Laikos

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
DWAR IT-TIFKIRA TAL-QADDISIN PROPJI,

BEATI U QADDEJJA T’ALLA

FIL-KNEJJES PARTIKOLARI

 

Bl-Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et exsultate lid-dixxipli fidili ta’ Kristu tad-dinja tal-lum ridt nirrikmandalhom mill-ġdid is-sejħa għall-qdusija.  Dis-sejħa hi l-qofol tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, li fakkar illi “dawk kollha li jemmnu fi Kristu, hu liema hu l-istat jew ir-rank tagħhom, huma msejħin għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità (Lumen Gentium, 40).  Alllura, kulħadd għandu sejħa li jilqa’ l-imħabba t’Alla li “xterdet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu” (Rum 5,5).  Infatti l-qdusija, li tista tkun ukoll frott tal-isforz uman, tfisser li ngħamlu wisa’ għall-azzjoni ta’ Alla.

Ilkoll kemm aħna nagħrfu f’ħafna persuni li ltqajna magħhom fil-mixja tagħna, xhieda tal-virtuwjiet insara, partikolarment tal-fidi, tat-tama u tal-karità: miżżewġin li għexu fedelment imħabbithom miftuħin għall-ħajja; irġiel u nisa li bix-xogħol tagħhom sostnew il-familji tagħhom u kkoperaw fit-tixrid tas-Saltna t’Alla; adoloxxenti u żgħażagħ li mxew wara Ġesù bl-entużjażmu; ragħajja li bil-ministeru tagħhom sawbu d-doni tal-grazzja fuq il-poplu t’Alla; reliġjużi rġiel u nisa li bil-ħajja evanġelika tagħhom saru xbieha ħajja ta’ Kristu għarus.  Ma nistgħux ninsew lill-foqra, lill-morda, lil min batut, li fid-dgħufija tagħhom sabu kenn fl-Imgħallem divin. Hi dik il-qdusija “tal-ħajja ta’ kuljum” u “ta’ dawk tal-bieb ta’ maġenbna” li l-Knisja madwar id-dinja kollha hi għanja bihom.

Aħna msejħin biex lil dawn il-mudelli ta’ qdusija nħalluhom jistimulawna; fosthom jiddistingwu ruħhom qabel kollox il-martri li xerrdu demmhom għal Kristu u dawk li kienu beatifikati u kanonizzati għax kienu eżempju ta’ ħajja nisranija u jinterċedu għalina.  Niftakru wkoll fil-Venerabbli, irġiel u nisa li ngħatalhom l-għarfien li ħaddmu l-virtuwijiet b’mod erojku, f’dawk li f’ċirkostanzi partikolari ħajjithom għamluha offerta ta’ mħabba għall-Mulej u għal ħuthom, kif ukoll il-Qaddejja ta’ Alla li għadha għaddejja l-kawża tal-beatifikazzjoni jew tal-kanonizzazzjoni tagħhom.  Dawn il-proċessi juru ċar kemm ix-xhieda tal-qdusija hi preżenti fi żmienna wkoll u li fihom tiddu bħal kwiekeb (cfr Fil 2,15) ix-xhieda kbira tal-fidi, dawk li ħallew marka fl-esperjenza tal-Knejjes partikolari u li fl-istess ħin għanew l-istorja.  Dawn kollha huma ħbiebna, kumpanni mat-triq li jgħinuna nilħqu l-milja tal-vokazzjoni batteżimali tagħna u juruna l-aktar wiċċ sabiħ tal-Knisja, li hi qaddisa u omm il-Qaddisin.

Tul is-sena liturġika il-Knisja tagħti ġieħ pubblikament, f’dati u b’modi stabbiliti, lill-Qaddisin u lill-Beati.  Madankollu jidhirli li hu importanti li l-Knejjes partikolari kollha jfakkru f’data waħda lill-Qaddisin u lill-Beati kif ukoll il-Venerabbli u l-Qaddejja t’Alla fit-territorji rispettivi tagħhom.  Ma jfissirx li trid tiddaħħal tifkira ġdida fil-kalendarju liturġiku, imma li b’inizjattivi xierqa ittihom ġieħ barra mil-liturġija, inkella ssemmi bħala parti mill-istess liturġija, per eżempju fl-omelija jew f’xi waqt ieħor adattat, dawk il-figuri li taw karattru lill-mixja nisranija u l-ispiritwalità lokali.  Għalhekk inħeġġeġ lill-Knejjes partikolari biex mill-Ġublew li se jibda fl-2025, ifakkru u jagħtu ġieħ lil dawn il-figuri ta’ qdusija, kull sena nhar id-9 ta’ Novembru, Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran.

B’hekk il-komunitajiet djoċesani singolarment ikunu jistgħu jiskopru u jżommu ħajja l-memorja ta’ dawn id-dixxipli straordinarji ta’ Kristu li ħallew sinjal ħaj tal-preżenza tal-Mulej Irxoxt u għadhom sal-lum ikunu gwidi żguri fil-mixja komuni lejn Alla, bil-protezzjoni u s-sostenn tagħhom.   Eventwalment il-Konferenzi Episkopali jistgħu jelaboraw linji gwida u proposti għal dan il-għan.

Jalla l-Qaddisin, li fihom jilmaw il-meravilji tal-faċċetti tal-grazzja divina, jixprunawna biex il-komunjoni tagħna ma’ Alla tkun aktar intima u jħeġġu fina x-xewqa tal-belt futura biex magħhom inkantaw innijiet ta’ tifħir lill-Aktar Għoli.

Ruma, San Giovanni in Laterano, 9 ta’ Novembru Festa tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber