VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA’ MARZU 2021]

TISLIMA TAL-PAPA LILL-ĠURNALISTI

FIT-TITJIRA DIRETTA LEJN L-IRAQ

 Titjira Papali

Il-Ġimgħa 5 ta’ Marzu 2021

Bruni

L-għodwa t-tajba, Santità, u l-għodwa t-tajba lilkom ilkoll. Wara bosta xhur ninsabu mill-ġdid fuq titjira Papali, wara 15-il xahar. Sadattant inbidlu xi drawwiet u din l-istess immaġni tgħidilna kollox [il-ġurnalisti u l-Papa għandhom il-maskra]: ilkoll irridu nirrispettaw il-miżuri tas-saħħa.

 

Nirringrazzjawk, Santità, li ridt tiġi pellegrin fl-Iraq, l-art ta’ Abraham, mal-poplu tiegħu, l-Insara tiegħu. Xi jiem ilu int għidt: “Ma nistgħux niddeludu poplu darbtejn”, u nirringrazzjawk li ridt kun akkumpanjat minn grupp imdaqqas ta’ ġurnalisti: din ma neħduhiex for granted, qegħdin 74 minn 15-il pajjiż, u 14-il ġurnalista jinsabu għall-ewwel darba fuq titjira Papali. Nistennew il-ġesti u l-kelmiet ta’ dawn il-jiem u intant nirringrazzjawk.

 

Il-Papa

L-għodwa t-tajba u grazzi tal-kumpanija. Grazzi li ġejtu. Kemm jien kuntent li qed nerġa’ nibda l-vjaġġi, u dan hu vjaġġ emblematiku. Huwa wkoll dover lejn art li ilha art tal-martri għal ħafna snin. Grazzi li ġejtu miegħi. Se nfittex li nsegwi l-indikazzjonijiet u ma nieħu b’idejn ħadd, imma ma rridx nibqa’ mbiegħed: se ngħaddi biex insellmilkom mill-qrib. Grazzi ħafna.

 

[jagħmel “dawra” f’nofs il-ġurnalisti]

 

Nawguralkom il-vjaġġ it-tajjeb. Biss nixtieq… Kienu qaluli li waħda minnkom illum tagħlaq sninha, imma forsi kien żball… U t-tieni ħaġa li rrid ngħidilkom hi li hemm assenzi li jinħassu, u llum id-“dekanat” għadda mingħand Valentina [Alazraki] għal għad [Philip] Pulella. Sewditli ftit qalbi l-assenza ta’ Valentina, għax hi kienet magħna, il-Papiet, għal xi 40 sena jew 50… Imma nittamaw li tkun magħna fil-vjaġġ li ġej. U Pulella huwa d-dekan tagħna f’dan il-vjaġġ. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard