VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA’ MARZU 2021]

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA

Stadju “Franso Hariri” f’Erbil

Il-Ħadd 7 ta’ Marzu 2021

 

San Pawl fakkarna li “Kristu hu l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla” (1 Kor 1:24). Ġesù wriena din il-qawwa u dan  l-għerf fuq kollox bil-ħniena u l-maħfra. Ma riedx jagħmel dan b’dimostrazzjonijiet ta’ qawwa jew billi jimponi mill-għoli dak li jrid jgħid hu, lanqas b’diskorsi twal jew wirjiet ta’ xjenza li ma tarax bħalhom. Għamlu billi ta ħajtu fuq is-salib. Kixef l-għerf u l-qawwa divina tiegħu billi wriena, sal-aħħar, il-fedeltà tal-imħabba tal-Missier; il-fedeltà ta’ Alla tal-Patt, li ħareġ lill-poplu tiegħu mill-jasar u mexxieh fit-triq lejn il-libertà (ara Eż 20:1-2).

 

Kemm hu faċli naqgħu fin-nasba li naħsbu li rridu nuru lill-oħrajn li aħna b’saħħitna, li aħna għorrief… Fin-nasba li nagħmlu għalina xbihat foloz ta’ Alla li jagħtuna ċ-ċertezza… (ara Eż 20:4-5). Fir-realtà, hu bil-maqlub, ilkoll kemm aħna għandna bżonn tal-qawwa u tal-għerf ta’ Alla li wriena Ġesù fuq is-salib. Fuq il-Kalvarju, hu offra lill-Missier il-ġrieħi li bihom aħna fiqna (ara 1 Pt 2:24). Hawn fl-Iraq, kemm minn fost ħutkom, ħbieb u konċittadini jġorru l-ġrieħi tal-gwerra u tal-vjolenza, ġrieħi li jidhru u oħrajn li ma jidhrux! It-tentazzjoni hi li nwieġbu għal dawn u għal fatti oħra dolorużi b’qawwa umana, b’għerf uman. Imma Ġesù jurina t-triq ta’ Alla, dik li hu mexa u li fiha jsejħilna nimxu warajh.

 

Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna (Ġw 2:13-25), naraw kif Ġesù keċċa mit-Tempju ta’ Ġerusalemm lis-sarrafa u dawk kollha li kienu qed jixtru u jbigħu. Għaliex Ġesù għamel dan il-ġest hekk qawwi, hekk provokatorju? Għamlu għax il-Missier bagħtu biex isaffi t-tempju: mhux biss it-tempju tal-ġebel, imma fuq kollox dak ta’ qalbna. Kif Ġesù ma felaħx jara d-dar tal-Missier issir suq (ara Ġw 2:16), hekk jixtieq li l-qalb tagħna ma tkunx post ta’ tgerfix, diżordni u konfużjoni. Il-qalb trid titnaddaf, tiġi ordnata, tissaffa. Minn xiex? Mill-qerq li jħammiġha, mill-ipokreziji. Ilkoll għandna minn dawn. Huma mardiet li jagħmlu ħsara lill-qalb, li jdardru l-ħajja, li jġibuha wiċċ b’ieħor. Għandna bżonn niġu mnaddfa miċ-ċertezzi qarrieqa tagħna li jparttu l-fidi f’Alla ma’ ħwejjeġ li jgħaddu, mal-konvenjenzi tal-mument. Għandna bżonn li nnaddfu minn qalbna u mill-Knisja t-tentazzjonijiet qerrieda tal-poter u tal-flus. Biex innaddfu qalbna għandna bżonn inħammġu jdejna: inħossuna responsabbli u ma noqogħdux niċċassaw waqt li ħutna qed ibatu. Imma kif insaffuha qalbna? Waħidna m’aħniex kapaċi, għandna bżonn ta’ Ġesù. Hu għandu s-setgħa li jirbaħ fuq il-ħażen tagħna, li jfejjaq il-mard tagħna, li jirrestawra t-tempju ta’ qalbna.

 

Biex jikkonferma dan, bħala sinjal tal-awtorità tiegħu jgħid: “Ħottu dan it-tempju u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (v. 19). Ġesù Kristu, hu waħdu, jista’ jsaffina mill-opri tal-ħażen, hu li miet u rxoxta, hu li hu l-Mulej! Għeżież ħuti, Alla ma jitlaqniex għal mejta fid-dnub tagħna. Anki meta nagħtuh daharna, qatt ma jitlaqna waħidna. Ifittixna, jiġri warajna, biex isejħilna għall-indiema u biex isaffina. “Daqskemm jien ħaj” – jgħid il-Mulej b’fomm Eżekjel – “ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix” (33:11). Il-Mulej irid li niġu salvati u li nsiru tempju ħaj ta’ mħabbtu, fil-fraternità, fil-qadi u fil-ħniena.

 

Ġesù mhux biss isaffina minn dnubietna, imma jagħtina sehem mill-istess qawwa u għerf tiegħu. Jeħlisna minn mod ta’ kif nifhmu l-fidi, il-familja, il-komunità, li jifred, li jeħodha kontra, li jeskludi, biex nistgħu nibnu Knisja u soċjetà miftuħa għal kulħadd u fejn ngħożżu lil ħutna l-aktar fil-bżonn. U fl-istess waqt iqawwina, biex nistgħu nieqfu lit-tentazzjoni li nfittxu vendetta, li ddaħħalna ġo ċirku vizzjuż u li ma jiqafx ta’ patta b’oħra. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu hu jibgħatna, mhux biex nagħmlu proselitiżmu, imma bħala dixxipli missjunarji tiegħu, irġiel u nisa msejħin biex nagħtu xhieda li l-Vanġelu għandu l-qawwa li jibdel il-ħajja. L-Irxoxt jagħmilna strumenti tal-paċi ta’ Alla u tal-ħniena tiegħu, li bis-sabar u l-kuraġġ insawru ordni soċjali ġdid. Hekk, bil-qawwa ta’ Kristu u tal-Ispirtu tiegħu, iseħħ dak li l-Appostlu Pawlu jħabbar lill-Korintin: “Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1:25). Komunitajiet Insara magħmula minn nies umli u sempliċi jsiru sinjal tas-Saltna li ġejja, Saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi.

 

“Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2:19). Kien qed jitkellem fuq it-tempju ta’ ġismu, jiġifieri wkoll fuq il-Knisja tiegħu. Il-Mulej qed iwegħedna li, bil-qawwa tal-Qawmien tiegħu, jista’ jqajjem lilna u l-komunitajiet tagħna mit-tifrik ikkawżat mill-inġustizzja, mill-firdiet u mill-mibegħda. Hija l-wegħda li qed niċċelebraw f’din l-Ewkaristija. Bl-għajnejn tal-fidi, nagħrfu l-preżenza tal-Mulej mislub u rxoxt f’nofsna, nitgħallmu nilqgħu l-għerf ħellies tiegħu, nistrieħu fil-ġrieħi tiegħu u nsibu l-fejqan u l-qawwa biex naqdu s-Saltna tiegħu li ġejja fid-dinja tagħna. Fil-pjagi tiegħu sibna l-fejqan tagħna (ara 1 Pt 2:24); fil-pjagi tiegħu, għeżież ħuti, insibu l-balzmu tal-imħabba ħanina tiegħu; għax hu, is-Samaritan it-Tajjeb tal-umanità, jixtieq jidlek kull ġerħa, ifejjaq kull tifkira ta’ wġigħ il-qalb u jnebbaħ ġejjieni ta’ paċi u ta’ fraternità f’din l-art.

 

Il-Knisja fl-Iraq, bil-grazzja ta’ Alla, għamlet u qed tagħmel ħafna biex ixxandar dan l-għerf tal-għaġeb tas-salib billi xxerred il-ħniena u l-maħfra ta’ Kristu, speċjalment lejn dawk l-iżjed fil-bżonn. Imqar f’nofs tant faqar u diffikultajiet, ħafna minnkom offrew mill-qalb tajba tagħhom għajnuna konkreta u solidarjetà lill-foqra u lill-batuti. Dan hu wieħed mill-motivi li ġagħluni niġi f’pellegrinaġġ fostkom biex nirringrazzjakom u nikkonfermakom fil-fidi u fix-xhieda tagħkom. Illum, nista’ nara u mmiss b’idejja li l-Knisja fl-Iraq hi ħajja, li Kristu jgħix u jaħdem f’dan il-poplu qaddis u fidil tiegħu.

 

Għeżież ħuti, nafda lilkom, lill-familji tagħkom u l-komunitajiet tagħkom fil-ħarsien matern tal-Verġni Marija, li ġiet imsieħba fil-passjoni u l-mewt ta’ Binha u ħadet sehem fil-ferħ tal-qawmien tiegħu. Ħa tidħol għalina u twassalna għandu, qawwa u għerf ta’ Alla.

 


 

Tislima fi tmiem il-Quddiesa

 

Insellem minn qalbi lill-Qdusija Tiegħu Gewargis III, Catholicos u Patrijarka tal-Knisja Sirjana tal-Orjent, li jgħix f’din il-belt u qed jonorana bil-preżenza tiegħu. Grazzi, grazzi, għażiż Ħija! Flimkien miegħu ngħannaq lill-Insara tad-diversi konfessjonijiet: ħafna hawn xerrdu demmhom fuq l-istess ħamrija! Imma l-martri tagħna jiddu flimkien, kwiekeb fl-istess sema! Minn hemm fuq qed jitolbuna biex nimxu flimkien, bla biża’, lejn il-milja tal-għaqda.

 

Fi tmiem din iċ-Ċelebrazzjoni, irrodd ħajr lill-Arċisqof Mons. Bashar Matti Warda, kif ukoll lil Mons. Nizar Semaan u ħuti l-Isqfijiet l-oħra, li ħadmu tant għal dan il-vjaġġ. Inħossni grat lejkom ilkoll li ħejjejtu għalih u komplejtu takkumpanjawh bit-talb u lqajtuni bi mħabba. Insellem b’mod partikulari lill-popolazzjoni għażiża Kurda. Nesprimi minn qalbi r-rikonoxxenza tiegħi lill-Gvern u lill-awtoritajiet ċivili għall-kontribut indispensabbli tagħhom; u rrodd ħajr lil dawk kollha li, b’ħafna modi, ikkollaboraw fl-organizzazzjoni tal-vjaġġ kollu fl-Iraq, l-awtoritajiet Iraqqini – kollha – u l-ħafna voluntiera. Grazzi lil kulħadd!

 

F’dawn il-jiem li għaddejt f’nofskom, smajt ilħna ta’ wġigħ u ta’ tbatija, imma smajt ukoll ilħna ta’ tama u ta’ faraġ. U dan hu mertu, fil-parti l-kbira, ta’ dik l-opra ta’ ġid bla waqfien li kienet possibbli grazzi għall-istituzzjonijiet reliġjużi ta’ kull konfessjoni, grazzi għall-Knejjes lokali tagħkom u għad-diversi organizzazzjonijiet karitattivi, li jgħinu lin-nies ta’ dan il-pajjiż fl-opra tal-bini mill-ġdid u tat-twelid soċjali ġdid. B’mod partikulari, nirringrazzja lill-membri tar-ROACO u l-aġenziji li jirrappreżentaw.

 

Issa qed joqrob il-mument li nerġa’ lura Ruma. Imma l-Iraq se jibqa’ dejjem miegħi, fil-qalb tiegħi. Nitlob lilkom ilkoll, għeżież ħuti, li taħdmu f’għaqda flimkien għal futur ta’ paċi u ġid li ma jħalli lil ħadd jaqa’ lura u ma jiddiskrimina ma’ ħadd. Niżgurakom mit-talb tiegħi għal dan il-pajjiż maħbub. B’mod partikulari, nitlob biex il-membri tad-diversi komunitajiet reliġjużi, flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, jikkoperaw biex joħolqu rabtiet ta’ fraternità u solidarjetà għall-qadi tal-ġid u tal-paċi. Salam, salam, salam! Shukrán! [Grazzi] Alla jbierek lil kulħadd! Alla jbierek lill-Iraq! Allah ma’akum! [Alla magħkom]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard