VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA’ MARZU 2021]

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA

 

Katidral Kaldew ta’ “San Ġużepp” f’Bagdad

Is-Sibt 6 ta’ Marzu 2021

 

Il-Kelma ta’ Alla llum tkellimna fuq għerf, xhieda u wegħdiet.

 

L-għerf f’dawn l-artijiet ġie miżrugħ sa minn żminijiet l-aktar imbiegħda. It-tiftix tiegħu sa minn dejjem kien isaħħar lill-bniedem; imma spiss min għandu l-iżjed mezzi jista’ jikseb iktar għarfien u jkollu iżjed opportunitajiet, waqt li min għandu inqas jiġi mwarrab. Dan hu nuqqas inaċċettabbli ta’ ugwaljanza, li llum iktar xtered. Imma l-Ktieb tal-Għerf jissorprendina, għax jaqleb il-perspettiva ta’ taħt fuq. Jgħid li “ż-żgħir isib mogħdrija u ħniena, imma l-kbir bil-kbir jaqlagħha” (Għerf 6:6). Għad-dinja, min għandu inqas hu mormi u min għandu iżjed hu pprivileġġjat. Imma għal Alla le: min għandu iżjed poter ikollu joqgħod għal eżami iktar rigoruż, waqt li dawk li jinsabu fl-aħħar post huma l-ipprivileġġjati ta’ Alla.

 

Ġesù, li hu nnifsu hu l-Għerf, fil-Vanġelu jtemm sal-aħħar dan it-taqlib ta’ taħt fuq: mhux f’mument kien li kien, imma fil-bidu tal-ewwel diskors tiegħu, bil-Beatitudnijiet. It-taqlib ta’ taħt fuq hu totali: il-foqra, dawk li jibku, l-ippersegwitati huma msejħa henjin. Kif jista’ jkun? Henjin, għad-dinja, huma l-għonja, is-setgħana, il-famużi! Jiswa xi ħaġa min għandu, min jiflaħ, min hu importanti! Għal Alla le: mhuwiex ikbar min għandu ħafna, imma min hu fqir fl-ispirtu; mhux min jiflaħ iżjed mill-oħrajn, imma min hu ta’ qalb ħelwa u umli ma’ kulħadd; mhux min hu mfaħħar mill-ġmiegħi, imma min hu ħanin ma’ ħutu. Hawn jista’ jidħlilna dubju: jekk ngħix kif qed jgħid Ġesù, x’sa nikseb? Ma nkunx nirriskja li niġi mwarrab mill-oħrajn? Jaqbilli li nagħti widen għall-proposta ta’ Ġesù? Jew hi telliefa? Mhix telliefa, imma għarfa.

 

Il-proposta ta’ Ġesù hi għarfa għax l-imħabba, li hija l-qalba tal-Beatitudnijiet, imqar jekk tidher dgħajfa f’għajnejn id-dinja, fir-realtà toħroġ rebbieħa. Fuq is-salib dehret iktar qawwija mid-dnub, fil-qabar għelbet il-mewt. Hija l-istess imħabba li għamlet lill-martri rebbieħa fit-tiġrib, u kemm kellna minnhom fl-aħħar seklu, iktar milli f’ta’ qabel! L-imħabba hija l-qawwa tagħna, il-qawwa ta’ tant ħutna li hawn ukoll ġarrbu preġudizzji u offiżi, maltrattamenti u persekuzzjonijiet minħabba fl-isem ta’ Ġesù. Imma waqt li s-setgħa, il-glorja u l-vanità tad-dinja jgħaddu, l-imħabba tibqa’: kif qalilna l-Appostlu Pawlu, din “ma tintemm qatt” (1 Kor 13:8). Għalhekk, meta ngħixu l-Beatitudnijiet inkunu nagħmlu etern dak li jgħaddi. Inkunu nniżżlu s-Sema fuq l-art.

 

Imma kif nipprattikawhom il-Beatitudnijiet? Dawn ma jitolbuniex nagħmlu ħwejjeġ straordinarji, li nwettqu ħwejjeġ li jmorru lil hemm mill-ħiliet tagħna. Jitolbu minna x-xhieda tal-ħajja ta’ kuljum. Hieni hu min jgħix b’qalb ħelwa, min iħaddem il-ħniena hemm fejn jinsab, min iżomm qalbu safja hemm fejn jgħix. Biex insiru henjin m’għandniex bżonn li kull tant u tant inkunu eroj, imma li ta’ kuljum inkunu xhieda. Ix-xhieda hija t-triq biex inlaħħmu fina l-għerf ta’ Ġesù. Hekk nibdluha d-dinja: mhux bil-poter u bil-qawwa, imma bil-Beatitudnijiet. Għax hekk għamel Ġesù, għex sal-aħħar dak li kien qal fil-bidu. Kollox qiegħed fix-xhieda tal-imħabba ta’ Ġesù, dik l-istess imħabba li San Pawl ifissirha b’mod tal-għaġeb fit-Tieni Qari tal-lum. Naraw kif jippreżentaha.

 

L-ewwel ħaġa jgħid li “l-imħabba taf tistabar u tħenn” (v. 4). Ma konniex qed nistennewh dan l-aġġettiv. L-imħabba donnha sinonima mat-tjieba, il-ġenerożità, l-opri tajba, imma San Pawl jgħid li l-imħabba qabelxejn taf tistabar u tħenn. Hija kelma li, fil-Bibbja, tirrakkonta s-sabar ta’ Alla. Matul l-istorja l-bniedem kompla jittradixxi l-patt miegħu, jaqa’ fid-dnubiet tas-soltu, u l-Mulej, flok ma xeba’ u dabbar rasu, kull darba baqa’ fidil, ħafer, reġa’ beda mill-ġdid. Is-sabar li tibda kull darba mill-ġdid hu l-ewwel kwalità tal-imħabba, għax l-imħabba ma żżommx f’qalbha, imma dejjem terġa’ tibda mill-ġdid. Ma tagħmilx f’qalbha għad-deni, imma terġa’ tibda; ma taqtax qalbha, imma tibqa’ kreattiva. Quddiem il-ħażen ma ċċedix, ma tirrassenjax ruħha. Min iħobb ma jingħalaqx fih innifsu meta l-affarijiet ikunu sejrin ħażin, imma jwieġeb għall-ħażin bit-tajjeb, għax jiftakar fl-għerf rebbieħ tas-salib. Ix-xhud ta’ Alla hekk jagħmel: mhuwiex passiv, fatalista, ma jinġarrx miċ-ċirkustanzi, mill-istint u mill-mument, imma jittama dejjem, għax iżomm sħiħ fl-imħabba li “kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti” (v. 7).

 

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: u jien, kif nirreaġixxi għas-sitwazzjonijiet li ma jkunux sejrin sew? Quddiem il-kuntrarju dejjem hemm żewġ tentazzjonijiet. L-ewwel hi l-ħarba: naħarbu, nagħtu daharna, ma rridux nafu iżjed. It-tieni hi li nirreaġixxu bir-rabja, bil-vjolenza. Dan hu li jiġrilhom id-dixxipli fil-Ġetsemani: quddiem id-disfatta, ħafna ħarbu u Pietru qabad is-sejf. Imma la l-ħarba u lanqas is-sejf ma solvew xejn. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, bidel l-istorja. Kif? Bil-qawwa umli tal-imħabba, bix-xhieda kollha sabar tiegħu. U hekk aħna msejħin nagħmlu aħna; hekk Alla jwettaq il-wegħdiet tiegħu.

 

Wegħdiet. L-għerf ta’ Ġesù, li jitlaħħam fil-Beatitudnijiet, jitlob ix-xhieda u joffri l-ħlas, li jinsab fil-wegħdiet divini. Fil-fatt naraw li għal kull Beatitudni hemm wegħda: min jgħixhom ikollu s-saltna tas-smewwiet, ikun imfarraġ, ikun imxebba’, jara lil Alla… (ara Mt 5:3-12). Il-wegħdiet ta’ Alla jiżguraw ferħ li m’hemmx bħalu u ma jiddeluduniex. Imma kif iseħħu? Permezz tad-dgħufijiet tagħna. Alla jhenni lil dawk li jimxu sal-aħħar fit-triq tal-faqar ġewwieni tagħhom. It-triq hija din, ma hemmx oħra. Inħarsu lejn il-patrijarka Abraham. Alla wiegħdu nisel kbir, imma hu u Sara kienu anzjani u bla wlied. Proprju fix-xjuħija tagħhom, li taf tistabar u tafda, Alla jwettaq l-għeġubijiet u jagħtihom iben. Inħarsu lejn Mosè: Alla jwiegħdu li ħa jeħles lill-poplu mill-jasar u għalhekk jitolbu jmur ikellem lill-Fargħun. Mosè jfakkru li hu jlaqlaq biex jitkellem; imma Alla jwettaq il-wegħda permezz tal-kliem tiegħu. Inħarsu lejn il-Madonna, li proprju meta quddiem il-Liġi ma setax ikollha tfal tiġi msejħa biex issir omm. U nħarsu lejn Pietru: jiċħad lill-Mulej u Ġesù jsejjaħ proprju lilu biex iwettaq lil ħutu. Għeżież ħuti, xi drabi nistgħu nħossuna bla ħila, inutli. Ejjew ma nemmnux li hu hekk, għax Alla jrid iwettaq l-għeġubijiet proprju permezz tad-dgħufijiet tagħna.

 

Hu jħobb jagħmlu dan, u llejla, għal tmien darbiet, qalilna ţūb’ā [henjin], biex jurina li miegħu aħna tassew hekk. Veru, aħna mġarrbin, naqgħu spiss, imma ma rridux ninsew li, ma’ Ġesù, aħna henjin. Dak li d-dinja teħdilna mhu xejn ħdejn l-imħabba ħelwa u kollha sabar li biha l-Mulej iwettaq il-wegħdiet tiegħu. Għażiża oħti, għażiż ħija, forsi tħares lejn idejk u tarahom battala, forsi qalbek maqtugħa u tħoss li l-ħajja ma mxietx sew miegħek. Jekk hu hekk, tibżax: il-Beatitudnijiet huma għalik, għalik li tinsab mifni, bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, ippersegwitat. Il-Mulej qed iwiegħdek li ismek hu miktub fil-qalb tiegħu, fis-Smewwiet! U jien illum irroddlu ħajr magħkom u għalikom, għaliex hawn, fejn fil-qedem xiref l-għerf, fi żminijietna qamu tant xhieda, spiss imwarrba mill-aħbarijiet, imma prezzjużi f’għajnejn Alla; xhieda li għexu l-Beatitudnijiet u hekk jgħinu lil Alla jwettaq il-wegħdiet tiegħu ta’ paċi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard