Vjaġġ Appostoliku fl-Iraq

Laqgħa mal-Isqfijiet, Saċerdoti, Reliġjużi, Persuni Konsagrati,

Seminaristi u Katekisti

Fil-Katidral Siro-Kattoliku “Ommna Marija tas-Salvazzjoni” f’Bagdad

Il-Ġimgħa 5 ta’ Marzu 2012

Beatitudnijiet, Eċċellenzi, għeżież saċerdoti, reliġjużi, għeżież sorijiet, ħuti għeżież,

Ngħannaqkom miegħi b’imħabba ta’ missier. Jiena grat lejn il-Mulej li, fil-providenza tiegħu, tana l-grazzja li niltaqgħu illum.  Nirringrazzja lill-Beatitudni Tiegħu lill-Patrijarka Injazju Jusef Junan u lill-Beatitudni Tiegħu l-Kardinal Louis Sako għall-kliem ta’ merħba. Ninsabu miġburin f’dan il-Katidral ta’ Ommna Marija tas-Salvazzjoni, imberkin anke bid-demm ta’ ħutna li proprju f’dan il-post ħallsu l-ogħla prezz tal-fedeltà tagħhom lejn il-Mulej u l-Knisja tiegħu. Jalla t-tifkira tas-sagrifiċċju tagħhom jispirana biex inġeddu l-fiduċja tagħna fil-qawwa tas-Salib u fil-messaġġ tiegħu ta’ maħfra, rikonċiljazzjoni u twelid ġdid. Fil-fatt in-nisrani hu msejjaħ biex ikun xhud tal-imħabba ta’ Kristu f’kull ħin u f’kull post. U dan hu l-Vanġelu li għandna nħabbru u ninkarnaw anke f’dan il-pajjiż għażiż.

Bħala isqfijiet u saċerdoti, reliġjużi u lajċi responsabbli, intom ilkoll taqsmu ma’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu il-ferħ, in-niket, it-tama u t-tbatijiet tal-insara. Il-ħtiġijiet tal-poplu  t’Alla u anke l-isfidi pastorali li taffrontaw kuljum, ċertament żdiedu f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Minkejja kollox dak li żgur m’għandux jonqos huwa ż-żelu appostoliku, żelu li intom għandkom u li ġej minn għeruq antiki ħafna, minn preżenza kontinwa tal-Knisja f’dawn l-artijiet, preżenza li ġejja sa mill-ewwel żminijiet. (Cfr Benedittu XVI, Eżort App Ecclesia in Medio Oriente, 5)

Nafu kemm hu faċli li nittieħdu mill-virus tal-qtigħ il-qalb, li kultant jixtered fostna. Għalhekk Il-Mulej tana vaċċin b’saħħtu kontra dan il-virus ikrah. Hija t-tama. It-tama li titwieled mit-talb u mill-fedeltà ta’ kuljum fl-appostolat tagħna. Permezz ta’ dan il-vaċċin nistgħu nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’enerġija dejjem ġdida, biex bħala dixxipli missjunarji naqsmu mal-oħrajn il-ferħ tal-Evanġelju. Hekk inkunu sinjal ħaj tal-preżenza tas-Saltna t’Alla, Saltna ta’ qdusija, ġustizzja u sliem.

Id-dinja għandha bżonn ħafna li tisma’ dan il-messaġġ! Ma ninsew qatt li Kristu jkun magħruf l-iktar permezz tax-xhieda ta’ tant nies li ħajjithom inbidlet permezz tal-ferħ tal-Evanġelju. Kif nafu anke mill-istorja antika tal-Knisja f’dawn l-artijiet, il-fidi ħajja f’Ġesù hija fidi li tittieħed u tista’ tibdel id-dinja.  L-eżempju tal-qaddisin jurina li meta nimxu wara Ġesù “ma nkunux biss qed nagħmlu ħaġa tajba u qaddisa, imma nkunu qed nagħmlu ħaġa sabiħa, li kapaċi timlielna ħajjitna b’dawl ġdid u b’ferħ profond anke fost tant provi.” (Eżort App Evangelii gaudium, 167).

 Id-diffikultajiet huma parti mill-esperjenza ta’ kuljum tal-insara tal-Iraq. F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, intom u ċittadini ħutkom kellkom tħabbtu wiċċkom mal-effetti tal-gwerra u tal-persekuzzjonijiet, kif ukoll in-nuqqas ta’ infrastruttura l-iktar elementari, kif ukoll il-ġlieda għas-sigurtà ekonomika u personali, li ta’ spiss ġiegħlet nies jaħarbu minn darhom jew anki jaħarbu minn pajjiżhom. Dan ġara anke fost l-insara.

Għeżież isqfijiet u saċerdoti, grazzi li bqajtu qrib il-poplu tagħkom, qrib tal-poplu tagħkom, issostnuh, għamiltu sforz biex tgħinu f’tant bżonnijiet tan-nies, u għentu biex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex ikun ta’ servizz għall-ġid komuni. L-Appostolat edukattiv u dak karitattiv tal-knejjes tagħkom huwa teżor kbir li għandkom kemm bħala komunità ekkleżjali kif ukoll bħala soċjetà. Nagħmlilkom kuraġġ biex tkomplu b’dan l-impenn tagħkom. U dan biex tiggarantixxu li l-komunità Kattolika fl-Iraq, għad illi żgħira bħal ħabba tal-qamħ, (ara Mt 13, 31-32) tkompli tagħni l-mixja tal-pajjiż kollu kemm hu.

L-imħabba ta’ Kristu titlobna biex inwarrbu kull egoiżmu u kull kompetizzjoni, u timbuttana lejn komunjoni universali, u titlobna biex niffurmaw komunità ta’ aħwa li jilqgħu lil xulxin u li jieħdu ħsieb xulxin. (ara Enċ Fratelli tutti, 95-96) Tiġini f’moħħi x-xbieha familjari ta’ tapit. Il-knejjes diversi li hawn fl-Iraq, bl-istorja u bil-patrimonju liturġiku u spiritwali partikulari tagħhom, huma bħal dawk il-ħajtiet imlewna, li meta jintisġu flimkien, jiffurmaw tapit il-ġmiel tiegħu. Dan mhux biss juri l-fraternità li hemm bejnietna, imma jfakkarna wkoll fl-għajn: għax huwa Alla l-artist li għamel dan it-tapit, li ħadmu b’paċenzja kbira, u jsewwih b’kura kbira. Iridna lkoll magħqudin flimkien għax aħna wliedu.

Dejjem hemm f’qalbna l-eżortazzjoni ta’ San Injazju ta’ Antjokja: “m’għandu jkun hemm xejn fostkom li jifridkom. Imma għandu jkun hemm talba waħda, spirtu wieħed, tama waħda, kemm fl-imħabba kif ukoll fil-ferħ.” ( Ad Magnesios 6-7).

 Kemm għandna bżonn din ix-xhieda ta’ għaqda fost dinja mifruda. Kull sforz biex nibnu pontijiet bejn komunitajiet u knejjes parrokkjali u djoċesani, dan għandu jitqies bħala ġest profetiku tal-Knisja fl-Iraq, u bħala tweġiba għat-talba ta’ Ġesù: ħa jkunu lkoll ħaġa waħda. (ara Ġw 17,21; Ecclesia in Medio Oriente, 37).

Ir-Rgħajja u l-fidili, saċerdoti, reliġjużi u Katekisti, għandhom bejniethom, anke jekk b’modi differenti, ir-responsabbiltà li jmexxu ‘l quddiem il-missjoni tal-Knisja. Kultant jista’ jkun hemm nuqqas ta’ qbil jew tensjonijiet: dawn huma dawk l-għoqod li jfixklu n-nisġa tal-fraternità. Huma għoqod li nġorru ġo fina nfusna, minħabba li aħna lkoll midimbin. Min-naħa l-oħra dawn l-għoqod jistgħu jinħallu permezz tal-Grazzja, billi nħobbu iżjed, u permezz tal-maħfra u tad-djalogu fratern, billi nerfgħu t-toqol ta’ xulxin (ara Gal 6,2) u billi nagħmlu kuraġġ lil xulxin f’mumenti ta’ prova jew ta’ diffikultà.

Issa xtaqt ngħid kelma speċjali lil ħuti l-isqfijiet.  Jiena nħobb naħseb fuq il-ministeru episkopali tagħna bħala li nkunu qrib l-oħrajn: il-bżonn tagħna li nkunu qrib ta’ Alla bit-talb, u li nkunu qrib ta’ dawk afdati f’idejna, u qrib tas-saċerdoti. Kunu qrib partikularment tas-saċerdoti. Jalla ma jħarsux lejkom bħala amministraturi jew maniġers, imma bħala missirijiet, li jinkwetaw ruħhom biex jaraw li wliedhom jinsabu tajbin, u li tkunu dejjem lesti biex issostnuhom u tinkuraġġuhom b’qalb miftuħa. Akkumpanjawhom bit-talb tagħkom, billi tagħtuhom il-ħin, is-sabar tagħkom, billi tapprezzaw dak li jagħmlu, u tiggwidawhom biex jikbru.  B’dan il-mod intom tkunu  għas-saċerdoti tagħkom, xbieha viżibbli ta’ Ġesù ir-Ragħaj it-Tajjeb li jaf lin-nagħaġ tiegħu u li jagħti ħajtu għalihom. (Ara Ġw 10,14-15).

 

Għeżież saċerdoti, reliġjużi, katekisti u seminaristi li qed tippreparaw ruħkom għall-ministeru: intom ilkoll smajtu l-vuċi tal-Mulej, u bħaż-żagħżugħ Samwel weġibtu: «Hawn jien» (1 Sam 3,4). Din it-tweġiba, li nistedinkom biex iġġedduha kuljum, twassalkom biex taqsmu l-Aħbar it-Tajba bl-entużjażmu u bil-kuraġġ, billi dejjem tgħixu u timxu fid-dawl tal-Kelma t’Alla, aħna li għandna l-grazzja u d-dmir li nxandruha. Nafu li s-servizz tagħna għandu wkoll element amministrattiv, imma dan ma jfissirx li għandna ngħaddu l-ħin kollu tagħna f’laqgħat jew wara xi skrivanija. Huwa importanti li noħorġu fost il-merħla tagħna u noffru l-preżenza taġħna u l-akkumpanjament tagħna lill-insara fl-ibliet u fl-irħula.  Qed naħseb f’dawk li jistgħu jispiċċaw jinqatgħu lura: fiż-żgħażagħ, fl-anzjani, fil-morda u fil-fqar. Meta aħna naqdu lill-proxxmu tagħna b’dedikazzjoni, kif tagħmlu intom, fi spirtu ta’ kompassjoni, umiltà, ġentilezza, bl-imħabba, inkunu qed naqdu tabilħaqq lil Ġesù, kif huwa stess qalilna (cfr Mt 25,40). U meta naqdu lil Ġesù fl-oħrajn, niskopru l-hena tassew. Titbegħdux mill-poplu qaddis ta’ Alla, intom li twelidtu fih. Tinsewx lil ommijietkom u lin-nanniet, li minnhom “erdajtu” il-fidi, kif jgħid San Pawl (cfr 2 Tim 1,5). Intom rgħajja, qaddejja tal-poplu u mhux ħaddiema tal-gvern jew qaddejja tal-istat. Dejjem fost il-poplu t’Alla, qatt maqtugħin minnu bħallikieku intom xi klassi privileġġjata. Tiċħdux din id-dixxendenza nobbli li hu l-poplu qaddis ta’ Alla.

Xtaqt nerġa’ nsemmi lil ħutna li mietu fl-attentat terroristiku f’dan il-Kattidral għaxar snin ilu. Il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħhom miexja. Il-mewt tagħhom tfakkarna bil-qawwa kollha  li l-inkoraġġiment għall-gwerra, l-atteġġamenti ta’ mibegħda, il-vjolenza u t-tixrid tad-demm  ma jaqblu xejn mat-tagħlim reliġjuż (ara Enċ. Fratelli tutti, 285). U  nixtieq infakkar il-vittmi kollha tal-vjolenza u tal-persekuzzjonijiet, huma ta’ liema komunità reliġjuża huma. Għada, ġewwa Ur, se niltaqa’ mal-mexxej tat-tradizzjonijiet reliġjużi f’dan il-pajjiż, biex nerġgħu ntennu il-konvinzjoni tagħna li r-reliġjon għandha taqdi l-kawża tal-paċi u tal-għaqda bejn l-ulied kollha ta’ Alla. Illejla xtaqt nirringrazzjakom għall-ħidma tagħkom biex tkunu ħaddiema tal-paċi, fost il-komunitajiet tagħkom u anke ma’ nies oħrajn  ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra, billi tiżirgħu żerriegħa ta’ rikonċiljazzjoni u li nistgħu ngħixu flimkien bħal aħwa biex hekk nistgħu ngħinu ħalli terġa’ titwieled mill-ġdid tama għal kulħadd.

Naħseb  partikularment fiż-żgħażagħ. Dawn kullimkien iwasslu t-tama, speċjalment f’dan il-pajjiż. Hawnhekk m’għandkomx biss patrimonju arkejoloġiku imprezzabbli, imma għandkom rikkezza kbira għall-ġejjieni: u dawn huma ż-żgħazagħ! Iż-żgħażagħ huma t-teżor tagħkom, u għandkom tieħdu ħsiebhom, tgħinuhom iwettqu l-ħolm tagħhom, takkumpanjawhom, u hekk tikber it-tama. Għad illi huma żgħażagħ, is-sabar tagħhom ġa għadda minn prova kbira minħabba l-gwerer ta’ dawn is-snin. Imma niftakru dan: huma – flimkien mal-anzjani – huma t-teżor tal-pajjiż, l-itjeb frott tas-siġra: issa jiddependi minna li nrawmuhom fit-tajjeb u nsaqqulhom it-tama.

Ħuti, permezz tal-Magħmudija u tal-Konfirmazzjoni, permezz tal-Ordinazzjoni jew tal-Professjoni Reliġjuża, intom kontu konsagrati lill-Mulej u mibgħutin biex tkunu dixxipli missjunarji f’din l-art li hi tant marbuta mal-istorja tas-Salvazzjoni. Intom tagħmlu parti minn dik l-istorja, billi tkunu xhieda fidili tal-wegħdiet ta’ Alla, li qatt ma jfallu, u billi tippruvaw tibnu ġejjieni ġdid. Ix-xhieda tagħkom, maturata mit-tiġrib u msaħħa bid-demm tal-martri, hija dawl li jiddi ġewwa l-Iraq u anke ʼl hemm minnu, biex tfaħħru l-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu ta’ dan il-poplu jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħu (ara Lq 1,46-47).

Mill-ġdid grazzi li stajna niltaqgħu. Ommna Marija tas-Salvazzjoni u l-Appostlu San Tumas jinterċedu għalikom u jħarsukom. Inbierek mill-qalb lil kull wieħed u waħda minnkom u lill-komunitajiet tagħkom. Nitlobkom, jekk jogħġobkom biex titolbu għalija. Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes