VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 ta' Marzu, 2021]

ANGELUS

Knisja tal-Kunċizzjoni Immakulata f'Qaraqosh

Il-Ħadd, 7 ta' Marzu, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Jiena grat li l-Mulej tani l-opportunitą li nkun fostkom dalgħodu.  Stennejt b'ħerqa kbira dal-mument.  Irrodd ħajr lill-Beatitudni tiegħu l-Patrijarka Ignace Youssif Younan għall-kliem ta' merħba, kif ukoll lis-sinjura Signora Doha Sabah Abdallah u lill-patri Ammar Yako għat-testimonjanzi tagħhom.  Jien u nħares lejnkom qed nosserva d-diversitajiet kulturali u reliġjużi tan-nies ta' Qaraqosh, u dan jikxef xi ħaġa dwar is-sbuħija li dan ir-reġjun tagħkom joffri lill-ġejjieni.  Il-preżenza tagħkom hawnhekk tfakkar li s-sbuħija mhix ta' lewn wieħed imma tilma bil-varjeta u d-differenzi.

Fl-istess ħin, bi swied ta' qalb kbir, inħarsu madwarna u naraw sinjali oħra, is-sinjali tas-setgħa qerrieda u tal-vjolenza, tal-mibgħeda u tal-gwerra.  Kemm ġew meqruda affarijiet!  U kemm hemm x'jerġa' jinbena!  Dil-laqgħa tagħna turi li t-terroriżmu u l-mewt qatt m'għandhom l-aħħar kelma.  L-aħħar kelma hi ta' Alla u ta' Ibnu, rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub.  Anki qalb it-tifrik mit-terroroiżmu u l-gwerra, bl-ghajnejn tal-fidi nistgħu naraw it-trijonf tal-ħajja fuq il-mewt.  Quddiemkom għandkom l-eżempju ta' missirijietkom u ommijietkom fil-fidi, li qiemu 'l Alla f'dan l-imkien.  Ipperseveraw b'tama soda fil-mixja tagħhom fid-dinja, u afdaw f'Alla li qatt ma jiddeludi u li dejjem iweżinna bil-grazzja tiegħu.  Il-wirt spiritwali kbir li ħallewlna għandu jgħix fikom.  Ħaddnu dan il-wirt!  Dan il-wirt hu l-qawwa tagħkom.  Issa huwa l-ħin ta' bini mill-ġdid u bidu ġdid bil-fiduċja fil-grazzja t'Alla li jmexxi d-destin ta' kull bniedem u tal-popli kollha.  M'intomx waħedkom!  Il-Knisja kollha qribkom bit-talb u l-karitą konkreta.  U f'dar-reġjun kienu ħafna li fetħulkom il-bibien fil-waqt tal-bżonn.

Għeżież, dan hu l-waqt biex nagħtu ħajja ġdida mhux biss lill-bini, imma qabel kollox lir-rabtiet li jgħaqqdu l-komunitajiet, il-familji, liż-żgħażagħ u l-anzjani.  il-Profeta Ġoel jgħid: "Uliedkom iħabbru, subien u bniet, ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet " (Ġoel, 1).  Meta jiltaqgħu l-anzjani u ż-żgħażagħ x'jiġri?  L-anzjani joħolmu, joħolmu ġejjieni għaż-żgħażagħ; u ż-żgħażagħ jiġbru dan il-ħolm u jipprofetizzaw, imexxuh 'il quddiem.  Meta l-anzjani u ż-żgħażagħ jingħaqdu, nipperseveraw u nittrażmettu d-doni li jtina Alla.  Inħarsu lejn uliedna, filwaqt li nagħrfu li huma l-werrieta mhux biss ta' art, kultura u tradizzjoni, imma wkoll tal-frott ħaj tal-fidi li hija l-barka t'Alla fuq din l-art.  Ninkoraġġikom biex ma tinsewx min intom u minn fejn ġejjin!  Indukraw ir-rabtiet li jgħaqqdukom flimkien, inħeġġiġkom biex tħarsu l-għeruq tagħkom.

Żgur li jaslu waqtiet li fihom il-fidi tista' titbandal, meta donnu jidher li Alla la qed jara u lanqas qed jaġixxi. Dan kien minnu għalikom fl-aktar jiem suwed tal-gwerra, u hu minnu wkoll f'dawn il-jiem ta' kriżi sanitarja globali u ta' inċertezza kbira.  F'dawn il-waqtiet ftakru li Ġesł jinsab maġenbkom.  Tehdewx tiħolmu!  Iċċedux, titilfux it-tama!  Il-qaddisin jindukrawkom mis-sema: ninvokawhom u ma ngħejjew qatt nitolbu l-interċessjoni tagħhom.  U hemm ukoll "il-qaddisin tal-bieb ta' ħdejna" illi, "jgħixu fostna u huma mera tal-preżenza t'Alla" (Eż. App. Gaudete et Exsultate, 7).  Din l-art mogħnija b'ħafna ninnhom, hija art ta' tant irġiel u nisa qaddisin.  Ħalluhom jakkumpanjawkom lejn ġejjieni aħjar, ġejjieni ta' tama.

Is-Sinjur Doha qalet ħaġa li qanqlitni: qalet li l-maħfra hi meħtieġa min-naħa ta' min irenxxilu jeħlisha mill-attakki terroristiċi.  Maħfra: din il-kelma hi l-qofol.  Il-maħfra meħtieġa biex nibqgħu fl-imħabba, biex nibqgħu nsara.  It-triq lejn fejqan sħih jista' jkun li għadha twila imma nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma taqtgħux qalbkom.  Irid ikollok il-ħila li taħfer, u, fl-istess ħin, il-kuraġġ biex tissielet.  Naf li dan hu diffiċli ħafna.   Imma aħna nemmnu li Alla jista' jġib il-paċi f'din l-art.  Aħna nafdaw fih, u, flimkien mal-bnedmin kollha ta' rieda tajba, ngħidu "le" għat-terroriżmu u għall-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon.

Patri Ammar, hu u jiftakar fl-orruri tat-terroriżmu u tal-gwerra, iżża ħajr lill-Mulej li dejjem weżinkom fi żminijiet tajba u oħrajn koroħ, fis-saħħa u fil-mard.  Il-gratitudni tinbet u tikber meta niftakru fid-doni u l-wegħdiet ta' Alla.  lt-fakra tal-imgħoddi tmexxina 'l quddiem lejn il-ġejjieni.

F'kull ħin, niżżu ħajr 'l Alla għad-doni tiegħu u nitolbuh jagħti l-paċi, il-maħfra u l-fraternitą lil din l-art u lil niesha.  Ma nhedew qatt nitolbu għall-konverżjoni tal-qlub u biex tittrijonfa l-kultura tal-ħajja, tar-rikonċiljazzjoni u tal-imħabba fraterna, bir-rispett lejn id-differenzi, lejn id-diversi tradizzjonijiet reliġjużi, fi sforz biex nibnu ġejjieni ta' għaqcda u kollaborazzjoni fl-umanitą li lkoll nagħmlu parti minnha.  Imħabba fraterna  li tagħti għarfien "lill-valuri fundamentali tal-komunitą komuni tagħna, valuri li f'isimhom nistgħu u għandna nikkoperaw, nibnu u niddjalogaw, naħfru u nikbru" (Enċ. Fratelli tutti, 283).

Jien u ġej bi-ħelikopter, rajt l-istatwa tal-Verġni Marija fuq dil-knisja tal-Kunċizzjoni Immakulata u fdajtilha f'idejha t-twelid ġdid ta' dil-belt.  Il-Madonna mhux biss tipproteġina mill-għoli imma bit-tenerezza materna tinżel lejna.  Ix-xbieha tagħha hawnhekk sfat miġrugħa u kalpestata, imma wiċċ Omm Alla jkompli jaħres lejna bit-tenerezza.  Għax hekk jagħmlu l-ommijiet: jikkunslaw, ifarrġu, jagħtu l-ħajja.  U rrid irrod ħajr minn qalbi lill-ommijiet kollha u lin-nisa kollha ta' dal-pajjiż, nisa kuraġġużi li jkomplu joffru ħajjithom minkejja s-soprużi u l-ġrieħi.  Jalla n-nisa jsibu rispett u jkunu mħarsa!  Jalla jingħatawlhom l-attenzjoni u l-opportunitajiet!  U issa nitolbu flimkien lill-Omm tagħna, ninvokaw l-interċessjoni tagħha għall-ħtiġijiet tagħkom u għall-proġetti tagħkom.  Inqiegħdkom kollha taħt il-protezzjoni tagħha.  U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber