VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’ĊIPRU U FIL-GREĊJA

(2-6 TA’ DIĊEMBRU 2021)

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI,

SEMINARISTI U KATEKISTI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Katidral ta’ San Djonisju f’Ateni

Is-Sibt 4 ta’ Diċembru 2021

 

Għeżież ħuti Isqfijiet,

għeżież saċerdoti, reliġjużi, seminaristi,

għeżież ħuti, kalispera sas! [il-lejla t-tajba!]

 

Nirringrazzjakom minn qalbi tal-merħba tagħkom u tal-kelmiet ta’ tislima li għamilli Mons. Rossolatos. U grazzi, Swor, tax-xhieda tiegħek: importanti li r-reliġjużi jgħixu b’dan l-ispirtu s-servizz tagħhom, bi mħabba appassjonata li ssir don għall-komunità fejn huma mibgħutin. Grazzi! Grazzi wkoll lil Rokos tax-xhieda sabiħa ta’ fidi li għex fil-familja, fil-ħajja ta’ kuljum, flimkien ma’ wliedu li, bħal tant żgħażagħ, f’ċertu punt jagħmlu mistoqsijiet, jistaqsu, fuq xi ħwejjeġ isiru xi ftit iżjed kritiċi. Imma anki dan hu tajjeb, għax jgħinna bħala Knisja nirriflettu u ninbidlu.

 

Inħossni kuntent li qed niltaqa’ magħkom f’art li hija don, wirt tal-umanità li fuqu ġew mibnija l-pedamenti tal-Punent. Aħna lkoll xi ftit jew wisq ulied u midjuna mal-pajjiż tagħkom: mingħajr il-poeżija, il-letteratura, il-filosofija u l-arti li żviluppaw hawn, ma konniex insiru nafu b’tant uċuħ li għandha l-ħajja umana, u lanqas inwieġbu għal tant mistoqsijiet ġewwiena fuq il-ħajja, fuq l-imħabba, fuq it-tbatija u anki fuq il-mewt.

 

Fi ħdan dan il-wirt għani, hawn fil-bidu tal-Kristjaneżmu tnieda “laboratorju” għall-inkulturazzjoni tal-fidi, imwieżen mill-għerf ta’ tant Missirijiet tal-Knisja, li bl-imġiba qaddisa ta’ ħajjithom u l-kitbiet tagħhom jirrappreżentaw fanal imdawwal għan-nies ta’ fidi f’kull żmien. Imma jekk nistaqsu min nieda l-laqgħa bejn il-Kristjaneżmu tal-bidu u l-kultura Griega, il-ħsieb tagħna ma jistax ma jmurx fuq l-Appostlu Pawlu. Hu kien li fetaħ il-“laboratorju tal-fidi”, li sensel flimkien dawk iż-żewġ dinjiet. U dan għamlu proprju hawn, kif jirrakkontaw l-Atti tal-Appostli: wasal Ateni, beda jipprietka fil-pjazez, u l-għorrief ta’ dak iż-żmien  ħaduh fl-Arjopagu (ara Atti 17:16-34), li kien il-kunsill tal-anzjani, tal-għorrief li jagħmlu ħaqq minn kwistjonijiet ta’ interess pubbliku. Ejjew nieqfu ftit fuq dan l-episodju u nħallu jorjentawna, fil-mixja tagħna ta’ Knisja, żewġ atteġġjamenti tal-Appostlu li jiswew għall-elaborazzjoni tal-fidi tagħna.

 

L-ewwel atteġġjament huwa l-fiduċja. Waqt li Pawlu kien jipprietka, xi filosfi bdew jistaqsu x’ħaseb li se jgħallimhom dan il-“lablâb” (v. 18). Hekk isejħulu, lablâb: wieħed li jivvinta l-affarijiet u japprofitta mir-rieda tajba ta’ min qed jisimgħu. Għalhekk ħaduh fl-Arjopagu. Mela ma nimmaġinawx li fetħulu s-siparju ta’ xi palk. Bil-maqlub, ħaduh hemm biex jinterrogawh: “Nistgħu nkunu nafu x’inhu dan it-tagħlim ġdid li qiegħed tgħallem? Għax int semmajtna ħwejjeġ li qatt ma smajna bihom, u aħna nixtiequ nkunu nafu x’inhuma dawn” (vv. 19-20). F’kelma waħda, lil Pawlu jridu jġibuh dahru mal-ħajt.

 

Dawn iċ-ċirkustanzi tal-missjoni tiegħu fil-Greċja huma importanti għalina wkoll, illum. L-Appostlu sab ruħu mrekken. Diġà ftit qabel, f’Tessalonika, kien ġie mxekkel fil-predikazzjoni u, minħabba l-għagħa li qam fost il-poplu li ried jakkużah li qed joħloq id-diżordni, kellu jaħrab billejl. Issa li wasal Ateni, jgħadduh b’lablâb u, ta’ mistieden ftit li xejn mogħġub, jeħduh l-Arjopagu. Mela mhux qed jgħix xi mument ta’ trijonf; qed ikompli bil-missjoni f’qagħda diffiċli. Forsi, f’tant mumenti tal-mixja tagħna, anki aħna nħossu t-toqol u xi drabi anki l-frustrazzjoni li aħna komunità ċkejkna, jew Knisja bi ftit li xejn saħħa li qed tgħix f’kuntest mhux dejjem favorevoli għaliha. Immeditaw l-istorja ta’ Pawlu f’Ateni. Kien waħdu, f’minoranza u bi ftit li xejn probabbiltajiet ta’ suċċess. Imma ma ħalliex jirbħu l-qtigħ ta’ qalb, ma reġax lura mill-missjoni tiegħu. U ma ħalliex tegħlbu t-tentazzjoni li joqgħod igerger. Dan importanti ħafna: attenti mit-tgergir. Dan hu l-atteġġjament tal-veru appostlu: jimxi ’l quddiem b’fiduċja, jippreferi t-taħbit tas-sitwazzjonijiet mhux mistennija milli d-drawwa u r-ripetizzjoni. Pawlu għandu dan il-kuraġġ. Mnejn jiġi? Mill-fiduċja f’Alla. Dan tiegħu hu l-kuraġġ tal-fiduċja: fiduċja fil-kobor ta’ Alla, li jħobb jaħdem dejjem fiċ-ċokon tagħna.

 

Għeżież ħuti, ħa jkollna din il-fiduċja, għax il-fatt li aħna Knisja żgħira jagħmilna sinjal elokwenti tal-Vanġelu, ta’ Alla mħabbar minn Ġesù li jagħżel iċ-ċkejknin u l-foqra, li jibdel l-istorja bil-ġesti sempliċi tal-umli. Minna, bħala Knisja, mhuwiex mitlub l-ispirtu tal-konkwista u tar-rebħa, il-kobor tan-numri għoljin, l-isplendur mondan. Dan kollu hu perikoluż. Hija t-tentazzjoni tat-trijonfaliżmu. Minna hu mitlub li nieħdu spunt miż-żerriegħa tal-mustarda, li hi l-iżgħar fost l-iżgħar, imma bl-umiltà u bil-mod hija tikber: “Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha”, jgħid Ġesù, “iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra” (Mt 13:32). Minna hu mitlub li nkunu ħmira, li bis-sabar u fis-satra u s-skiet ittella’ l-għaġna tad-dinja kollha, grazzi għall-opra bla waqfien tal-Ispirtu s-Santu (ara v. 33). Is-sigriet tas-Saltna ta’ Alla jinsab fil-ħwejjeġ żgħar, f’dak li spiss ma narawhx u ma jagħmilx storbju. L-Appostlu Pawlu, li ismu wkoll ifakkarna fiċ-ċokon, jgħix fil-fiduċja għax laqa’ f’qalbu dawn il-kelmiet tal-Vanġelu, hekk li għamel minnhom tagħlim għal ħutu ta’ Korintu: “Id-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin”; “għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija” (1 Kor 1:25,27).

 

Allura, l-aktar għeżież, nixtieq ngħidilkom: bierku ċ-ċokon u ilqgħuh. Dan jgħinkom biex tafdaw f’Alla u f’Alla waħdu. Li nkunu minoranza – u fid-dinja kollha l-Knisja hi minoranza – ma jfissirx li aħna insinifikanti, imma li nimxu fit-triq miftuħa tal-Mulej, li hi dik taċ-ċokon: tal-kenosis, ta’ min jitbaxxa, tal-kondixxendenza, tas-synkatábasis ta’ Alla f’Ġesù Kristu. Hu niżel sa ma nħeba qalb it-tinjiet tal-umanità u fil-pjagi ta’ ġisimna. Salvana billi qdiena. Fil-fatt hu – jistqarr San Pawl – “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2:7). Ħafna drabi għandna l-ossessjoni tad-dehra, tal-viżibbiltà, imma “s-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru” (Lq 17:20). Tiġi bil-moħbi, bħax-xita, naqra naqra, fuq l-art. Ejjew ngħinu lil xulxin inġeddu din il-fiduċja fl-opra ta’ Alla, ma nitilfux il-ħeġġa tas-servizz. Kuraġġ, ejjew nimxu ’l quddiem f’din it-triq tal-umiltà, taċ-ċkunija!

 

U issa nixtieq insemmi t-tieni atteġġjament ta’ Pawlu fl-Arjopagu ta’ Ateni: l-akkoljenza. Hija d-dispożizzjoni interjuri meħtieġa għall-evanġelizzazzjoni: li ma nippruvawx nokkupaw l-ispazju u l-ħajja tal-ieħor, imma niżirgħu l-aħbar it-tajba fl-art tal-ħajja tiegħu, nitgħallmu qabelxejn nilqgħu u nagħrfu ż-żerriegħa li Alla diġà qiegħed fil-qalb tiegħu, minn qabel ma wasalna aħna. Niftakru: Alla dejjem qiegħed hemm qabilna, Alla dejjem jasal fil-post qabel min jiżra’. Meta nevanġelizzaw ma nkunux nimlew kontenitur vojt, imma qabelxejn inkunu noħorġu għad-dawl dak li Alla diġà beda jwettaq. U din hi l-pedagoġija tal-għaġeb li wera l-Appostlu quddiem in-nies ta’ Ateni. Ma jgħidilhomx “qed tiżbaljaw kollox” jew “issa ħa ngħallimkom il-verità jien”, imma jibda billi jilqa’ l-ispirtu reliġjuż tagħhom: “Irġiel ta’ Ateni, qiegħed nara li intom f’kollox nies mill-aktar reliġjużi. Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll altar b’din il-kitba fuqu, ‘Lil Alla Mhux Magħruf’” (Atti 17:22-23). Jaqbad għana li diġà kellhom in-nies ta’ Ateni. L-Appostlu jagħraf li dawk li qed jisimgħuh għandhom dinjità u jilqa’ s-sensibbiltà reliġjuża tagħhom. Imqar jekk it-toroq ta’ Ateni kienu mimlija idoli, li kienu ġagħluh “jinkedd fih innifsu” (ara v. 16), Pawlu jilqa’ x-xewqa ta’ Alla moħbi fil-qalb ta’ dawk il-persuni u b’ġentilezza jixtieq jgħaddilhom il-kobor tal-fidi. L-istil tiegħu mhuwiex li jimponi, imma li jipproponi. Ma jibnihx fuq proselitiżmu – qatt! –, imma fuq il-qalb umli ta’ Ġesù. U dan hu possibbli għax Pawlu għandu ħarsa spiritwali fuq ir-realtà: jemmen li l-Ispirtu s-Santu jaħdem fil-qalb tal-bniedem, lil hemm mit-tikketti reliġjużi. Smajnieh dan mix-xhieda ta’ Rokos. L-ulied jaslu f’punt li jibdew jitbiegħdu xi ftit mill-prattika reliġjuża, imma l-Ispirtu s-Santu kien ħadem u jkompli jaħdem, u hekk huma jemmnu ħafna fl-għaqda, fil-fraternità mal-proxxmu. L-Ispirtu dejjem jaħdem lil hemm minn dak li jidher minn barra, niftakruh dan! Allura l-atteġġjament tal-appostlu ta’ kull żmien jibda mill-akkoljenza tal-ieħor: ma ninsewx li “l-grazzja tissupponi l-kultura, u d-don ta’ Alla jitlaħħam fil-kultura ta’ min jirċevih” (Evangelii gaudium, 115). Ma hemmx grazzja astratta li tgħaddi minn fuq rasna; il-grazzja dejjem titlaħħam f’kultura, hemm tinkarna.

 

Dwar iż-żjara ta’ Pawlu lill-Arjopagu, Benedittu XVI qalilna li għandu jkollna ħafna għal qalbna l-persuni anjostiċi jew atej, imma li rridu noqogħdu attenti għax “meta nitkellmu fuq evanġelizzazzjoni ġdida, dawn il-persuni aktarx jitgerrxu. Ma jridux jaraw lilhom infushom bħala oġġett ta’ missjoni, lanqas jiċħdu l-libertà tagħhom tal-ħsieb u tar-rieda” (Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Diċembru 2009). Minna wkoll illum hu mitlub l-atteġġjament tal-akkoljenza, l-istil tal-ospitalità, qalb mixgħula mix-xewqa ta’ toħloq komunjoni bejn id-differenzi umani, kulturali jew reliġjużi. L-isfida hi li nelaboraw il-passjoni għall-flimkien, li twassalna – Kattoliċi, Ortodossi, aħwa ta’ twemmin ieħor, anki aħwa anjostiċi, kulħadd – biex nisimgħu lil xulxin, noħolmu u naħdmu flimkien, inrawmu l-“mistika” tal-fraternità (ara Evangelii gaudium, 87). L-istorja tal-imgħoddi għadha ġerħa miftuħa fit-triq ta’ dan id-djalogu li jilqa’, imma ejjew inħaddnu bil-kuraġġ l-isfida tal-lum!

 

Għeżież ħuti, San Pawl, hawn fl-art Griega, wera l-fiduċja serena tiegħu f’Alla u dan fetaħlu qalbu għall-Arjopagiti li ssuspettaw fih. B’dawn iż-żewġ atteġġjamenti huwa ħabbar lil dak Alla li ma kienx magħruf għas-semmiegħa tiegħu. U wasal biex jippreżenta l-wiċċ ta’ Alla li f’Ġesù Kristu żera’ fil-qalb tad-dinja ż-żerriegħa tal-qawmien, il-jedd universali għat-tama, li huwa jedd uman, il-jedd għat-tama. Meta Pawlu jxandar din l-aħbar tajba, il-parti l-kbira jwaqqgħuh għaċ-ċajt u jitilqu. Madankollu, “xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom” (Atti 17:34). Il-parti l-kbira jitilqu; fdal ċkejken jingħaqad ma’ Pawlu, fosthom Djonisju, li għalih hu msemmi dan il-Katidral! Huwa fdal ċkejken, imma hu b’dan il-mod li Alla jinseġ il-ħjut tal-istorja, minn dak iż-żmien sa fikom illum. Nawguralkom minn qalbi li tibqgħu għaddejjin b’din il-ħidma fil-laboratorju storiku tagħkom tal-fidi, u li dan tagħmluh b’dawn iż-żewġ ingredjenti, bil-fiduċja u bl-akkoljenza, biex tiggustaw il-Vanġelu bħala esperjenza ta’ ferħ u anki bħala esperjenza ta’ fraternità. Jiena nġorrkom fl-imħabba u fit-talb tiegħi. U intom, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. O Theós na sas evloghi ! [Alla jberrikom!]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard