiqliel, ħallu lil Ġesù jitla’ fuq id-dgħajsa, għax meta “tala’ ħdejhom fid-dgħajsa […] ir-riħ waqaf” (Mk 6:51). Importanti li flimkien iżżommu ħarsitkom imsammra fuq Ġesù. Hekk biss ikollkom il-paċi, tegħlbu l-kunflitti u ssibu soluzzjonijiet għal ħafna mill-problemi tagħkom. Mhux għax dawn se jisparixxu, imma għax tkunu tistgħu tarawhom f’perspettiva oħra.

 

Huwa biss jekk tintelqu f’dirgħajn il-Mulej li tkunu tistgħu taffrontaw dak li jidher impossibbli. It-triq hija dik li tagħrfu d-dgħufijiet u n-nuqqas ta’ ħila li tħossu quddiem tant sitwazzjonijiet madwarkom, imma fl-istess waqt li jkollkom iċ-ċertezza li b’dan il-mod il-qawwa ta’ Kristu tidher fid-dgħufija tagħkom (ara 2 Kor 12:9). Kien sewwasew f’nofs tempesta li l-Appostli waslu biex għarfu r-regalità u d-divinità ta’ Ġesù u tgħallmu jafdaw fih.

 

Fid-dawl ta’ dawn ir-riferimenti bibliċi, nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirrifletti fuq xi diffikultajiet u opportunitajiet li l-familji għexu f’dan iż-żmien tal-pandemija. Ngħidu aħna, żdied il-ħin flimkien, u din kienet opportunità unika biex inrawmu iktar id-djalogu fil-familja. Bla dubju dan jitlob taħriġ speċjali ta’ sabar; mhux faċli tqatta’ flimkien il-jum kollu meta fl-istess dar wieħed irid jaħdem, jistudja, isib fiex jgħaddiha u jistrieħ. Tħallux l-għeja tirbaħkom; il-qawwa tal-imħabba tagħtikom il-ħila li iktar tagħtu kas tal-oħrajn – żwieġkom, martkom, uliedkom – milli tal-għeja tagħkom. Infakkarkom f’dak li ktibt fl-Amoris lætitia (ara nn. 90-119) fid-dawl tal-innu Pawlin lill-imħabba (ara 1 Kor 13:1-13). Itolbu b’insistenza dan id-don lill-Familja Mqaddsa; erġgħu aqraw l-eloġju lill-imħabba biex tkun hi li tnebbaħ id-deċiżjonijiet tagħkom u l-għemejjel tagħkom (ara Rum 8:5; Gal 4:6).

 

B’dan il-mod, li toqogħdu flimkien ma tkunx xi penitenza imma rdoss qalb it-tempesti. Ħa tkun il-familja post fejn nilqgħu u nifhmu lil xulxin. Ħarsu fil-qalb tagħkom il-parir li tajt lill-miżżewġin bi tliet kelmiet: “jekk jogħġbok, grazzi, skużani”.[5] U meta jqum il-ġlied, “qatt tagħlqu l-ġurnata mingħajr ma tagħmlu paċi”.[6] Tistħux tinżlu għarkupptejkom flimkien quddiem Ġesù fl-Ewkaristija biex issibu mumenti ta’ paċi u ħarsa reċiproka magħmula minn ħlewwa u tjieba. Jew tabqdu id l-ieħor, meta jkun xi ftit irrabjat, sakemm tisirqulu minn fuq fommu tbissima kompliċi. Forsi tgħidu flimkien xi talba qasira, b’vuċi għolja, filgħaxija qabel tidħlu torqdu, b’Ġesù preżenti f’nofskom.

 

Huwa minnu wkoll li, għal xi koppji, il-konvivenza li kellhom jgħixu matul il-kwarantina kienet partikularment diffiċli. Il-problemi li diġà kienu jeżistu aggravaw, u ħolqu kunflitti li f’ħafna każi saru kważi insopportabbli. Ħafna saħansitra għexu t-tifrik ta’ relazzjoni li kaxkrithom lejn kriżi li la għarfu u lanqas setgħu jegħlbu. Lil dawn il-persuni wkoll nixtieq nesprimi l-qrubija u l-għożża tiegħi.

 

It-tifrik ta’ relazzjoni fiż-żwieġ iġib miegħu ħafna tbatija għax ħafna aspettattivi jibqgħu mhux imwieġba; in-nuqqas ta’ komprensjoni jipprovoka diskussjonijiet u ġrieħi li mhux faċli jingħelbu. Lanqas l-ulied mhuma eżenti mit-tbatija meta jaraw li l-ġenituri tagħhom m’għadhomx ma’ xulxin. F’dawn il-każi wkoll, tieqfu qatt tfittxu l-għajnuna biex il-kunflitti jistgħu b’xi mod jiġu megħluba u ma jipprovokawx iktar tbatijiet bejnietkom u għal uliedkom. Il-Mulej Ġesù, fil-ħniena bla tarf tiegħu, inebbaħkom hu bil-mod kif timxu ’l quddiem qalb tant diffikultajiet u dispjaċiri. Qatt tinsew issejħulu u tfittxu fih il-kenn, id-dawl fil-mixja, u fil-komunità “d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 47).

 

Tinsewx li l-maħfra tfejjaq kull ġerħa. Li naħfru lil xulxin hu l-frott ta’ deċiżjoni fil-qalb tagħna li timmatura fit-talb, fir-relazzjoni ma’ Alla, hu don li joħroġ mill-grazzja li biha Kristu jimla l-koppja meta tħallih jaħdem, meta ddur lejh. Kristu “jgħammar” fiż-żwieġ tagħkom u jistenna li tiftħulu qlubkom biex jista’ jweżinkom bil-qawwa ta’ mħabbtu, bħad-dixxipli fid-dgħajsa. L-imħabba tagħna ta’ bnedmin hija dgħajfa, għandha bżonn tal-qawwa tal-imħabba fidila ta’ Ġesù. Miegħu tistgħu tabilħaqq tibnu d-“dar fuq il-blat” (Mt 7:24).

 

Dwar dan, ħalluni ngħid kelma liż-żgħażagħ li qed jitħejjew għaż-żwieġ. Jekk qabel il-pandemija għall-għarajjes kien diffiċli jippjanaw futur għax kien iebes li ssib xogħol stabbli, issa l-inċertezza tax-xogħol hija bil-wisq ikbar. Għalhekk nistieden lill-għarajjes biex ma jaqtgħux qalbhom, biex ikollhom il-“kuraġġ kreattiv” li kellu San Ġużepp, li jien xtaqt inweġġaħ it-tifkira tiegħu matul din is-Sena ddedikata lilu. Hekk intom ukoll, meta tiġu biex taffrontaw il-mixja taż-żwieġ, imqar jekk bi ftit mezzi, afdaw dejjem fil-Providenza, għax “xi kultant huma sewwasew id-diffikultajiet li joħorġu minn kull wieħed u waħda minna riżorsi li mank konna naħsbu li għandna” (Ittra appostolika Patris corde, 5). Tibqgħux lura milli tfittxu l-appoġġ tal-familji tagħkom u tal-ħbiberiji tagħkom, tal-komunitajiet ekkleżjali, tal-parroċċa, biex tgħixu l-ħajja miżżewġa u familjari futura billi titgħallmu minnhom li diġà għaddew mit-triq li intom qed tibdew timxu.

 

Qabel nagħlaq, nixtieq nibgħat tislima speċjali lin-nanniet li tul l-iżolament ma setgħux jaraw lin-neputijiet u jgħaddu l-ħin magħhom; lill-persuni anzjani li batew iktar minħabba s-solitudni. Il-familja ma tistax tgħaddi mingħajr in-nanniet, huma l-memorja ħajja tal-umanità, “din il-memorja tista’ tgħinna nibnu dinja iżjed umana, iżjed akkoljenti”.[7]

 

Ħa jnebbaħ San Ġużepp lill-familji kollha bil-kuraġġ kreattiv, tant meħtieġ f’din il-bidla ta’ epoka li qed ngħixu, u ħa ssieħeb il-Madonna fil-ħajja miżżewġa tagħkom l-iżvilupp tal-kultura tal-laqgħa, hekk urġenti biex negħlbu t-tiġrib u l-inkwiet li qed idallam iż-żmien tagħna. Il-ħafna sfidi ma jistgħux jisirqu l-ferħ ta’ dawk li jafu li qed jimxu mal-Mulej. Għixu b’mod intens il-vokazzjoni tagħkom. Tħallux in-niket jibdel l-uċuħ tagħkom. Żewġkom jew martkom għandhom bżonn tat-tbissima tagħkom. Uliedkom għandhom bżonn tal-ħarsiet tagħkom li jagħmlulhom il-qalb. Ir-ragħajja u l-familji l-oħra għandhom bżonn tal-preżenza tagħkom u tal-ferħ tagħkom: il-ferħ li ġej mill-Mulej!

 

Insellmilkom bi mħabba u nħeġġikom biex nibqgħu mexjin ’il quddiem u ngħixu l-missjoni li Ġesù fdalna, u nipperseveraw fit-talb u “fil-qsim tal-ħobż” (Atti 2:42).

 

U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija; jien dan nagħmlu għalikom ta’ kuljum.

 

Fraternament,

 

Franġisku

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 26 ta’ Diċembru 2021, Festa tal-Familja Mqaddsa.

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Vidjomessaġġ lill-parteċipanti fil-Forum “Fejn wasalna bl-Amoris lætitia?” (9 ta’ Ġunju 2021).

[2] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24.

[3] Vidjomessaġġ lill-parteċipanti fil-Forum “Fejn wasalna bl-Amoris lætitia?” (9 ta’ Ġunju 2021).

[4] Ibid.

[5] Diskors lill-familji tad-dinja fl-okkażjoni tal-Pellegrinaġġ f’Ruma fis-Sena tal-Fidi (26 ta’ Ottubru 2013); ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 133.

[6] Katekeżi tat-13 ta’ Mejju 2015; ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 104.

[7] Messaġġ għall-I Jum Dinji tan-Nanniet u l-AnzjaniJiena magħkom dejjem (31 ta’ Mejju 2021).