VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA' MARZU, 2021]

DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU FIL-LAQGĦA INTER-RELIĠJUŻA

Pjanura ta'  Ur

Is-Sibt, 6 ta' Marzu, 2021

Għeżież ħuti,

dan l-imkien imbierek jeħodna lura lejn il-bidu, lejn l-għejun tal-opra t'Alla, lejn it-twelid tar-reliġjonijiet tagħna.  Hawnhekk għex Abram missierna, donnu li rġajna lura d-dar. Hawnhekk hu sama' s-sejħa t'Alla, minn hawn telaq lejn vjaġġ li kellu jibdel l-istorja.  Aħna frott ta' dik is-sejħa u ta' dak il-vjaġġ.  Lil Abram Alla talbu jerfa' ħarstu lejn is-sema u jgħodd il-kwiekeb (cfr Ġen 15,5).  F'dawk il-kwiekeb ra l-wegħda tal-wirt tiegħu, ra lilna.  U llum aħna, għebrej, insara u musulmani, flimkien ma' ħutna ta' reliġjonijiet oħra, nagħtu ġieħ lill-missierna Abram billi nagħmlu bħalu: inħarsu lejn is-sema u nimxu fuq l-art.

1. Inħarsu lejn is-sema.  Aħna u nikkuntemplaw, wara eluf ta' snin, l-istess sema, qed jidhru l-istess kwiekeb.  Huma jdawlu l-iljieli l-aktar mudlama għax jilmaw kollha flimkien.  B'hekk is-sema jtina messaġġ ta' għaqda: l-Aktar Għoli li jinsab fuqna jistedinna biex ma ninfirdu qatt minn ħuna li jinsab maġenbna.  'Lil hinn' ta' Alla jeħodna lejn l-ieħor, lejn ħuna.  Imma jekk irridu nħarsu l-fraternità, ma nistgħux naqilgħu għajnejna minn fuq is-sema.  Aħna, dixxendenti ta' Abram u rappreżentanti ta' diversi reliġjonijiet, inħossu li qabel kollox għandna dan ir-rwol: ngħinu lil ħutna biex jerfgħu ħarsitnhom u t-talb tagħhom lejn is-Sema.  Ilkoll neħtiġu dan għax waħedna mhux biżżejjed.  Il-bniedem mhux omnipotenti, ma jistax kollox, waħdu ma jista' jagħmel xejn.  U jekk ibarri lil Alla, jispiċċa jqim l-affarijiet tad-dinja. Iżda l-ġid tad-dinja, li lil ħafna jnessihom lil Alla u lill-oħrajn, mhuwiex l-għan tal-vjaġġ tagħna fuq l-Art.  Nerfgħu ħarsitna lejn is-Sema biex nintrefgħu mill-volgarità tal-vanità; inservu 'l Alla biex ninħelsu mill-jasar tal-jiena, għax Alla jsusna biex inħobbu.  Din hi l-veru reliġjożità: inqimu 'l Alla u nħobbu lill-proxxmu.  Fid-dinja tal-lum, li spiss tinsa lill-Aktar Għoli u toffri xbieha mgħawġa tiegħu, min jemmen hu msejjaħ jagħti xhieda ta' tjubitu, juri l-paternità t'Alla permezz tal-fraternità.

Minn dan l-imkien fejn twieldet il-fidi, mill-art ta' missierna Abram, naffermaw li Alla hu ħanin u l-aktar offiża midgħajja hi li nipprofanaw ismu bil-mibgħeda lejn ħutna.  L-ostilità, l-estremiżmu u l-vjolenza ma jinbtux minn spirtu reliġjuż: huma tradiment tar-reliġjon.  U aħna li nemmnu ma nistgħux nibqgħu b'fommna sieket meta t-terroriżmu jabbuża mir-religjon.  Anzi, hu għalina li b'mod ċar neqirdu għal kollox dawn il-fehmiet żbaljati.  Ma nħallux li d-dawl tas-Sema jitgħatta mis-sħab tal-mibgħeda!  Fuq dal-pajjiż inġabar sħab iswed ta' terroriżmu, ta' gwerra u vjolenza.  Minħabba fih batew il-komunitajiet etniċi u reliġjużi kollha.  Nixtieq infakkar b'mod partikolari lill-Yażidi li bkew il-mewt ta' bosta rġiel u raw eluf ta' nisa, tfajliet u tfal maħtufin, mibjugħin bħala lsiera u sofrew il-moħqrija ta' vjolenza fiżika u konverżjonijiet sfurzati.  Illum nitolbu għal dawk kollha li għaddew minn din it-tbatija, għal dawk li għadhom mitlufin u maħtufin, sabiex jerġgħu lura lejn darhom bla telf ta' żmien.  U nitolbu biex kullimkien jingħata għarfien u jkunu rispettati l-libertà tal-kuxjenza u l-libertà reliġjuża: dawn huma drittijiet fundamentali għax lill-bniedem ituh il-ħelsien biex ikun jista' jikkuntempla s-Sema li għaliha huwa maħluq.

Meta t-terroriżmu invada t-tramuntana ta' dal-pajjiż għażiż, qered bi krudeltà parti mill-partimonju reliġjuż meraviljuz, fosthom knejjes, monasteri u mkejjen tal-kult ta' komunitajiet varji.  Imma f'dak il-waqt mudlam iddew il-kwiekeb ukoll.  Qed niftakar fil-volontarji żgħażagħ musulmani f'Mosul, li għenu biex jerġgħu jissewwew knejjes u monasteri u bnew ħbiberija fraterna fuq it-tifrik tal-mibgħeda, u f'dawk l-insara u l-musulmani li llum jingħaqdu biex flimkien jirrestawraw moskej u knejjes.  Il-professur Ali Thajeel irrakkuntalna wkoll li l-pellegrini ġejjin lura lejn dil-belt.  Importanti li jkun hemm pellegrini li jżuru mkejjen qaddisa: huwa l-isbaħ sinjal tan-nostalġija għas-Sema fuq l-Art.  Għaldaqstant, l-imħabba u l-ħarsien tal-imkejjen qaddisa hi ħtieġa eżistenzjali, b'tifkira ta' missierna Abram li f'postijiet differenti refa' lejn is-sema altari lill-Mulej (cfr Ġen 12,7.8; 13,18; 22,9).  Dal-patrijarka kbir jgħinna biex dawn l-imkejjen qaddisa jsiru oażi ta' paċi u laqgħa għal kulħadd!  Hu, bil-fedeltà tiegħu lejn Alla, sar barka għall-ġnus kollha (cfr Ġen 12,3); jalla l-fatt li ninsabu hawn illum fuq il-passi tiegħu ikun sinjal ta' barka u tama għall-Iraq, għal-Lvant Nofsani u għad-dinja kollha.  Is-sema għadu ma qatax qalbu mid-dinja: Alla jħobb lil kull ġens, kull bint u iben u lil uliedu kollha!  M'għandna qatt ngħejjew inħarsu lejn is-sema, inħarsu lejn dawk il-kwiekeb li, dak iż-żmien kien ħares lejhom missierna Abram

 

2. Nimxu fuq l-art.  Il-ħarsa lejn is-sema mhux talli ma aljenatx lil Abram talli seddqitlu l-kuraġġ biex jimxi fuq l-art, biex jibda vjaġġ li permezz ta' nislu kellu jmiss kull seklu u kull latitudni.  Imma kollox beda minn hawn, mill-Mulej "li ħarġu min Ur" (cfr Ġen 15,7).  Għalhekk din kienet għalih mixja li toħroġ, li talbet minnu sagrifiċċji: kellu jħalli art, daru u qraba.  Iżda għax iċċaħħad mill-familja tiegħu, sar missier ta' familja ta' popli.  Lilna wkoll jiġrilna xi ħaġa l-istess: fil-mixja aħna msejħin biex ninfatmu mill-irbit u d-dipendenza illi, fl-għeluq tal-gruppi tagħna, ma jħalluniex nilqgħu l-imħabba bla tarf ta' Alla u li fl-oħrajn naraw lil ħutna.  Iva, għandna bżonn noħorġu minna nfusna, għax neħtieġu lil xulxin.  Il-pandemija fehmitna li "ħadd ma jista' jsalva waħdu" (Enċ. Fratelli tutti, 54).  Madankollu, dejjem tħuf madwarna t-tentazzjoni li nżommu d-distanza bejnna u bejn l-oħrajn.  Imma l-prinċipju ta' "ħa jsalva min jiflaħ" malajr jissarraf "f'kulħadd kontra kulħadd", u dan ikun agħar minn pandemija (ibid., 36).  Fit-tempesti li għaddejjin minnhom mhux se jsalvana l-iżolament, ma jsalvawniex it-tellieqa għat-tisħiħ tal-armamenti u l-bini tal-ħitan, illi, minflok, ibegħeduna aktar minn xulxin u jkattru fina l-għadab.  L-idolatrija tal-flus ma ssalvaniex għax tagħlaqna fina nfusna u toħloq abissi ta' diżugwaljanza li l-umanità tiġġarraf fihom.  Ma jsalvaniex il-konsumiżmu, li jilloppja l-moħħ u jipparalizza l-qalb.

It-triq murija lilna mis-Sema hi oħra, hi t-triq tal-paċi.  Din titlob illi, l-aktar fit-tempesta, naqdfu flimkien fl-istess direzzjoni.   Hi tal-mistħija li filwaqt li aħna lkoll mifluġin minn dil-kriżi pandemika, u speċjalment hawn fejn il-kunflitti ġabu tant miżerja, xi ħadd jibqa' miklub għal dak li jinterssa lilu.  Ma jistax ikun hemm paċi mingħajr kondiviżjoni u akkoljenza, mingħajr ġustizzja li tiżgura l-ekwità u t-titjib għal kulħadd, ibda mill-aktar dgħajfa.  Ma jistax ikun hemm paċi jekk il-popli ma joħorġux idejhom lejn popli oħra.  Ma jistax ikun hemm paċi dment li l-oħrajn jibqgħu 'huma' u ma jkunux 'aħna'.  Ma jistax ikun hemm paċi jekk l-allejanzi jsiru kontra xi ħadd, għax l-allejanzi ta' parti kontra oħra jżidu biss aktar firda.  Il-paċi ma titlobx rebbieħa u telliefa, imma aħwa li minkejja n-nuqqas ta' ftehim u l-ġrieħi tal-imgħoddi, jimxu mill-kunflitt lejn l-għaqda.  Ejjew nitolbu għal dan fil-Lvant Nofsani kollu, qed niftakar b'mod partikolari fil-ġara, fis-Sirja martirizzata.

Il-patrijarka Abram, li llum qed jiġborna flimkien fl-għaqda, kien profeta tal-Aktar Għoli.  Profezija antika tgħid illi l-popli "jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel" (Iż. 2,4).  Dil-profezija ma seħħitx, anzi x-xwabel u l-lanez saru missili u bombi.  Allura minn fejn tista' tibda l-mixja lejn il-paċi?  Billi nirrifjutaw li jkollna għedewwa.  Min ikollu l-kuraġġ iħares lejn il-kwiekeb, min jemmen f'Alla, m'għandux għedewwa ma' min jitqabad.  Għandu biss għadu wieħed li jħuf madwar il-bieb ta' qalbu biex jidħol: l-ostilità.  Filwaqt li xi wħud ifittxu li jkollhom għedewwa aktar milli jkunu ħbieb, filwaqt li bosta jfittxu dak li jaqbel lilhom b'dannu għall-oħrajn, min iħares lejn il-kwiekeb tal-wegħdiet, min jimxi fit-triqat ta' Alla ma jista' ikun kontra ħadd, imma jkun għal kulħadd.  Ma jistax jiġġustifika kull impożizzjoni, hi x'inhi, oppressjoni, prevarikazzjoni, ma jistax iġib ruħu b'mod aggressiv.

Għeżież ħbieb, dan kollu possibbli?  Missierna Abram, li għaraf jittama kontra kull tama (cfr Rum 4,18) jagħmlilna kuraġġ.  Tul l-istorja spiss ġrejna wara għanijiet wisq tad-dinja u mxejna kulħadd għal rasu, imma bl-għajnuna t'Alla nistgħu nibdlu l-affarijiet għall-aħjar.  Huwa għalina, l-umanità tal-lum, u fuq kollox, għalina, li nistqarru kull reliġjon, li l-istrumenti tal-mibgħeda nibdluhom fi strumenti tal-paċi.  Hu dmir tagħna li lil min hu responsabbli min-nazzjonijiet inħeġġuħ bla heda ħalli t-tifrix tal-armi jċedi l-pass lit-tqassim tal-ikel lil kuħadd.  Hu dmirna li nsikktu l-akkużi reċiproċi biex nagħtu lok għal-leħen tal-magħkusin u tal-iskartati tal-pjaneta; hawn wisq nies neqsin mill-ħobż, mill-mediċini, mit-tagħlim, mid-drittijiet u d-dinjità!  Hu għalina li noħorġu għad-dawl il-manuvri suspettużi li jduru madwar il-flus u bil-forza nitolbu li l-flus ma jispiċċawx dejjem u biss biex iżoqqu l-kumdità sfrenata tal-ftit.  Hu dmir tagħna li nindukraw id-dar komuni mill-intenzjonijiet ħattafa.  Hu għalina li nfakkru lid-dinja li s-siwi tal-ħajja umana hu intrinsiku u mhux fil-qies ta' dak li tippossjedi, u li l-ħajjiet tat-tfal fil-ġuf, tal-anzjani, tal-migranti, irġiel u nisa ta' kull lewn u nazzjonalità huma sagri dejjem u jiswew daqs kemm jiswew dawk ta' kulħadd!  Hu għalina li nsibu l-kuraġġ li nerfgħu għajnejna biex inħarsu lejn il-kwiekeb, il-kwiekeb li ra missierna Abram, il-kwiekeb tal-wegħda.

Il-mixja ta' Abram kienet barka ta' paċi.  Imma ma kinitx ħafifa: hu kellu jiffaċċja taqbid u kontrattempi.  Aħna wkoll quddiemna għandna għandna triq imħattba, imma jeħtieġ li bħall-patrijarka nagħmlu passi konkreti, li nterrqu biex niskopru wiċċ l-ieħor, naqsmu flimkien il-memorji, il-ħars u s-skiet, stejjer u esperjenzi.  Laqtitni l-esperjenza ta' Dawood e Hasan, nisrani u musulman li, bla ma qatgħu qalbhom minħabba d-differenzi, studjaw u ħadnmu flimkien.  Flimkien bnew il-futur u skoprew li jistgħu jgħixu bħal aħwa. Aħna wkoll,  biex nimxu 'l quddiem jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa tajba u konkreta.  Din hi t-triq, speċjalment għaż-żgħażagħ, li ma jistgħux jippermettu li jaraw il-ħolm tagħhom jitqaċċat minħabba l-kunflitti tal-imgħoddi!  Urġenti li nedukawhom għall-fraternità, nedukawhom biex iħarsu lejn il-kwiekeb.  Din hi emerġenza vera u propja; ikun il-vaċċin l-aktar effikaċi biex għada jkun fil-paċi.  Għaliex, għeżież żgħażagħ intom il-preżent tagħna u l-futur tagħna!

Hu biss flimken mal-oħrajn li nistgħu nfejqu l-ġrieħi tal-imgħoddi.  Is-sinjura Rafah irrakkuntatilna l-eżempju erojku ta' Najy, mill-komunità sebeana mandeana, li tilef ħajtu biex isalva ħajjet il-familja ta' ġar musulman tiegħu.  Kemm nies hawnhekk, fis-skiet u n-nuqqas ta' interess mid-dinja, bdew mixjiet ta' fraternità!  Rafah irrakkkuntatilna wkoll it-tbatija li ma titwemminx minħabba l-gwerra, li ġagħlet lil ħafna jabbandunaw darhom u l-patrija biex ifittxu ġejjieni aħjar għal uliedhom.  Grazzi, Rafah, li qsamt magħna r-rieda qawwija tiegħek li tibqa' hawn, fl-art ta' missirijietek.  Kemm hemm min ma rnexxilux u kellu jaħrab, jalla jsibu akkoljenza ta' karità, denja ta' persuni vulnerabbli u miġrugħin.

Kien propju permezz tal-ospitalità, karatteristika li tiddistingwi din l-art, li Abram irċieva ż-żjara mingħand Alla u r-rigal ta' iben li ma kienx jistenna aktar (Ġen 18,1-10).  Aħna, ħuti ta' diversi reliġjonijiet, iltqajna hawn, fid-dar, u minn hawn, flimkien, irridu nimpenjaw ruħna sabiex il-ħolma t'Alla sseħħ: jalla l-familja umana tagħraf tkun ospitali u akkoljenti għal uliedha kollha; u bil-ħarsa lejn l-istess sema, timxi fil-paċi fuq l-istess art.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber