VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA’ MARZU 2021]

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FIT-TITJIRA LURA

 Titjira Papali

It-Tnejn 8 ta’ Marzu 2021

 

Matteo Bruni:

L-għodwa t-tajba, Santità. L-għodwa t-tajba lilkom ilkoll. Grazzi ta’ dan il-vjaġġ stroardinarju li mess l-istorja ta’ dan il-pajjiż, tant imkejjen u anki l-qalb ta’ tant Iraqqini u ta’ tant li setgħu jsegwu dawn il-jiem, anki grazzi għall-ħidma tal-kollegi ġurnalisti. Hawn magħna wkoll Mons. Dieudonné Datonou, li ħadem għat-twettiq ta’ dan il-vjaġġ… “ix-xeriff il-ġdid”! Nirringrazzaw lilu wkoll għall-ħidma tiegħu, li kien jaf li seta’ jserraħ fuq l-esperjenza tal-Uffiċċju Vjaġġi tas-Segreterija tal-Istat u anki fuq l-esperjenza ta’ tant biċċiet mill-istruttura tas-Santa Sede li kellhom sehem fl-organizzazzjoni tal-vjaġġ. U issa, jekk trid, kelma ta’ tislima u mbagħad hemm xi ftit tal-mistoqsijiet min-naħa tal-ġurnalisti, fuq dawn il-jiem.

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn, grazzi tal-ħidma tagħkom u l-kumpanija tagħkom… u tat-taħbit tagħkom!

 

It-tieni, illum hu jum il-mara: awguri lin-nisa. Il-festa tal-mara… Konna qed ngħidu: għaliex ma hemmx il-festa tal-irġiel… Anki fil-laqgħa mas-Sinjura tal-President [tar-Repubblika tal-Iraq], għidtilha: “Għax aħna l-irġiel dejjem niffesteġġjaw, le!”. Hemm bżonn ta’ festa għan-nisa. Il-mara tal-President tkellmet tajjeb fuq in-nisa, qaltli ħwejjeġ sbieħ illum: dik il-qawwa li għandhom in-nisa biex ikomplu għaddejjin bil-ħajja, bl-istorja, bil-familja… tant affarijiet.

 

U awguri lil kulħadd!

 

U t-tielet: illum, u mhux l-aħħar darba, tagħlaq sninha l-ġurnalista tal-Cope! Awguri! Hemm bżonn niffesteġġjaw… Imbagħad naraw kif… Issa l-kelma f’idejkom.

 

Matteo Bruni:

L-ewwel mistoqsija, Santità, ġejja proprju mid-dinja Għarbija, minn Imad Atrach, ġurnalista ta’ Sky News Arabia.

 

Imad Abdul Karim Atrach (Sky News Arabia):

Santità, sentejn ilu f’Abu Dhabi kien hemm il-laqgħa tiegħek mal-Imam al-Tayyeb ta’ al-Azhar u l-firma tad-Dikjarazzjoni fuq il-fraternità. Tlitt ijiem ilu int iltqajt ma’ al-Sistani: wieħed jista’ forsi jaħseb f’xi ħaġa simili mal-wiċċ Xiita tal-Iżlam? U mbagħad it-tieni ħaġa: il-Libanu, li San Ġwanni Pawlu II kien jgħid li hu iktar minn pajjiż, hu messaġġ. Dan il-messaġġ, b’xorti ħażina, jien, bħala Libaniż, ngħidlek li qed jgħib fix-xejn. Nistgħu naħsbu fi żjara futura, imminenti, tiegħek lil-Libanu? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Id-dokument ta’ Abu Dhabi tal-4 ta’ Frar [2019] tħejja mal-Imam il-kbir bil-moħbi, għal sitt xhur, aħna u nitolbu, nirriflettu, nikkoreġu t-test. Kien, ngħidlek jien – u xi b’mod xi ftit prużuntuż, ħuduha bħala preżunzjoni – l-ewwel pass għal dan li int qed tistaqsini. Nistgħu ngħidu li dan [ma’ al-Sistani] ikun it-tieni. U se jkun hemm oħrajn. Importanti, il-mixja tal-fraternità. Imbagħad, iż-żewġ dokumenti: dak ta’ Abu Dhabi ħallieni naħseb fuq il-fraternità, u ħarġet [l-Enċiklika] Fratelli tutti. Iż-żewġ dokumenti rridu nistudjawhom għax jippuntaw fl-istess direzzjoni, ifittxu… il-fraternità. L-Ayatollah al-Sistani għandu frażi li qed nipprova niftakar tajjeb: il-bnedmin huma, jew aħwa bir-reliġjon jew indaqs bil-ħolqien. Il-fraternità u l-ugwaljanza, imma ’l isfel mill-ugwaljanza ma nistgħux immorru. Nemmen li hi triq kulturali wkoll. Naħsbu fina l-Insara, fil-Gwerra tat-Tletin Sena, fil-Lejl ta’ San Bartilmew, biex nagħti eżempju. Naħsbu f’dan. Kif fostna tinbidel il-mentalità. Għax il-fidi tagħna tgħinna niskopru li hekk hu, ir-rivelazzjoni ta’ Ġesù hija l-imħabba u l-imħabba twassal għal dan. Imma kemm sekli kellhom jgħaddu biex inwettquh!

 

Din hi ħaġa importanti, il-fraternità umana, li bħala bnedmin aħna lkoll aħwa, u jeħtieġ nimxu ’l quddiem mar-reliġjonijiet l-oħra. Il-Konċilju Vatikan II għamel pass kbir ħafna f’dan; imbagħad anki l-istituzzjonijiet, il-Kunsill għall-għaqda tal-Insara u l-Kunsill għad-djalogu interreliġjuż: il-Kardinal Ayuso qiegħed magħna llum. Int bniedem, int iben ta’ Alla, int ħija, daqshekk. Din tkun l-ikbar indikazzjoni, u ħafna drabi rridu nirriskjaw biex nagħmlu dan il-pass. Int taf li hemm ċerta kritika: li l-Papa mhux kuraġġjuż, li ma jagħtix kas, li qed jagħmel passi kontra d-duttrina Kattolika, li jinsab pass biss bogħod mill-ereżija… Hemm ir-riskji. Imma dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu dejjem fit-talb, fid-djalogu, billi wieħed jitlob parir, fir-riflessjoni. Mhumiex kapriċċ, u huma wkoll il-linja li l-Konċilju għallimna. Dan dwar l-ewwel mistoqsija tiegħek.

 

It-tieni: il-Libanu hu messaġġ. Il-Libanu qed ibati, il-Libanu hu iżjed minn miżien, għandu d-dgħufija tad-differenzi, xi wħud għadhom mhux irrikonċiljati, imma għandu l-qawwa tal-poplu kbir irrikonċiljat, bħall-qawwa taċ-ċedri. Il-Patrijarka Raï talabni biex, f’dan il-vjaġġ, nagħmel waqfa f’Bejrut, imma deherli li jkun ftit wisq. Loqma żgħira quddiem problema, pajjiż li qed ibati bħalma hu l-Libanu. Ktibtlu ittra, wegħedtu li nagħmel vjaġġ. Imma l-Libanu bħallissa jinsab fi kriżi, imma fi kriżi – ma rridx noffendi – fi kriżi ta’ ħajja. Il-Libanu hu tant ġeneruż, jilqa’ tant immigranti… Dan hu t-tieni vjaġġ.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. It-tieni mistoqsija ġejja minn Johannes Neudecker, tal-aġenzija tal-istampa Ġermaniża Dpa.

 

Johannes Claus Neudecker (aġenzija tal-istampa Ġermaniża Dpa):

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija tiegħi wkoll hi fuq il-laqgħa ma’ al-Sistani. Il-laqgħa ma’ al-Sistanti kemm kienet messaġġ anki lill-kapijiet reliġjużi tal-Iran?

 

Il-Papa Franġisku:

Nemmen li kien messaġġ universali. Ħassejtni fid-dmir, f’dan il-pellegrinaġġ ta’ fidi u ta’ penitenza, li mmur għand bniedem kbir, għaref, raġel ta’ Alla. U dan tifhmu biss meta tisimgħu. La qed nitkellmu fuq messaġġi, jien ngħid: huwa messaġġ għal kulħadd, huwa messaġġ għal kulħadd. U huwa persuna li għandha dak l-għerf… u anki l-prudenza. Hu qalli: “Ilni għaxar snin – naħseb xi ħaġa hekk qalli – ma nilqa’ nies li jiġu jżuruni bi skopijiet oħra, politiċi u kulturali, le, reliġjużi biss”. U hu wera rispett kbir, rispett kbir fil-laqgħa, u jiena ħassejtni onorat. Anki fit-tislima: hu qatt ma jqum bilwieqfa, imma qam, biex isellimli, għal darbtejn. Huwa bniedem umli u għaref. Lili għamlitli ġid kbir din il-laqgħa. Hija dawl. U dawn l-għorrief issibhom kullimkien, għax l-għerf ta’ Alla ġie mxerred mad-dinja kollha. L-istess jiġri wkoll mal-qaddisin, li mhumiex biss dawk li hemm fuq l-altari. Huma l-qaddisin ta’ kuljum, dawk li jiena nħobb insejjaħ “tal-bieb ta’ maġenbna”, il-qaddisin – irġiel u nisa – li jgħixu l-fidi tagħhom, hi liema hi, b’koerenza, li jgħixu l-valuri umani b’koerenza, il-fraternità b’koerenza. Jiena nemmen li rridu niskopru lil dawn in-nies, nuruhom, għax hemm tant eżempji… Meta jkun hemm l-iskandli, anki fil-Knisja, ħafna, u dan ma jgħinx… Imma lin-nies li qed ifittxu t-triq tal-fraternità ejjew nuruhom il-qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna, u nsibu nies bħal dawn fil-familja tagħna, żgur mhux forsi: xi nannu, xi nanna… Żgur!

 

Matteo Bruni:

It-tielet mistoqsija ġejja proprju minn Eva Maria Fernández Huescar, ta’ Cope, li nerġgħu nawgurawlha.

 

Eva Maria Fernández Huescar (Cadena Cope 31H):

Santità, xi pjaċir li rġajna bil-konferenzi stampi! Sbieħ wisq!

 

F’dawn il-jiem, il-vjaġġ tiegħek fl-Iraq kellu riperkussjoni enormi fuq id-dinja kollha. Taħseb int li dan jista’ jkun il-vjaġġ tal-Pontifikat tiegħek? Intqal ukoll li kien l-iżjed wieħed riskjuż: kien hemm xi mument tal-vjaġġ li fih bżajt? U issa li rġajna bdejna bil-vjaġġi u int wasalt f’tarf it-tmien sena tal-pontifikat, għadek taħseb li ħa jkun qasir? U mbagħad, il-mistoqsija kbira ta’ dejjem, Santità, il-mistoqsija l-kbira: se tirritorna xi darba l-Arġentina? U la ġejna f’dan, jiena Spanjola: se jasal qatt il-jum li fih il-Papa jiġi Spanja? Grazzi, Santità!

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi, Eva. Ġagħaltek tiċċelebra għeluq sninek darbtejn: darba qabel u darba wara.

 

Ħa nibda mill-aħħar waħda, li hi mistoqsija…, nifhmek…, għax hemm dak il-ktieb tal-ħabib ġurnalista tiegħi Nelson Castro, tabib: hu kien ħareġ ktieb fuq il-mard tal-presidenti u jien darba għidtlu, [meta kont] diġà f’Ruma: hemm bżonn tagħmel wieħed fuq il-mard tal-Papiet, għax interessanti nsiru nafu l-mardiet tal-Papiet, tal-inqas minn xi żmien ’l hawn. Beda jiktbu; għamilli intervista; ħareġ il-ktieb. Qaluli li hu tajjeb, għadu ma ġiex f’idejja. Hu staqsieni: “Jekk tirriżenja – jekk immut jew jekk nirriżenja –, jekk tirriżenja, terġa’ tmur l-Arġentina jew tibqa’ hawn?” – “Jien mhux ħa nerġa’ lura l-Arġentina – hekk qal – ħa nibqa’ hawn, fid-djoċesi tiegħi”. Imma fuq dik l-ipoteżi – dan norbtuh mal-mistoqsija fuq meta sejjer l-Arġentina jew għalfejn ma mmurx – jiena nwieġeb dejjem b’xi ftit ironija: għaddejt 76 sena l-Arġentina, biżżejjed, le?

 

Imma hemm ħaġa li, ma nafx għalfejn, ma tingħadx: kien ipprogrammat vjaġġ fl-Arġentina f’Novembru 2017. Bdejna naħdmu fuqu: kont ser mmur iċ-Ċili, l-Arġentina u l-Urugwaj. Imma mbagħad – aktarx kien lejn tmiem Novembru – imma mbagħad, f’dak iż-żmien iċ-Ċili kien fil-kampanja elettorali, għax f’dawk il-jiem, f’Diċembru, kien ġie elett is-suċċessur ta’ Michelle Bachelet, u jien kelli mmur qabel jinbidel il-gvern, ma stajtx nagħmel iżjed minn hekk. Imma li mmur f’Jannar iċ-Ċili u mbagħad f’Jannar l-Arġentina u l-Urugwaj ma kienx possibbli, għax Jannar hu bħal Awwissu tagħna, Lulju-Awwissu, għaż-żewġ pajjiżi. U meta rġajna ħsibna l-ħaġa, issuġġerewli: Għax ma taqbadx il-Perù? Għax il-Perù kien inqabeż fil-vjaġġ Ekwador-Bolivja-Paragwaj, kien baqa’ barra. U minn hemm twieled il-vjaġġ ta’ Jannar fiċ-Ċili u l-Perù. Dan ridt ngħidu, biex ma jibnux kastelli fl-arja ta’ “patrijafobija”. Meta tinqala’ l-opportunità, irid isir, għax hemm l-Arġentina, l-Urugwaj u n-nofsinhar tal-Brażil, li hu kompożizzjoni kulturali kbira ħafna.

 

Barra dan, fuq il-vjaġġi: biex nieħu deċiżjoni fuq il-vjaġġi, jiena nisma’; l-istediniet huma ħafna. Nisma’ l-parir tal-kunsilliera u anki tan-nies. Xi kultant jiġi xi ħadd u ngħidlu: X’taħseb, għandi mmur f’dak il-post? Jagħmilli l-ġid li nisma’, dan jgħinni nieħu deċiżjonijiet ’il quddiem. Nisma’ l-kunsilliera xi jgħidu u fl-aħħar nitlob, nitlob, nirrifletti ħafna, fuq xi vjaġġi rriflettejt ħafna. U mbagħad id-deċiżjoni tiġi minn ġewwa: isir! Kważi spontanja, imma bħala frott matur. Hija triq twila. Xi wħud huma iżjed diffiċli, oħrajn iżjed faċli.

 

Id-deċiżjoni fuq dan il-vjaġġ ġejja minn qabel: l-ewwel stedina tal-Ambaxxatriċi ta’ qabel, tabiba tat-tfal li kienet Ambaxxatriċi tal-Iraq: brava, brava, insistiet. Imbagħad ġiet l-Ambaxxatriċi fl-Italja, li hija mara ‘tal-ġlied’. Imbagħad ġie l-Ambaxxatur il-ġdid fil-Vatikan, li tħabat hu wkoll. L-ewwel, kien ġie l-President. Dawn l-affarijiet kollha baqgħu ġo fija. Imma hemm ħaġa qabel kollox, li rrid insemmi: wieħed minnkom irregalali l-edizzjoni Spanjola ta’ L-aħħar tfajla [ta’ Nadia Mourad]. Jien qrajtu bit-Taljan. Imbagħad għaddejtu lil Elisabetta Piqué biex taqrah hi. Qrajtu? Ftit jew wisq… Hemm l-istorja tal-Yazidi. U Nadia Mourad hemm tirrakkonta dik il-ħaġa tal-biża’, tal-biża’… Nagħtikom parir taqrawh. F’xi punti, billi hu bijografiku, jista’ jidher fi ftit peżanti, imma għalija dan hu t-tessut [il-motiv] li fuq bnejt id-deċiżjoni tiegħi. Dak il-ktieb tibqa’ tberren fuqu ġo fik, ġo fik… U anki meta smajt lil Nadia, li ġiet hawn tirrakkontali l-affarijiet… Terribbli! Imbagħad, bil-ktieb, dawn l-affarijiet kollha flimkien wasslu għad-deċiżjoni, ħsibt fuqhom kollha, il-problematiċi kollha, ħafna… Imma fl-aħħar waslet id-deċiżjoni u ħadtha.

 

Imbagħad, it-tmien sena tal-pontifikat. Ma nafx jekk il-vjaġġi humiex se jieħdu ritmu iktar bil-mod jew le, nistqarr magħkom biss li f’dan il-vjaġġ għejejt ħafna iżjed milli fl-oħrajn. L-84 [sena] ma jiġux waħidhom! Huma konsegwenza… Imma issa naraw. Issa [f’Settembru] irrid immur l-Ungerija għall-Quddiesa tal-għeluq tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Mhux żjara lill-pajjiż, imma għall-quddiesa. Imma Budapest sagħtejn hu bogħod minn Bratislava: għax ma nagħmlux żjara lis-Slovakki? Ma nafx… U hekk ħaġa twassal għall-oħra…

 

Aaron Patrick Harlan (The Washington Post):

Grazzi, Santità! Dan il-vjaġġ ovvjament kellu sinifikat straordinarju għall-persuni li setgħu jarawk, imma kien okkażjoni ta’ ġrajjiet li ħolqu l-kundizzjonijiet biex jixtered il-virus, b’mod partikulari għall-persuni mhux imlaqqmin, f’mases kbar, huma u jkantaw. Meta vvalutajt il-vjaġġ u dak li kien sa jġib miegħu, ma ħassbekx ukoll il-fatt li l-persuni li kienu sa jiġu jarawk setgħu jimirdu u saħansitra jmutu? Tista’ tfissrilna r-riflessjonijiet u l-previżjonijiet tiegħek?

 

Il-Papa Franġisku:

Kif għidt dan l-aħħar, il-vjaġġi “jintisġu” maż-żmien fil-kuxjenza tiegħi, u din hi waħda mill-affarijiet li kienet qed tagħfas fuqi, tagħfas… Ħsibt ħafna, tlabt ħafna fuq dan u fl-aħħar ħadt id-deċiżjoni, liberament, li kienet ġejja minn ġewwa. U jien għidt: Dak li jwassalni biex niddeċiedi, jieħu ħsieb tan-nies. U hekk ħadt id-deċiżjoni, hekk, imma wara li tlabt u bl-għarfien tar-riskji. Wara dan kollu.

 

Matteo Bruni:

Grazzi. Il-mistoqsija li jmiss ġejja minn Philippine De Saint Pierre, M.C. KTO.

 

Philippine de Saint Pierre (M.C. KTO):

Santità, rajna l-kuraġġ, id-dinamiżmu tal-Insara Iraqqini, rajna wkoll l-isfidi li jridu jiġu affrontanti, it-theddida tal-vjolenza Iżlamista, l-eżodu u x-xhieda tal-fidi fl-ambjent tagħhom. Dawn huma l-isfidi tal-Insara fir-reġjun kollu. Tkellimna fuq il-Libanu, imma anki fuq is-Sirja, l-Art Imqaddsa… Għaxar snin ilu sar Sinodu għal-Lvant Nofsani, imma l-iżvilupp tiegħu twaqqaf mill-attakk fuq il-Katidral ta’ Bagdad. Taħseb li tista’ tagħmel xi ħaġa għal-Lvant Nofsani kollu, sinodu reġjonali jew xi inizjattiva oħra?

 

Il-Papa Franġisku:

M’iniex naħseb f’Sinodu. L-inizjattivi iva, jiena miftuħ għal ħafna, imma Sinodu ma ġiex f’moħħi. Int xħitt l-ewwel żerriegħa, naraw, naraw x’jiġri.

 

Il-ħajja tal-Insara fl-Iraq hija ħajja mġarrba, imma mhux biss dik tal-Insara… Għadni kemm tkellimt fuq il-Yazidi…, u reliġjonijiet oħra li ma qagħdux għall-poter ta’ Daesh. U dan, ma nafx għaliex, imma dan tahom qawwa kbira ħafna. Hemm il-problema li qed issemmi int tal-migrazzjoni. Ilbieraħ aħna u ġejjin lura bil-karozza minn Qaraqosh għal Erbil, [kien hemm] ħafna nies, żgħażagħ, l-età hi baxxa ħafna. Tant żgħażagħ. U l-mistoqsija li għamilli xi ħadd: Imma liema hu l-futur għal dawn iż-żgħażagħ? Fejn se jmorru? Ħafna jkollhom iħallu l-pajjiż, ħafna. Qabel ma tlaqt għall-vjaġġ, l-aħħar darba, il-Ġimgħa, ġew isellmuli tnax-il refuġjat Iraqqin: wieħed kellu siequ maqtugħa għax kien ħarab minn taħt it-trakkijiet u kellu inċident… Ħarbu, ħafna, ħafna. Il-migrazzjoni hija dritt doppju: dritt li ma jemigrawx u dritt li jemigraw. Dawn in-nies ma għandhom ebda wieħed minnhom, għax ma jistgħux ma jemigrawx, imma ma jafux kif ħa jagħmlu dan. U ma jistgħux jemigraw għax id-dinja għadha ma għarfitx li l-migrazzjoni hija dritt uman.

 

Kien qed jgħidli soċjologu Taljan, xħin tkellimna fuq ix-xitwa demografika fl-Italja: “Fi żmien erbgħin sena jkollna ‘nimportaw’ il-barranin biex jaħdmu u jħallsu t-taxxi tal-pensjonijiet tagħna”. Intom il-Franċiżi kontu moħħok jilħqilkom, kontu għaxar snin qabilna bil-liġi tas-sostenn tal-familja, il-livell tal-popolazzjoni tagħkom qed jogħla ħafna. Imma l-migrazzjoni hemm qisha invażjoni. Ilbieraħ ridt – għax talabni hu – nilqa’, wara l-quddiesa, lil missier Alan Kurdi, dak it-tifel… Huwa simbolu, Alan Kurdi huwa simbolu; għalhekk irregalajt l-iskultura tal-FAO. Huwa simbolu li jmur lil hemm minn tifel li miet fil-migrazzjoni: simbolu ta’ ċiviltajiet mejta, ta’ ċiviltajiet li qed imutu, li ma jistgħux jgħixu, simbolu ta’ umanità. Hemm bżonn ta’ miżuri urġenti biex in-nies issib xogħol f’pajjiżha stess u ma jkollhiex bżonn temigra. U miżuri wkoll li jħarsu d-dritt tal-migrazzjoni. Huwa minnu li kull pajjiż irid jistudja tajjeb kemm jiflaħ jieħu. Għax mhix biss kwistjoni li tilqagħhom u tħallihom fuq ix-xatt; triq tilaqgħhom, takkumpanjahom, tgħinhom jimxu ’l quddiem u tintegrahom. L-integrazzjoni tal-migranti hija ċ-ċavetta. Żewġ anneddoti: f’Zaventem, fil-Belġju, it-terroristi kienu Belġjani, twieldu l-Belġju imma emigranti Iżlamiċi magħluqin f’ghetto, mhux intergrati. L-eżempju l-ieħor, meta mort l-Iżvezja, sellmitli jiena u nħalli l-pajjiż il-ministru: kienet żagħżugħa ħafna u kellha fiżjonomija partikulari, li mhix tipika tal-Iżvediżi. Kienet bint migrant u Żvediża: tant integrata li laħqet ministru! Ejjew inħarsu lejn dawn iż-żewġ affarijiet, li jġagħluna naħsbu ħafna, ħafna, ħafna. Tintegra. Fuq il-migrazzjoni, li nemmen hi d-dramma tar-reġjun. Nixtieq anki nirringrazzja lill-pajjiżi ġenerużi, il-pajjiżi li jilqgħu l-migranti: il-Libanu, il-Libanu kien ġeneruż mal-migranti, żewġ miljuni ta’ Sirjani hemm, jidhirli… [miljun u nofs ta’ Sirjani u fuq 400 elf Palestinjan]; il-Ġordan – b’xorti ħażina m’aħniex ħa ngħaddu [bit-titjira] minn fuq il-Ġordan – is-Sultan hu hekk ġentili, ir-Re Abdullah, ried jagħmlilna omaġġ bl-ajruplani aħna u għaddejjin, nirringrazzjah issa; il-Ġordan hu ġeneruż ħafna: fuq miljun u nofs ta’ migranti. U tant pajjiżi oħra, biex insemmi tnejn biss. Grazzi lil dawn il-pajjiżi ġenerużi! Grazzi, grazzi ħafna!

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija li jmiss hija bit-Taljan mill-ġurnalista Stefania Falasca, minn Avvenire.

 

Stefania Falasca (Avvenire):

Int, fi tlitt ijiem, f’dan il-pajjiż, li huwa pajjiż muftieħ għal-Lvant Nofsani, għamilt dak li s-setgħanin tal-art ilhom jiddiskutu tletin sena. Int diġà fissirt liema hu l-ġenesi interessanti tal-vjaġġi tiegħek, kif jinbtu l-għażliet tal-vjaġġi tiegħek, imma issa f’din is-sitwazzjoni, bil-Lvant Nofsani wkoll fi ħsiebek, tista’ ddaħħal ukoll fil-lista vjaġġ lis-Sirja? Liema jistgħu jkunu l-objettivi minn hawn sa sena oħra ta’ postijiet oħra fejn hi mitluba l-preżenza tiegħek?

 

Il-Papa Franġisku:

Fuq il-Lvant Nofsani, l-unika ipoteżi, u anki l-wegħda, hi l-Libanu. Ma ħsibtx fi vjaġġ ieħor fis-Sirja, ma ħsibtx fih għax ma ġitnix l-ispirazzjoni. Imma ninsab tant qrib tal-maħbuba u maħbuta Sirja, kif insejħilha jien. Niftakar fil-bidu tal-pontifikat dik il-lejla ta’ talb fi Pjazza San Pietru, kien hemm l-adorazzjoni tas-Santissmu, tlabna r-rużarju… Imma kemm Musulmani, kemm Musulmani bit-tapit kienu qed jitolbu magħna għall-paċi fis-Sirja, biex jieqfu l-bumbardamenti, f’dak il-mument li fih kien qed jingħad li sa jkun hemm bumbardament aħrax. Inġorrha f’qalbi lis-Sirja. Imma l-ħsieb ta’ vjaġġ, ma ġinix f’moħħi bħalissa. Grazzi.

 

Matteo Bruni:

Il-mistoqsija li jmiss ġejja minn Sylwia Wysocka PAP - Polska Agencja Prasowa.

 

Sylwia Wysocka (PAP - Polska Agencja Prasowa):

Santità, f’dawn it-tnax-il xahar diffiċli ħafna anki l-attività tiegħek kienet limitata ħafna. Ilbieraħ kellek l-ewwel kuntatt dirett viċin ħafna man-nies f’Qaraqosh: x’ħassejt? L-ewwel mistoqsija tiegħi. U mbagħad, it-tieni. Fil-fehma tiegħek, issa, bir-reġim sanitarju kollu, jistgħu jerġgħu jibdew l-udjenzi ġenerali man-nies, mal-fidili, kif kienu qabel?

 

Il-Papa Franġisku:

Jiena nħossni differenti meta nkun bogħod min-nies fl-udjenzi. Nixtieq nerġa’ nibda malajr kemm jista’ jkun l-udjenzi ġenerali. Nittama li jkun hemm il-kundizzjonijiet, f’dan jiena nsegwi n-normi tal-awtoritajiet. Huma r-responsabbli u huma għandhom il-grazzja ta’ Alla biex jgħinuna f’dan. Huma responsabbli biex jagħtu n-normi. Irridu jew ma rridux, ir-responsabbli huma huma u hekk għandhom jagħmlu. Issa rġajt bdejt l-Angelus fil-pjazza, bid-distanzi nistgħu. Hemm proposta ta’ udjenzi ġenerali żgħar, imma għadni ma ddeċidejtx sakemm ma narawx ċar kif ħa tiżviluppa s-sitwazzjoni. Imma wara dawn ix-xhur priġunier, għax veru ħassejtni xi ftit magħluq f’ħabs, għalija dan qisni qed nerġa’ ngħix. Qed nerġa’ ngħix għax qed immiss lill-Knisja, immiss il-poplu qaddis ta’ Alla, immiss lill-popli kollha. Qassis isir qassis biex jaqdi, għall-qadi tal-poplu ta’ Alla, mhux għall-karriera, mhux għall-flus. Dalgħodu fil-quddiesa kien hemm [il-qari] tal-fejqan ta’ Nagħman tas-Sirja, u jgħid li dan Nagħman ried jagħti xi rigali wara l-fejqan, imma l-profeta Eliżew irrifjuta. Il-Bibbja tkompli: u l-assistent tal-profeta Eliżew, imbagħad, meta kienu telqu, ra li l-profeta kien sew u mar jiġri wara Nagħman u talbu r-rigali. U Alla qal: “Il-ġdiem li kellu Nagħaman issa jiġi fuqek” (ara 2 Slat 5:1-27). Wisq nibża’ li aħna, irġiel u nisa tal-Knisja, fuq kollox aħna s-saċerdoti, ma għandniex din il-qrubija b’xejn mal-poplu ta’ Alla, li hi dik li ssalvana, u nagħmlu bħall-qaddej ta’ Nagħman: iva, ngħinu, imma mbagħad immorru niġru warajhom… Minn dan il-ġdiem nibża’ jien. U l-uniku li jista’ jsalvana mill-ġdiem tar-regħba, tas-suppervja, huwa l-poplu qaddis ta’ Alla. Dak li Alla qal lil David: “Jien qlajtek mill-merħla, tinsiex il-merħla”. Dak li Pawlu qal lil Timotju: “Ftrakar f’ommok u f’nanntek li ‘reddgħuk’ fil-fidi”. Jiġifieri, ma nitilfux l-appartenenza għall-poplu ta’ Alla u nsiru xi klassi pprivileġġjata ta’ kkonsagrati, kjeriċi, xi ħaġa oħra. Għalhekk, il-kuntatt mal-poplu jsalvana, jgħinna, aħna nagħtu lill-poplu l-Ewkaristija, il-predikazzjoni, il-funzjoni tagħna. Imma huma jagħtuna l-appartenenza. Ma ninsewhiex din l-appartenenza għall-poplu qaddis ta’ Alla.

 

Int bdejt hekk: ma’ xiex iltqajt l-Iraq, f’Qaraqosh… Jien ma kontx qed nimmaġina r-rovini ta’ Mosul, ta’ Qaraqosh, veru ma kontx qed nimmaġinahom… Iva, kont rajt l-affarijiet, kont qrajt il-ktieb, imma dan imissek, imisslek qalbek. U mbagħad, dak li messli qalbi iktar minn kollox kien ix-xhieda ta’ waħda omm f’Qaraqosh. Ta x-xhieda tiegħu qassis li veru ra l-faqar, il-qadi, il-penitenza; u mara li fl-ewwel bumbardamenti ta’ Daesh tilfet lil binha. Hi qalet kelma: naħfer. Jien bqajt kommoss. Omm [li tgħid]: jiena naħfer u nitlob maħfra għalihom. U ġieni f’moħħi l-vjaġġ fil-Kolombja, dik il-laqgħa f’Villavicencio, fejn tant persuni, nisa fuq kollox, ommijiet u nisa miżżewġa, qalu l-esperjenza tagħhom tal-qtil ta’ wliedhom u ta’ żwieġhom u qalu: “Naħfer, jiena naħfer”. Imma din il-kelma tlifnieha, nafu nweġġgħu lill-oħrajn bil-kbir, nafu nikkundannaw bil-kbir, jien l-ewwel wieħed, dan nafu nagħmluh tajjeb. Imma li naħfru! Naħfru lill-għedewwa: dan hu Vanġelu pur. Dan hu dak li l-aktar li laqatni f’Qaraqosh.

 

Matteo Bruni:

L-aħħar waħda hi ta’ Catherine Laurence Marciano, AFP.

 

Catherine Laurence Marciano (AFP):

Santità, ridt naf x’ħassejt fil-ħelikopter tara l-belt meqruda ta’ Mosul u mbagħad titlob fit-tifrik ta’ knisja. Jekk tippermettili, ladarba hu Jum il-Mara, ridt nagħmel mistoqsija żgħira anki fuq in-nisa. Int għamilt il-kuraġġ lin-nisa ta’ Qaraqosh bi kliem sabiħ ħafna, imma x’taħseb fuq il-fatt li mara Musulmana nnamrata ma tistax tiżżewweġ Nisrani mingħajr ma tiġi mormija mill-familja jew agħar minn hekk? L-ewwel mistoqsija kienet fuq Mosul. Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

Fuq Mosul tkellimt xi ftit en passant dwar dak li ħassejt meta waqaft quddiem knisja meqruda, ma kellix kliem. Ma temminx, ma temminx lil għajnejk… Mhux biss dik il-knisja imma anki l-knejjes l-oħra, anki moskea meqruda. Jidher li dan in-nies ma riditux… Ma titwemminx il-kefrija umana. F’dan il-mument, ma rridx ngħid il-kelma, erġajna bdejna: inħarsu lejn l-Afrika, naraw l-Afrika! U bl-esperjenza tagħna ta’ Mosul, dawn il-knejjes meqruda u kollox, noħolqu l-mibegħda, il-gwerra, u jerġa’ jibda jerfa’ rasu anki l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku. Din hi stampa kerha ħafna, kerha ħafna.

 

Qabel ma ngħaddi għall-mistoqsija l-oħra. Mistoqsija li ġiet f’moħħi fil-knisja kienet din: imma min ibigħ l-armi lil dawn il-qerrieda? Għax l-armi ma jagħmluhomx id-dar tagħhom. Iva, xi arma żgħira jagħmluha huma… Imma min ibigħ l-armi? Min hu r-responsabbi? Tal-inqas jien nixtieq nitlob lil dawk li jbigħu l-armi jkunu sinċieri u jgħidu: Na nbigħux armi. Le, ma jgħiduhiex. U din kerha.

 

In-nisa. In-nisa huma iżjed kuraġġjużi mill-irġiel, dan hu minnu, hekk inħoss jien. Imma l-mara anki llum hi umiljata. Sejrin f’dak l-estrem: ma nafx min, waħda minnkom urietni lista tal-prezzijiet tan-nisa… Ma stajtx nemmen: jekk il-mara hi hekk, tiswa ħafna, tiswa… biex tbigħha. In-nisa jinbiegħu, in-nisa jsiru lsiera. Anki fil-qalba ta’ Ruma. Ix-xogħol kontra t-traffikar huwa xogħol ta’ kuljum. Fil-Ġublew [tal-Ħniena] mort inżur waħda mill-ħafna djar tal-Opra ta’ Don Benzi: tfajliet mixtrija, waħda b’widna maqtugħa għax ma kinitx ħadet flus kemm suppost, dakinhar; l-oħra, ġabuha minn Bratislava fil-bagoll tal-karozza, ilsira, maħtufa. Dan qed jiġri f’nofsna, il-“kolti”, it-traffikar tal-bnedmin. F’dawn il-pajjiżi, xi wħud, fuq kollox il-parti tal-Afrika, hemm il-mutilazzjoni, il-mutilazzjoni bħala rit li jrid isir. Imma n-nisa huma lsiera mill-ġdid u jeħtieġ niġġieldu, niġġieldu, għad-dinjità tan-nisa. Huma dawk li qed imexxu l-istorja ’l quddiem, din mhix esaġerazzjoni: in-nisa li qed imexxu l-istorja. U dan mhux xi kumpliment tal-lum, fil-jum tan-nisa, imma hu minnu. Il-jasar huwa hekk, ir-rifjut tal-mara… Meta taħseb li f’post “x” saret diskussjoni jekk it-tkeċċija tal-mara għandux ikun bil-miktub jew biss bil-fomm. Lanqas id-dritt li jsir l-att tat-tkeċċija! Dan qed iseħħ illum. Imma biex ma mmorrux wisq ’il bogħod, biżżejjed naħsbu fil-qalba ta’ Ruma, fit-tfajliet li ġew maħtufa u huma sfruttati. Naħseb li għidt kollox fuq dan.

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Santità.

 

Il-Pap Franġisku:

Nawguralkom tmiem tajjeb tal-vjaġġ u nitlobkom titolbu għalija għax għandi bżonn! Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard