VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA' MARZU, 2021]

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Palazz Presidenzjali, Baghdad

Il-Ġimgħa, 5 ta' Marzu, 2021

 

Sur President,

Membri tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,

Awtoritajiet Distinti,

Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,

Sinjuri!

 

Jien grat għall-opportunità li nista' nagħmel diż-żjara minn tant żmien mistennija u mixtieqa, fir-Repubblika tal-Iraq; li stajt niġi f'din l-Art benniena taċ-ċivilità marbuta sfiq mal-istorja tas-salvazzjoni u mat-tradizzjonijiet reliġjużi kbar tal-Ebraiżmu, tal-Kristjaneżmu u tal-Iżlam.  Nesprimi l-gratitudni tiegħi lis-Sur President Salih għall-istedina u għall-kliem ta' kortesija li bihom tani merħba u li indirizzali wkoll f'isem l-awtoritajiet l-oħra u f'isem il-poplu maħbub tiegħu.  Insellem bl-istess mod lill-Membri tal-Korp Diplomatiku u lir-Rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili.

Insellem b'għożża lill-Isqfijiet u lill-presbiteri, lir-reliġjużi rġiel u nisa u lill-fidili kollha tal-Knisja Kattolika. Ġejt bħala pellegrin biex inseddqilhom ix-xhieda tagħhom ta' fidi, tama u karità fost is-soċjetà iraqqina.  Insellem ukoll  lill-membri tal-Knejjes l-oħra u l-Komunitajiet ekkleżjali Kristjani, lil dawk li jistqarru l-Iżlam u lir-rappreżentanti ta' tradizzjonijiet reliġjużi oħra.  Alla jtina li nimxu flimkien bħala aħwa "bil-konvinzjoni kbira li l-veru tagħlim tar-reliġjonijiet jistedinna biex nibqgħu ankrati mal-valuri tal-paċi, (....) tal-għarfien reċiproku, tal-fratellanza umana u l-kovivenza komuni" (Dokument dwar il-fratellanza umana, Abu Dhabi, 4 ta' Frar, 2019).

Iż-żjara tiegħi qed isseħħ fi żmien meta d-dinja kollha qed tfittex kif se toħroġ mill-kriżi tal-pandemija tal-Covi-19, li ma laqtitx biss is-saħħa ta' tant persuni imma ħażżnet ukoll il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ta' min kien diġà mifluġ bid-dgħufija u l-instabbiltà.  Dil-kriżi titlob sforzi komuni minn kulħadd biex jittieħdu l-passi meħtieġa, fosthom it-tqassim ekwu tal-vaċċini bejn kulħadd.  Imma dan mhux biżżejjed: fuq kollox, dil-kriżi hija appell biex "nerġgħu naħsbu x'għandhom ikunu l-istili tal-ħajja tagħna (...) is-sens tal-eżistenza tagħna" (Fratelli tutti, 33).  Ifisser li rridu noħorġu minn daż-żmien ta' prova, aħjar minn kif konna qabel; li nibnu ġejjieni aktar fuq dak li jgħaqqadna milli fuq dak li jifridna.

Fl-għexieren ta' snin li għaddew, l'Iraq sofra d-diżastri tal-gwerer, il-flaġell tat-terroriżmu u l-kunflitti settarji spiss ġustifikati minn fundamentaliżmu li ma jistax jaċċetta l-koeżistenza paċifika tal-gruppi etniċi u reliġjużi differenti, ta' ideat u kulturi diversi.  Dan kollu nissel mewt, qerda, tifrik li għadu jidher u mhux fuq livell materjali biss: il-ħsarat huma aktar fil-fond u niftakru fil-ġrieħi fil-qlub ta' tant persuni u komunitajiet, li għad iridu jgħaddu s-snin qabel ma jfiqu. U hawn, fost il-ħafna li sofrew it-tbatija, ma nistax ma niftakarx fil-Yażidi, vittmi innoċenti ta' barbariżmu bla sens u diżuman, li sfaw ippersegwitati u maqtulin minħabba r-reliġjon li kienu jħaddnu, u li l-istess identità tagħhom u l-istess sopravivenza tagħhom tqegħedu f'riskju kbir.  Għalhekk, ikun biss dment li aħna nkunu nistgħu nħarsu lejn xulxin, bid-differenzi ta' bejnietna, bħala membri tal-istess familja umana, li nkunu nistgħu inniedu proċess effettiv ta' rikostruzzjoni u lil ta' warajna nħallulhom dinja aħjar, aktar ġusta u aktar umana.  Rigward dan, id-diversità reliġjuża, kulturali u etnika li kienet dejjem il-karatteristika tas-soċjetà iraqqina għal eluf ta' snin, hija riżorsa prezzjuża li minnha għandna nisiltu t-tajjeb u m'għandhiex tkun ostaklu li rridu neliminawh.  Illum l-Iraq għandu sejħa biex juri lil kulħadd, speċjalment fil-Lvant Nofsani, li d-differenzi, aktar milli sors ta' kunflitt, għandhom jikkoperaw bejnitehom bl-armonija fil-ħajja ċivili.

Il-koeżistenza fraterna teħtieġ djalogu paċenzjuż u sinċier, imħares mill-ġustizzja u r-rispett lejn id-dritt. Mhux ħaġa faċli: jitlob sforz kbir u impenn minn kulħadd biex jingħelbu r-rivalitajiet u l-kontrapożizzjonijiet, fejn kulħadd jitkellem ma' kulħadd ibda mill-identità l-aktar profonda li għandna, dik li aħna wlied ta' dak Alla wieħed, Ħallieq (cfr, Konċ. Ekum. Vatikan II, Dikjarazzjoni Nostra aetate, 5).  Fuq il-bażi ta' dal-prinċipju, is-Santa Sede, fl-Iraq kif ukoll f'postijiet oħra, qatt ma tehda tappella lill-Awtoritajiet kompetenti biex jagħtu għarfien, jirrispettaw lill-komunitajiet kollha u jtuhom id-drittijiet u l-protezzjoni.  Napprezza l-isforzi li diġà saru f'das-sens u ngħaqqad leħni ma' dak tal-irġiel u n-nisa ta' rieda tajba sabiex dawn jitkomplew għall-ġid tal-pajjiż.

Soċjetà li għandha t-timbru tal-għaqda fraterna hi soċjetà li fiha l-membri tagħha jgħixu bis-solidarjetà bejniethom.  "Is-solidarjetà tgħinna nħarsu lejn l-ieħor (....) bħala proxxmu tagħna, sieħeb fit-triq" (Messaġġ għall-54 Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta' Jannar, 2021)).  Hi virtù li tgħinna nwettqu ġesti konkreti ta' servizz għal dawk l-aktar vulnerabbli u fil-bżonn.  Qed naħseb f'dawk li, minħabba l-vjolenza, il-persekuzzjoni u t-terroriżmu tilfu familjari u persuni għeżież, djarhom u l-meħtieġ għall-ħajja.  Imma qed naħseb ukoll fin-nies kollha li kuljum jitqabdu biex ifittxu s-sigurtà u l-mezzi biex jibqgħu għaddejjin, filwaqt li qed jiżdied il-qagħad u l-faqar. "Li nagħmlu tagħna l-ħtiġijiet tal-oħrajn" (Enċ. Fratelli tutti, 115) għandu jnebbaħna biex nagħmlu kull sforz ħalli noħolqu opportunitajiet konkreti, kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll fil-qasam tal-edukazzjoni, u wkoll fil-kura tal-ħolqien, id-dar komuni tagħna.  Wara kriżi ma jkunx biżżejjed il-bini mill-ġdid, jeħtieġ li dan isir kif jixraq: b'mod li kulħadd jista' jkollu ħajja dinjituża.  Minn kriżi ma nistgħux noħorġu l-istess bħal qabel: noħorġu jew aħjar jew agħar.

Il-fatt li intom politiċi u dilpomatiċi hi għalikom sejħa biex tmexxu 'l quddiem dan l-ispirtu ta' solidarjetà fraterna.  Hemm ħtieġa kbira li niġġieldu l-pjaga tal-korruzzjoni, l-abbużi tal-poter u l-illegalità, imma mhux biżżejjed.  Fl-istess ħin hemm bżonn nibnu l-ġustizzja, inseddqu l-onestà, it-trasparenza u nsaħħu l-istituzzjonijiet responsabbli.  B'hekk tkun tista' tissaħaħ aktar l-istabbiltà u tiżviluppa politika sana bil-ħila li toffri lil kuħadd, speċjalment liż-żgħażagħ - tant numerużi f'dal-pajjiż -, it-tama ta' ġejjieni aħjar.

Sur President, Awtoritajiet distinti, għeżież ħbieb!  Jien ġejt bħala penitent li qed jitlob maħfra lis-sema u lill-ħutu għal tant qerda u krudeltà,  Ġejt bħala pellegrin tal-paċi, f'isem Kristu, Prinċep tal-Paċi.  Kemm tlabna għall-paċi fl-Iraq dawn l-aħħar snin!  San Ġwanni Pawlu II ma hediex jieħu inizjattivi u fuq kollox, offra talb u tbatija għal dan il-għan.  U Alla dejjem jisma'!  Hu għalina li nisimgħu lilu, li nimxu fi triqatu.  Ħa jieqfu l-armi!  Ejja nnaqqsu l-firxa tagħhom, hawn u kullilmkien!  Ejja  (nagħmlu ħilitna) biex jispiċċaw l-interessi speċifiċi li ma jimpurathomx mill-popolazzjoni lokali.  Ħa jingħata leħen lill-bennejja, lill-artiġġjani tal-paċi!  Liż-żgħar, lill-foqra, lin-nies sempliċi, li jridu jgħixu, jaħdmu, jitolbu fil-paċi.  Daqshekk vjolenza, estremiżmi, firda, intolleranza!  Ħalli jingħata spazju liċ-ċittadini kollha li flimkien iridu jibnu dal-pajjiż, bid-djalogu, bid-diskussjoni ħielsa u sinċiera, kostruttiva; lil min qed jimpenja ruħu favur ir-rikonċiljazzjoni u, għall-ġid komuni, dispost iwarrab fil-ġenb l-interessi personali.  Tul dawn is-snin l-Iraq fittex li jħawwel għeruq ta' soċjetà demokratika.  F'das-sens huwa indispensabbli li jkun żgurat is-sehem tal-gruppi politiċi, soċjali u reliġjużi kollha, u jkunu garantiti d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha.  Ħadd m'għandu jitqies bħala ċittadin tat-tieni klassi.  Nagħmel il-qalb lill-passi li saru s'issa f'din it-triq u nittamma li dawn isaħħu s-serenità u l-għaqda.

Il-komunità internazzjonali wkoll għandha rwol deċisiv x'taqdi biex tinkiseb il-paċi f'din l-art u fil-Lvant Nofsani kollu.  Kif rajna tul il-kunflitt twil fil-ġara Sirja - li f'dal-ġranet jaħbat l-għaxar sena minn mindu beda -, l-isfidi huma dejjem sejħa lill-famlja umana kollha kemm hi.  Dawn jeħtieġu koperzzjoni fuq firxa globali bl-għan li jaffrontaw ukoll id-diżugwaljanzi ekonomiċi u t-tensjonijiet reġjonali li qed ipoġġu f'riskju l-istabbiltà ta' dawn l-artijiet.  Irrodd ħajr lill-Istati u lill-Organizzazzjonijiet internazzjonali li hawn fl-Iraq li qed jimpenjaw ruħhom fir-rikostruzzjoni u biex jagħtu għajnuna lir-refuġjati, lill-imtarrfin interni u lil min qed isibha diffiċli jerġa' lura lejn daru, billi qed jipprovdu lill-pajjiż l-ikel, l-ilma, id-djar u s-servizzi sanitarji u iġjeniċi kif ukoll qed ifasslu programmi biex tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni u l-bini tal-paċi.  U hawn ma nistax ma nsemmix lil tant aġenziji, fosthom diversi aġenziji kattoliċi, li ilhom snin jgħinu lill-popolazzjoni ċivili b'impenn kbir.  Li taqdi l-ħtiġijiet essenzjali ta' tant aħwa huwa att ta' karità u ġustizzja, u huwa kontribut biex il-paċi tkun dejjiema.  Nawgura li n-nazzjonijiet ma jiġbdux lura l-id ta' ħbiberija u ta' impenn kostruttiv li qed joffru lill-poplu iraqqin, imma jkomplu jaħdmu bi spirtu ta' responsabbiltà komuni mal-Awtoritajiet lokali, bla ma jimponu interessi politiċi u ideoloġiċi.

Min-natura tagħha, ir-reliġjon għandha tkun ta' servizz għall-paċi u l-fratellanza.  Isem Alla ma jistax ikun użat "biex jiġġustifika atti ta' omiċidju, turufnament, terroriżmu u oppressjoni" (Dokument dwar il-fratellanza umana, Abu Dhabi, 4 ta' Frar, 2019).  Għall-kuntrarju, Alla, li ħalaq il-bnedmin kollha l-istess fid-dinjità u d-drittijiet, isejħilna biex inxerrdu l-imħabba, il-qalb tajba u l-armonija.  Fl-Iraq ukoll, il-Knisja Kattolika tixtieq tkun ħabiba ta' kulħadd u, permezz tad-djalogu, tikkollabora b'mod kostruttiv mar-reliġjonijiet l-oħra għall-kawża tal-paċi.  Il-preżenza tal-insara f'din l-art sa mill-eqdem żminijiet u l-kontribut li tat għall-ħajja tal-pajjiż huma wirt għani li jrid ikompli jkun ta' servizz għal kulħadd.  Is-sehem tagħhom fil-ħajja pubblika, bħala ċittadini li jgawdu sħiħ id-drittijiet kollha, huma liberi, responsabbli, irid ikun xhieda li pluraliżmu san reliġjuż, etniku u kulturali jista' jagħti sehmu għar-riżq u l-armonija tal-pajjiż.

Għeżież ħbieb, nixtieq għal darb'oħra nesprimi l-gratitudni kbira tiegħi għal dak kollu li għamiltu u li għadkom qed tagħmlu bl-għan li tibnu soċjetà bit-timbru tal-għaqda fraterna, solidarjetà u armonija.  Is-servizz tagħkom lejn il-ġid komuni huwa opra nobbli.  Nitlob li Dak li jista' kollox biex iweżinkom fir-responsabbiltajiet li għandkom u biex imexxikom ilkoll fit-triq tal-għerf, tal-ġustizzja u tal-verità.  Fuq kull wieħed u waħda minnkom, fuq il-familji tagħkom u fuq l-għeżież tagħkom u fuq il-poplu iraqqin kollu kemm hu, ninvoka l-abbundanza tal-barkiet divini.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber